Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jara li fi Triq San Ciro fil-Gudja jitbiddlu/jitnaddfu l-ispieri u spaction chambers li hemm, minħabba l-irwejjaħ insapportabbli ta' drenaġġ li ilu jkun hemm għal dawn l-aħħar xhur?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li sar it-tindif neċessarju fis-sistema tad-drenaġġ fi Triq San Ċiro, l-Gudja u l-'manholes' ġew siġillati. Bħala riżultat l-irwejjaħ ta' drenaġġ waqfu.
Enerġija elettrika għal produzzjoni ta' l-ilma tax-xorb
Question
Jista' il-Ministru jew il-Malta Resources Authority jikkwantifika l-ammont ta' enerġija elettrika li pajjiżna juża sabiex jipproduċu l-ilma tax-xorb (f'termini ta' ratio jew proporzjon)?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li skond ir-Rapport Annwali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma 2003, l-ammont ta' enerġija elettrika wżata fis-sena 2002 - 2003 għall-produzzjoni u distribuzzjoni ta' l-ilma hija kif ġej:-
ilma minn impjanti tar-reverse osmosis - 106,412 MWh
ilma tal-pjan (ground water) - 13,219 MWh
Total - 119,631 MWh
Dan it-total jammonta għal madwar 5.9% ta' l-ammont ta' enerġija elettrika distribwita mill-Korporazzjoni Enemalta.
Jista' il-Ministru jew il-Malta Resources Authority jikkwantifika l-ammont ta' enerġija elettrika użata sabiex jissaħħan l-ilma fir-residenzi, hotels, eċċ f'Malta u Għawdex (f'termini ta' proporzjon jew ratio)?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' persuni li tressqu fuq reati konnessi ma' prostituzzjoni sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena, tressqu quddiem il-Qorti 60 persuna, uħud minnhom diversi drabi, fuq reati konnessi ma' prostituzzjoni.
Jogħġbu l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' appelli li saru lill-Immigration Appeals Board, imwaqqaf taħt l-Att ta' l-Immigrazzjoni, minn immigranti li kien deċiż mill-Principal Immigration Officer li jkunu deportati? X'kien l-eżitu ta' dawn l-appelli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' appelli li ġew deċiżi mill-Immigration Appeals Board taħt l-Att tal-Immigrazzjoni, kien ta' ħdax. L-ebda wieħed minn dawn l-appelli ma ġie milqugħ.
Jogħġbu l-Ministru jkun daqstant ġentili li jintervjeni sabiex jitwaħħlu pelican lights fi Triq Dawret il-Gudja, fil-Gudja quddiem l-għelieqi minħabba li din it-triq twila hija waħda li minn natura tagħha tippresta ruħha għall-overspeeding kbir da parti tal-vetturi b'periklu serju għal dawk, speċjalment residenti ta' Triq il-Burglat, Gudja jew bdiewa, li jkunu jridu jaqsmu biex jidħlu fl-għelieqi jew vice versa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita dwar it-Trasport għadha kif irċeviet talba mill-Kunsill Lokali tal-Gudja sabiex jiġu nstallati pelican lights fil-post indikat mill-Onorevoli Interpellant u fil-preżent din it-talba qegħda tiġi evalwata sabiex jiġi stabiliet x'l-aħjar li jsir.
Jogħġbu l-Ministru jkun daqstant ġentili u jara għaliex il-fabbrika Methode li tinsab l-Imrieħel qed tiltaqa' ma' problemi mhux żgħar mill-Malta Enterprise sabiex takkwista l-edifiċju mhux okkupat u żgumbrat li qabel kien tal-fabbrika WET, biswit tagħha stess, minħabba li tixtieq tkabbar u minħabba dawn id-diffikultajiet ma tistax tagħmel hekk?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Methode ġiet offruta żewġ fabbriki fl-Imrieħel biex tkabbar l-operazzjonijiet tagħha. Wiehed minn dawn il-fabbriki huwa l-ex-WET. Meta saret evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-bini tal-WET min-nies teknici tal-Malta Industrial Parks, ħareġ illi kien hemm problemi serji strutturali fil-kolonni u fuq parti mis-saqaf. Ghalhekk, qabel ma tingħata din il-fabbrika, jeħtieg li jsir evaluazzjoni jekk jaqbilx li din il-fabbrika titranġa jew terġa tinbena minħabba l- flejjes kbar meħtieġa biex tissewwa l-istruttura.
Malta Resources Authority — Wind energy/solar energy
Question
Jogħġbu l-Ministru jispjega x'inhi l-politika tal-Malta Resources Authority dwar l-użu ta' renewable energy, speċjalment fir-rigward ta' wind energy u solar energy?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern huwa favur l-użu ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu (renewable energy). Il-Gvern waqqaf l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi bl-Att XXV ta' 2000 u f'Artiklu 4 ta' dan il-Att, l-Awtorita' għandha l-funzjoni li tinkoraġġixxi l-użu ta' sorsi alternattivi ta' enerġija. Il-Gvern daħħal ukoll fis-seħħ Regolamenti dwar il-Promozzjoni ta' Elettriku ġenerat minn Għejun ta' Enerġija li jiġġeddu (A.L. 186 ta' 2004) u li jaddottaw id-direttiva 2001/77/EC ta' l-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Malta Resources Authority qatt ikkonsidratx is-suġġett ta' land reclamation?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li għalkemm l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi tiġi kkonsultata fuq is-suġġett ta' land reclamation, partikolarment fuq l-użu ta' skart ta' ġebel, l-Awtorita' mhix responsabbli għal din l-attivita'.
Jista' il-Ministru jindika l-ammont ta' ħaddiema li llum hemm fiż-żewġ tarznari? Kemm kien hemm fl-2003 u fl-2002?
Response (GATT, AUSTIN)
L-ammont ta' ħaddiema tat-taznari għas-snin 2002, 2003 u 2004 huwa kif jidher hawn taht:
2002 Malta Drydocks 1973
Malta Shipbuilding 692
2003 (sal- 31 ta' Ottubru) Malta Drydocks 1957
Malta Shipbuilding 689
2003(minn Novembru sal 31 ta' Diċembru) Malta Shipyards Ltd. 1743
2004 (sal-31 ta' Lulju) Malta Shipyards Ltd. 1761
Jogħġbu l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea li jkun diġa' xtara l-ewwel proprjeta' immobbli tiegħu f'Malta jistax jew le jixtri t-tieni proprjeta' immobbli sabiex jikriha lil ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġett tal-Mistoqsija jirrigwardja l-Capital Transfer Duty Department, u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Persuni ta' nazzjonalita' barranija — talbiet għal Acquisition of immovable property permits
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' talbiet għal AIPP (Acquisition of Immovable Property Permits) li kien hemm minn barranin din is-sena għal xiri ta' proprjeta' f'Malta? Kemm minnhom kienu minn ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u kemm le? Kemm minnhom ġew rifjutati?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġett tal-Mistoqsija jirrigwardja l-Capital Transfer Duty Department, u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Qrati — Għajnuna legali fis-sistema ġudizzjarju Malti
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jaħsibx li s-sistema ta' l-għajnuna legali fis-sistema ġudizzjarju Malti għandhiex bżonn tiġi ristrutturata sabiex kull akkużat ikollu d-dritt effettiv li jagħżel l-avukat tal-fiduċja tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Is-sistema ta' l-għajnuna legali ilha taħdem dawn l-aħħar snin sija fil-kamp penali kif ukoll f'dik ċivili. Is-sistema ndikata mill-Onor. Interpellant diġa' ġiet użata fis-snin preċedenti. Hija riżultat fi spejjeż projbittivi u imprevisti apparti l-fatt li ma kinetx garanzija li qed tingħata limitatament lil min verament għandu bżonnha. Għalhekk ma hemmx il-ħsieb li din tiġi ristrutturata fil-linja ndikata mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi jew azzjoni qiegħda tieħu/ħadet Malta, dment li dan mhux ta' xi preġudizzju għall-ħidma diplomatika Maltija, sabiex is-sede ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Euro-Med tkun ibbażata f'Malta?
Response (FRENDO, MICHAEL)
M'hemm ebda ħjiel sa issa li din l-Assemblea ser ikollha sede permanenti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika kemm hu n-numru ta' probation officers li hemm bħalissa? Meta hu maħsub li jerġgħu jiftħu l-applikazzjonijiet għall-ingaġġ tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent fl-uffiċċju tal-Probation hemm 2 Senior Probation Officers u 9 Probation Officers.
Il-Gvern huwa kommess li l-Uffiċċju tal-Probation ikollu r-riżorsi umani neċessarji biex ikun jista' jaħdem b'mod effiċjenti. Għalhekk jekk u meta tinħass il-ħtieġa jittieħdu l-proċeduri neċessarji biex isir ingaġġ ġdid.
ETC — Persuni ta' nazzjonalita' barranin li applikaw biex jaħdmu f'pajjiżna
Question
Jista' il-Ministru jindika n-numru ta' persuni jew ħaddiema barranin li applikaw mal-ETC biex jibdew jaħdmu f'Malta mill-1 ta' Mejju li għadda sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Korporazzjoni ma toħroġx permessi għax-xogħol għal ħaddiema barranin. Din l-informazzjoni tinżam mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Barranin.
Jista' il-Ministru jindika l-ammont ta' żgħażagħ li ħadu sehem fl-iskema ta' l-ETC fejn żgħażagħ bla xogħol jinstabilhom impjieg temporanju u bla paga, permezz ta' l-ETC, u kemm minnhom ġew miżmuma biex jaħdmu permanentement mill-employer tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Ottubru 2003 sa Mejju 2004, f'Malta ġew ingaġġati 41 parteċipant fil-Job Experience Scheme. Minn dawn 6 għadhom fl-iskema.
Mill-
35
parteċipant li ikkonkludew l-iskema;
51% (18 il-persuna) - Qegħdin fl-impjieg li fosthom 22% għadhom mal-istess impjieg. Ta' min jgħid li xi wħud mill-parteċipanti ma setgħux jinżammu fl-impjieg minħabba li kienu qed jieħdu esperjenza ta' xogħol f'Azjendi tal-Gvern.
23% (8 persuni) - reġgħu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol.
26% (9 persuni) - ma nafux il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, għaliex la qegħdin jaħdmu u lanqas jirreġistraw. Minn stħarriġ li għamlet il-Korporazzjoni ħafna minn dawn ikunu qed jaħdmu imma għadhom mhux irreġistrati mal-Korporazzjoni. Għalhekk, min iħaddem ikun mitlub jimla' l-formoli meħtieġa bil-liġi.
Il-Korporazzjoni qegħda tagħmel kampanja t'informazzjoni sabiex tħajjar l-employers jagħtu din l-opportunita' ta' xogħol lil żgħżagħ li jkuku qatt ma ħadmu. B'hekk negħlbu d-diffikulta' li jsibu ż-żgħażagħ biex isibu l-ewwel impjieg tagħhom.
Jista' il-Ministru, sakemm u dment li dan ma jkunx ta' xi preġudizzju għal xi pożizzjoni meħuda minn Malta f'xi forum internazzjonali, jitfa' dawl fuq x'inhi r-reazzjoni/kummenti tal-ministeru tiegħu dwar id-dokument li ġie ppreżentat f'Mejju li għadda dwar il-proposta ta' EU Coast Guard Agency li tkun ibbażata f'Malta, proposta li saret minn żewġ esperti Maltin u li anke ġiet diskussa fil-Kumitat ta' l-Affarijiet Barranin u Ewropej?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li din il-proposta qed tiġi evalwata.