Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta' Kandja — Klandestini li jinżammu f'ċentri ta' detenzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkwantifika l-ispiża medja kuljum għall-gvern għal kull immigrant/klandestin li qed jinżamm fiċ-ċentri ta' detenzjoni u ta' kull priġunier fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Għal dak li jirrigwardja l-immigranti/ klandestini, ġentilment nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2556. Għal dak li jirrigwardja persuni mi¿muma fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, ninsab infurmat illi jekk jingħaddu s-salarji ta’ l-impjegati tal-Ħabs, l-ispi¿a ta’ l-ikel, il-ħlas lill-ħabsin li jaħdmu, l-ispejjeż għal programmmi ta’ riabilitazzjoni, l-ispiża tas-servizzi tas-saħħa, u spejjeż oħra rikorrenti u jiġi diviż it-total bin-numru tal-medja ta’ priġunieri f’ kull ġurnata matul is-sena, l-ispiża tiġi madwar Lm 23. 60 kuljum.

MV Doulos — Bejgħ ta' kotba

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-MV Doulos hux se jingħata jew le permess biex ibiegħ kotba jekk u meta jiġi Malta iktar tard din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-aġenti tal-vapur issottomettew l-applikazzjoni fid-Diviżjoni tal-Liċenzji biex jistgħu jagħmlu fiera tal-kotba meta l-vapur iżur Malta f'Diċembru liema applikazzjoni għandha tiġi approvata sakemm l-applikant joqgħod għall-kundizzjonijiet tad-diviżjoni.

Qrati — Multi pendenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' multi mhux imħallsa fis-16 ta' Awissu 2004 maqsuma: 1) skond is-sena li ġew deċiżi; b) skond in-natura tal-multa (eż. traffiku)?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Interpellant ma indikax għal liema perjodu jixtieq it-tweġiba tiegħu, iżda fi kwalunkwe każ, il-multi ma jiġux reġistrati skond in-natura tal-multa. L-ammonti pendenti fis-16 ta' Awissu 2004, għas-snin 1999 sa 2004 għall-Qrati Kriminali u dawk tal-Maġistrati hu kif ġej: Sena Ammont Pendenti (Lm) 1999 106,625 2000 74,884 2001 199,757 2002 179,173 2003 508,852 2004* 1,035,448 * sas-16 ta' Awissu.

Pulizija — Permessi għal fixed hawkers

Question

Huwa possibbli għall-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn permessi tal-pulizija għal fixed hawkers u għal gabbani maqsuma skond kull lokalita' f'Malta u Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozju, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Dipartiment tat-taxxi interni — Konvenji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati konvenji mad-dipartiment tat-taxxi interni minn wara l-budget 2003 sal-lum? Huwa possibbli li jingħata l-ogħla valur ta' bejgħ/xiri propost f'konvenju wieħed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ konvenji reġistrati f’Malta u Għawdex kien ta’ 6,558. L-ogħla valur ta’ bejgħ /xiri propost f’konvenju wieħed kien jammonta għal Lm6,070,500.

Reġistru Pubbliku — Konvenji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati konvenji mar-Reġistru Pubbliku minn wara l-Budget 2003 sal-lum? Huwa possibbli li jingħata l-ogħla valur ta' bejgħ/xiri propost f'konvenju wieħed?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Impjiegi — Azzjonijiet industrijali

Question

Jista' il-Ministru jindika n-numru ta' dikjarazzjonijiet ta' azzjonijiet industrijali li saru mis-sena 1998 sal-lum, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn tagħrif li għandu d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Xogħol jirriżulta li n-numru ta' tilwim industrijali dikjarat u reġistrat u n-numru ta' azzjonijiet meħuda hu hekk : Sena Tilwim Azzjonijiet 1998 60 8 1999 92 16 2000 103 12 2001 103 14 2002 116 5 2003 94 8 2004(sal-lum) 46 4

Korp tal-pulizija — Ingaġġ ta' membri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' dawk li applikaw għall-ingaġġ fil-korp tal-pulizija fl-aħħar sejħa li għalqet fit-28 ta' Lulju 2004? Kemm hu maħsub li jkunu ngaġġati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm 498 persuna li applikaw għall-ingaġġ fil-Korp tal-Pulizija.

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Żjara f'pajjiżi tal-Lvant Nofsani

Question

Jista' il-Ministru jgħid, dejjem jekk mhux ta' xi preġudizzju għal ħidma diplomatika Maltija, jekk hemmx xi ħsieb li hu jżur xi pajjiżi fil-Lvant Nofsani fil-futur qarib?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Huwa l-ħsieb tiegħi li nżur pajjiżi fil-Lvant Nofsani malli jkun possibbli biex inġedded u niżviluppa r-rabtiet politiċi li Malta għandha ma' pajjiżi f'dan ir-reġjun.

SVPR — Applikazzjonijiet għal dħul fir-residenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal dħul fir-residenza San Vinċenz de Paule?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għad-dħul fir-Residenza San Vinċenz De Paul huwa ta' 688.

European year of education through sport

Question

Fid-dawl tal-fatt li s-sena 2004 hija il-European year of education through sport u peress li l-Kummissjoni Ewropea s-sena li għaddiet ħabbret miżuri ta' ko-finanzjament ta' proġetti/miżuri (budget ta' euro6.5 miljun ) imnebbħa fi ħdan il-pajjiżi membri ta' l-UE u imbagħad implimentati fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali, internazzjonali jew komunitarju u għal liema budget kellhom jidħlu applikazzjonijiet sa l-1 ta' Marzu 2004 biex il-proġetti jibdew wara l-1 ta' Lulju 2004, jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm proġetti Maltin eliġibbli?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif għadu ma wasallix stante li d-Direttur għall-Affarijiet Ewropej jinsab imsiefer fuq xogħol, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Marsa — Day centre għall-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jinfetaħ day centre għall-anzjani fil-Marsa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li s'issa l-Gvern m'għandu l-ebda ħsieb li jinfetaħ Day Centre għall-anzjani fil-Marsa. Fil-preżent l-anzjani tal-Marsa jattendu d-Day Centre fil-Ħamrun.

Qrati — Persuni akkużati fuq money laundering

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika kemm tressqu nies il-qorti akkużati b'money laundering sal-lum minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mir-records disponibbli jidher li kien hemm 9 persuni li tressqu l-Qorti mill-Pulizija b'akkużi relatati ma' money laundering minn meta ġiet fis-seħħ l-istess liġi.

Pulizija — Rapporti dwar suwiċidji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' suwiċidji li kienu rappurtati din is-sena? Liema kienu l-iżgħar u l-ogħla etajiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tmien xhur ta' din is-sena, ġew irrapurtati lill-Pulizija għoxrin każ ta' suwiċidju. L-eta' tal-vittmi kienet tvarja bejn is-sbatax u l-erbgħa u tmenin sena.

Pulizija — Sejba ta' drogi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' droga li din is-sena nqabdet mill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont u t-tip ta' droga li nqabdet mill-Pulizija matu l-ewwel tmien xhur ta' din is-sena huwa kif ġej: Cocaine 107.64grms Heroin 674.849grms Cannabis plants 288 plants Cannabis grass 2.345kg Cannabis resin 14.639kg Cannabis seed 2,281 seeds Cannabis joints 7 joints Ecstacy 845.5 tablets Amphetamine 69.4grms Dalmain 4 tablets

Qrati — Persuni akkużati bi traffikar ta' droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' persuni li din is-sena tressqu l-qorti akkużati bi traffikar ta' droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tmien xhur ta' din is-sena, il-Pulizija akkużat quddiem il-Qorti 95 persuna fuq akkużi ta' traffikar ta' droga.

Malta Resources Authority — Użu ta' l-enerġija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Malta Resources Authority għandhiex strateġija nazzjonali dwar l-użu ta' l-enerġija sabiex ikun hemm approach ħolistiku u integrat fl-użu ta' l-enerġija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li jeżisti abbozz avvanzat ta' l-Energy Policy. Dan huwa bbażat fuq l-obbligi ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea.

Malta Resources Authority — Produzzjoni ta' bio-gas

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Malta Resources Authority qattx ikkonsidrat il-produzzjoni ta' bio-gas mill-manure li jiġi prodott mill-irziezet, speċjalment dawk tat-tiġieġ u tal-baqar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi qiegħda fil-proċess li tikkunsidra l-produzzjoni u l-użu tal-biogas f'kuntest tad-Direttiva 2003/30/EC ta' l-Unjoni Ewropea. Hu maħsub li sa l-aħħar ta' din is-sena, il-provedimenti ta' din id-Direttiva jkunu parti mill-liġi Maltija.