Jista' il-Ministru jgħid kemm-il student bħalissa qed jattendu l-Institute of Tourism Studies?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li qed jattendu l-Institute of Tourism Studies bħalissa huwa ta' 677. Dawn jinkludu 494 student/a full-time u 183 student/a part-time.
Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid liema kienu dawk l-entitajiet, dipartimenti jew awtorijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta' Jannar 2004 sal-lum? (kemm pre-accession u accession funds)? Għal liema fondi applikaw? Kemm-il proġett ġie sottomess? X'kien l-eżitu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jara li Wied Znuber f'Ħal Far (rikonoxxut bħala area ta' konservazzjoni u ta' importanza ekoloġika internazzjonali) isir dak ix-xogħol rikjest skond is-sengħa u l-arti sabiex dan il-wied jiġi mħares iktar u jitnaddaf peress li sal-lum id-drenaġġ mill-Industrial Estate ta' Ħal Far għadu jintefa' ġo fih?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hi konxja tal-valur ekoloġiku ta' Wied Żnuber, u nfurmat lil Malta Industrial Parks, u l-Unit, fi ħdan il-Water Services Coroporation, responsabbli mid-drenaġġ b' din il-problema, u issa qed tistenna li x-xogħlijiet neċessarji jsiru f' qasir żmien.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jixtarr is-suġġeriment li, stante l-importanza tal-karta ta' l-identita' bħala dokument ta' l-ivjaġġar flok il-passaport, u stante li fuq quddiem ta' kull ID card imkien m'hemm imniżżel il-kelma "MALTA" (u fuq wara tagħha hemm biss, b'tipa żgħira "Repubblika ta' Malta''), isiru tibdiliet neċessarji sabiex il-kelma "MALTA" tibda titniżżel ukoll fuq quddiem, eżatt wara l-indirizz, ħalli jkun iktar faċli għal awtoritajiet barranin fl-airports barranin li jinduna mill-ewwel li si tratta ta' ċittadin Malti u b'hekk jiġu evitati malintiżi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan l-aħħar ġie mwaqqaf kumitat sabiex jiddiskuti x'tibdil għandu jsir fil-Karta tal-Identita', kif ukoll fil-liġi relatata (Kap 258). Dan il-kumitat huwa presedut minn rappreżentant mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u bħala membri hemm rappreżentant tal-Korp tal-Pulizija u ta' l-Uffiċċju Elettorali. Għaldaqstant is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jiġi mressaq lill-kumitat imsemmi għal kunsiderazzjoi tiegħu.
Jista' il-Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid kemm-il quality service charter ġew imnedija s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi għar-risposta li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 6271. Sa issa ġew imnedija uffiċjalment 51 Quality Service Charter. Il-lista kompluta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorita' Marittima ta' Malta — Liċenzja ta' foreman
Question
Jista' il-Ministru jara il-għala l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li fit-22 ta' Settembru 2003 applika l-Malta Maritime Authority sabiex jingħata l-liċenzja ta' foreman ta' stevedores (Ref. No. MMA/PO5/80/6II) għadu sal-lum ma ngħata ebda forma ta' risposta għad li fl-24 ta' Settembru rċieva l-acknowledgement ta' l-applikazzjoni tiegħu? (Qed jiġi dikjarat li missier u z-zijiet ta' dan l-applikant għandhom diġa' il-liċenzja ta' foremen). Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti sabiex persuna tingħata din il-liċenzja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li nvista tad-diskussjonijiet li qed isiru għar-rigward ir-riforma tal-port mhux fi ħsieb l-Awtorita' Marittima li joħorġu liċenzji ġodda, għall-anqas fil-preżent.
Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw persuni għal care & repair scheme tal-housing authority?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minn Marzu 2003 sa l-14 ta' Settembru 2004, l-Awtorita' tad-Djar irċeviet 473 applikazzjoni taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
Belt Valletta — Triq San Kristofru - Arkivji Notarili
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex l-Arkivji Notarili fi Triq San Kristofru l-Belt Valletta jingħataw aktar attenzjoni, inkluż xogħol ta' restawr, biex ma jintilfux arkivji importanti u storiċi minħabba l-istat preżenti tal-bini?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi qed isiru pjanijiet sabiex isir ir-restawr neċessarju mifrux fuq medda ta' snin.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-Consumer Affairs Division qattx għamlet (u fil-każ, kemm) inspections sabiex tiżgura li d-daqs tal-ħobża Maltija jkun dak skond il-liġi?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jindika u jispjega x-xogħol li qed isir fil-Forti Sant'Anġlu sabiex dan jerġa' jakkwista s-sbuħija u d-dehra li darba kellu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
F'dawn l-aħħar xhur il-Ministeru ta' l-Iżvilupp Urban u t-Toroq xpruna x-xogħolijiet ta' restawr li qed isiru mill-Konsorzju Cottonera Waterfront Development. Dan il-Konsorzju wettaq xogħolijiet fuq:
1.Il-Bieb tal-Fortizza fejn sar studju intensiv tad-degradd u proposti għar-restawr
2.Tnaddfu u ġew ddisinjati proposti ta' użi ġodda għall-parti msemmija 'Sea Gate Vaults'
3.Qed jigi ddisinjat proġett ta' rijabilitazzjoni fuq il-parti ta' isfel tal-Fortizza magħrufa bħala 'De Gurial Battery'
4.Saru ukoll studji u tlestew d-disinji għar-rijabilitazzjoni tal-impjant ta' distilazzjoni li kien maħsub li jintuża
għat-Thalasso Therapy
5.Il-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura installa sistema ta' dawl madwar Sant'Anġlu
Jista' il-Ministru jara, fil-kontest tal-prioritajiet tad-dipartiment tat-toroq, li Triq ix-Xwieni fil-Marsa (Albertown) tiġi asfaltata mill-aktar fis minħabba li qegħda fi stat ħażin ferm?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi din it-triq hija waħda mill-prijoritajiet li d-Direttorat qiegħed iħares lejhom għas-sena d-dieħla.
Jista' il-Ministru jindika liema huma dawk il-kunsilli lokali mir-Raba' Distrett (Paola, Gudja, Marsa, Sta. Luċija, Tarxien) li sal-lum aċċettaw jew talbu għal għotja/self ta' Lm75,000 mill-Gvern Ċentrali sabiex jiġu asfaltati toroq fi ħdanhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi il-Kunsill Lokali tar-Raba’ Distrett li sal-lum aċċettaw jew talbu għal għotja/self mingħand l-ADT ta’ Lm75,000 biex jibnu u jasfaltaw jew jibnu mill-ġdid u jasfaltaw toroq huma dawn li ġejjin:
1.Gudja
2.Raħal Ġdid
3.Santa Luċija
Minn dawn sar ftehim biss mall-Kunsill Lokali tal-Gudja. Ix-xogħolijiet ta' toroq indikati fil-ftehim ma' dan il-Kunsill issa tlesta.
Jista' il-Ministru jindika liema huma dawk il-kunsilli lokali li sal-lum aċċettaw l-għotja/self ta' Lm75,000 mill-Gvern Ċentrali sabiex jasfaltaw toroq fil-lokalitajiet tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi il-Kunsill Lokali li sal-lum iffirmaw kuntratt ma’ l-ADT ta’ Lm75,000 biex jibnu u jasfaltaw jew jibnu mill-ġdid u jasfaltaw toroq huma dawn li ġejjin:
1. Bormla 11.Pieta
2. Dingli 12.Rabat (Malta)
3. Għargur 13.San Ġiljan
4. Gudja 14.San Ġwann
5. Iklin 15.San Pawl il-Bahar
6. Isla 16.Siġġiewi
7. Kirkop 17.Swieqi
8. Marsaxlokk 18.Żabbar
9. Mġarr (Malta) 19.Żebbug (Malta)
10.Mosta 20.Żejtun
Jista' il-Ministru jara li Wied Znuber f'Ħal Far (rikonoxxut bħala area ta' konservazzjoni u ta' importanza ekoloġika internazzjonali) isir xogħol ta' tindif peress li għad hemm ammonti enormi ta' skart fih, inkluż batteries, li qed jikkawżaw ħafna toxins li jidħlu fil-water table?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li saret spezzjoni fil-Wied Żnuber f'Ħal Far li jibqa' sejjer sal-baħar u ma jirriżultax li hemm xi xogħol ta' tindif ta' skart solidu mormi xi jsir. Ser jittieħdu passi sabiex jirtnaddaf il-madwar tal-Wied minn skart li ġie mitfugħ illegalment.
Jista' il-Ministru jikkwantifika l-ammont ta' l-energy output li jmur għat-tħaddim tar-reverse osmosis plants? Xi kemm huwa bħala proporzjon jew persentaġġ tat-total energy output?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-konsum ta' l-elettriku li ġie utilizzat għall-produzzjoni ta' l-ilma mill-impjanti tar-Reverse Osmosis u li jkopri il-perjodu Awissu 2003 sa Lulju 2004 hu ta' 112,553,600 unit (kWh). Dan hu 5.39% tat-"total energy output".
Jista' il-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jispjega kemm hemm verita' jew sustanza fl-għajdut li l-Police Academy dalwaqt se tiċċaqlaq mill-Forti Sant'Iermu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent m'hemm l-ebda ħsieb li l-Akkademja tal-Pulizija tiċċaqlaq minn Sant Elmo.
F'każ li jiġi żviluppat il-proġett ta' Sant Elmo fil-parti ta' fuq, l-Akkademja tista' tiġi trasferita.
Jista' il-Ministru jispjega xi sforzi qed isiru sabiex il-purita ġenetika tal-baqra Maltija tiġi mħarsa stante li ma baqax barri Malti wieħed li huwa kważi 100% pur, sabiex inkunu qed inħarsu l-wirt Malti? Huwa possibbli li tintalab l-għajnuna ta' l-Unjoni Ewropea għal dan il-għan? Jikkonsidra l-Ministru li tiġi ntrodotta leġislazzjoni sabiex l-annimali indiġeni (fosthom anke mogħoż) jiġu mħarsa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għar-Riċerka ta' l-Obstetrizia u l-Ġinekoloġija qed tagħmel sforzi biex titħares il-purita' ġenetika tal-baqra Maltija.
Il-Fondazzjoni tista' tingħata għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea permezz tal-provvedimenti fil-Pjan għall-Iżvilupp Rurali u l-miżuri li jkopru l-ispeċi awtoktoni. Għalkemm il-Pjan għall-Iżvilupp Rurali għandu fih dawn il-miżuri, m'huwiex eskluż li jista' jkun hemm leġislazzjoni fil-futur għal dan il-għan.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' baqar u mogħoż f'Malta li huma kkonsidrati 100% puri u ġenetikament Maltin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandna jidher li teżisti baqra Maltija waħda biss li hija 100% ġenetikament pura. Rigward il-ġenetika tal-mogħża maltija, ma teżistix informazzjoni dettaljata, iżda hemm ammont żgħir ta' mogħoż Maltin puri f'xi rziezet.