Jista' il-Ministru jgħid jekk fl-Universita' ta' Malta hemmx dipartiment tax-xjenza politika u jekk le, qattx inħass il-bżonn li jkun hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Universita' ta' Malta m'għandiex Dipartiment tax-Xjenza Politika iżda korsijiet li jiffurmaw parti ntegrali minn din id-dixxiplina huma pprovduti mid-Dipartiment tal-Public Policy fil-Fakulta ta' l-Ekonomija, Management u Accountancy. Dan id-Dipartiment jipprovdi korsijiet kemm f'livell undergraduate kif ukoll post-graduate. Minn żmien għall-żmien dan id-Dipartiment, dejjem jekk ikun hemm konkorrenza biżżejjed, jorganizza Diploma fl-Istudji Politiċi matul il-ħinijiet ta' filgħaxija.
Jista’ il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-entijew dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea din is-sena, għal liema fondi applikaw u x'kien l-eżitu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Jista’ il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-enti jew dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea din is-sena, għal liema fondi applikaw u x'kien l-eżitu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Matul din is-sena l-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq flimkien ma' l-Awtorita’ dwar it-Trasport applikaw direttament għal diversi fondi mill-Unjoni Ewropea. Tabella ta’ dawn l-applikazzjonijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Peress li dawn l-applikazzjonijiet qegħdin jiġu ikkunsidrati, mhux possibli f’dan l-istadju nagħtu figuri.
Jista’ il-Ministru jgħid x'inhuma r-riżultati ta' dawn l-aħħar sentejn tal-monitoraġġ ta' l-arja daparti tal-MEPA, b'mod ġenerali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-moniteraġġ ta’ l-arja mmexxi mill-Pollution Prevention and Control Unit fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ilu għaddej għal bosta snin. Is-sommarju pprovdut f’dan id-dokument jitratta riżultati minn moniteraġġ li sar fl-2003 u 2004. Dan il-moniteraġġ jikkonsisti fid-‘diffusion tube network’ li jsir f’44 lokalità f’Malta u Għawdex, u ‘real time monitoring’ permezz ta l-air monitoring station fi Triq Sant’ Anna l-Furjana.
Dawn huma r-riżultati b’mod ġenerali:
· Il-kwalità ta’ l-arja f’Malta titqies bħala tajba għal moderata, b’livelli ta’ trab fin (PM10) u ‘sulphur dioxide’ li jridu jingħataw iżjed attenzjoni. L-effetti ta’ l-‘ozone’ fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq il-veġetazzjoni ukoll għandhom bżonn ta’ l-attenzjoni.
· Kien hemm tnaqqis sostanzjali fil-livelli tas-‘sulphur dioxide’ u ‘benzene’ fl-arja minn meta beda l-użu ta’ fuel ‘nadif’ fil-power stations (April 2004) u petrol bla ċomb (Jannar 2003) fis-settur tat-trasport.
· Il-kwalità ta’ l-arja f’toroq dojoq u traffikużi hija ta’ kwalità inferjuri f’toroq oħra fil-viċinanzi.
· Meta nikkunsidraw il-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna, xi livelli ta l-‘ozone’, ‘sulphur dioxide’ u trab fin (PM10) jistgħu jiġu mpurtati minn pajjiżi oħra, u dan jiddependi mill-meteoroloġija li f’każijiet tista’ tiffavurixxi dan il-proċess (long range transport)
· Studji inizjali jidentifikaw livelli kemmxejn għoljin ta’ trab fin, għalkemm iktar studju irid iseħħ f’dan ir-rigward, speċjalment fil-komponenti ta’ dan it-trab u sorsi possibbli.
· F’żoni partikolari hemm tendenza ta’ livelli għoljin ta ‘nitrogen oxides’ li jistgħu jiġu mnaqqsa b’użu sostenibbli fis-settur tat-trasport u konsum ta’ l-enerġija.
Iktar dettalji ta’ dan l-istudju li sar għal sentejn sħaħ ikunu nklużi fl-‘iState of the Environment Report 2005’ li se joħroġ aktar tard din is-sena.
Jista’ il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-enti jew dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea din is-sena, għal liema fondi applikaw u x'kien l-eżitu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-entitajiet, jew Dipartimenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent li applikaw għal xi forma ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea din is-sena kienu d-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura (3 proġetti taħt l-INTERREG, li wieħed ġie aċċetat), u żewġ proġetti (mill-WasteServ u mill-Parks Unit) ġew sottomessi lill-Awtorità Kompetenti Nazzjonali tal-programm LIFE (li qiegħed fi ħdan il-Ministeru tiegħi) u kienu mibgħuta lill-Kummissjoni. Dawn it-tnejn ma ġewx ikkunsidrati għall-għajnuna.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-enti jew dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea din is-sena, għal liema fondi applikaw u x'kien l-eżitu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li dawk l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi li għamlu applikazzjoni formali għall-fondi mill-UE matul din is-sena huma:-
id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet (Taqsima tar-Restawr);
l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi;
il-Programm għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta.
L-applikazzjonijiet saru fil-kuntest tal-programmi Interreg u Twinning Light. L-eżitu ta' dawn l-applikazzjonijiet għadu mhux magħruf.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Arbitri fic-Ċentru ta' l-Arbitraġġ għandhom limitu ta' kemm ikollhom każijiet? Jekk iva, x'inhu dan il-limitu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ stabbilixxa limitu ta' 10 każi ta' arbitraġġ li arbitru jista' jkollu quddiemu. Iżda peress li l-ħatra ta' l-arbitru hija prerogattiva tal-partijiet, iċ-Ċentru ma jistax jirrifjuta ħatra miftehma bi qbil bejn il-partijiet. Għalhekk dan il-limitu ta' kawżi qed jiġi applikat biss meta c-Chairman taċ-Ċentru ikollu jaħtar arbitru hu skond il-provedimenti tar-Raba' Skeda ta' l-Att (Arbitraġġi Mandatarji).
Jista’ il-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati jew inħarġu liċenzji għal vetturi second hand importati mill-Ġappun din is-sena u s-sena l-oħra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ vetturi second hand importati mill-Ġappun u li ġew reġistrati fl-2004 jammontaw għall-4288 filwaqt li bejn Jannar u l-aħħar ta’ Ottubru 2005 ġew reġistrati 3917.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid dwar liema materji kienu jitrattaw il-każijiet quddiem ic-Ċentru ta' l-Arbitraġġ li daħlu s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena ġew reġistrati 255 każ quddiem iċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ.
Dawn kienu maqsumin kif ġej:-
Kolliżjonijiet tat-traffiku 236
Każijiet ta' Condominia 4
Bini/Kostruzzjoni 1
Kummerċ 5
Ċivil 6
Assikurazzjoni 2
Relazzjoni Industrijali 1
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nies tressqu l-qorti akkużati bi traffikar ta' droga din is-sena u s-sena l-oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 kien hemm 143 persuna li ġiet akkużata quddiem il-Qorti bi traffikar ta' droga, filwaqt li sa l-aħħar ta' Ottubru ta' din is-sena kien hemm 83.
Jista’ il-Ministru jgħid meta ser ikun lest l-asfaltar ta' Triq il-Gardjola fil-Fgura?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar t-Trasport qed tipprepara stejjem tax-xogħlijiet meħtieġa f’din it-triq. Ix-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet mill-program tax-xogħlijiet ta’ l-ADT.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati ittri uffiċjali fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili din is-sena u s-sena l-oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-sena 2004 ġew ippreżentati 4,508 ittra uffiċjali fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Fl-istess Qorti ġew ippreżentati 3,802 mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Awissu 2005.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati ittri uffiċjali fil-Qorti tal-Maġistrati din is-sena u s-sena l-oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2004 ġew ippreżentati 8,115-il ittra uffiċjali fil-Qorti tal-Maġistrati, Malta.
Fl-istess Qorti ġew ippreżentati 7,273 ittra uffiċjali mill-1 ta' Jannar sla-31 t'Awissu, 2005.
Għal dak li jikkonċerna l-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) ninsab infurmat illi fl-2004 kien hemm 874, filwaqt li matul l-2005 (sat-30 ta' Settembru) kien hemm 688.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati protesti ġudizzjarji fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili u/jew fil-Qorti tal-Maġistrati din is-sena u
s-sena l-oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba dwar kemm ġew ippreżentati protesti ġudizzjarji hu kif ġej:-
2004 2005
Qorti tal-Maġistrati (Malta) 6 7*
Prim Awla tal-Qorti Ċivili 354 247*
Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) 51 38**
* sal-31 ta' Awissu.
** sat-30 ta' Settembru.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati ittri uffiċjali bil-proċedura li daħlet fl-1 ta' Awissu 2005 għal krediti ta' taħt il-Lm5,000?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa l-1 ta' Novembru 2005, kien hemm 863 ittri uffiċjali ppreżentati fil-Qorti ta' Malta bil-proċedura li daħlet fl-1 ta' Awissu 2005, filwaqt li n-numru ta' dawk preżentati fl-istess perjodu fil-Qorti ta' Għawdex kien ta' 39.