Jista' l-Viċi Prim Ministru ikun daqstant ġentili u jgħid għaliex minkejja li persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kellu l-petizzjoni tiegħu l-E.T. il-President ta' Malta milqugħa fit-8 ta' Awissu 2005 sabiex jieħu lura l-effetti tiegħu personali hemm isemmija, u minkejja li fl-4 ta' Diċembru 2006 l-uffiċċju tal-President informa lil din il-persuna li għaddew l-ittra tiegħu tat-23 ta' Novembru 2006 lill-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex id-deċiżjoni tal-President tkun implimentata, għala wara dawn ix-xhur kollha din id-deċiżjoni qed tiġi stultifikata bir-rifjut tal-kummissarju tal-pulizija li jirritorna l-effetti tiegħu personali?
Jista' għalhekk il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jiġu ritornati dawn l-oġġetti lill-persuna in kwestjoni kif deċiż mill-kap ta' l-Istat?
In linea ma' l-istanding orders, l-Interpellant qed jiddikjara li huwa kien il-konsulent legali li kiteb il-petizzjoni għan-nom ta' din il-persuna.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-talba imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet ġiet milqugħa bil-kondizzjoni li jinħarġu dawk il-liċenzji neċessarji. Għaldaqstant qabel ma' dawn l-armi jkunu jistgħu jiġu rritornati, iridu jinħarġu l-liċenzji rikjesti mill-liġi. L-applikazzjoni sabiex dawn l-armi jkunu liċenzjati għadha qed tiġi pproċessata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jirrispondi mistoqsija parlamentari tiegħi 22564 u cioe' jistax jikkonsidra li l-biċċa art żdingata u abbandunata li hemm biswit il-flats tal-gvern fi block V, Luqa Road, Tarxien biswit it-telgħa taċ-ċimiterju ta' l-Addolorata ssir car park, peress li faċilment joqogħdu għaxar vetturi u b'hekk ikunu moqdija aħjar ir-residenti ta' blocks 4 u 5 u fl-istess waqt ma tibqax mhux użata? Għal kull bon fini il-file number tal-lands department huwa L592/90.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma saret l-ebda talba mill-Kunsill li fil-konfini tiegħu tinsab din l-art għal devoluzzjoni sabiex tiġi żviluppata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid jekk jistax jikkontempla li, fl-okkażjoni ta' l-investitura ta' Arċisqof ġdid għall-Malta u fid-dawl tad-diversi drabi li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien appella l-leġislaturi għall-amnestija lill-priġunieri (anke l-Parlament Taljan), tingħata xi sura ta' amnestija lill-priġunieri f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ma nista' nagħti ebda informazzjoni jew tweġiba għal din id-domanda, peress li kwestjonijiet bħal dawn jiġu deċiżi mill-Kabinett.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtorita' tat-trasport tistax tikkontempla li jkun hemm servizz ta' trasport pubbliku, bħalma kien hemm żmien ilu, bil-karozza numru 5 li titlaq minn Raħal Ġdid jew anke minn Ħal Tarxien li tgħaddi minn Raħal Ġdid għal Belt, Valletta, peress li hemm ħafna residenti Pawlisti u Tarxienisti li għandhom distanzi twal għall-eqreb bus stop issa li kemm Raħal Raħal Ġdid kif ukoll Ħal Tarxien kibru sew?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-asfaltar ta' Triq Mater Boni Consilii f'Raħal Ġdid (quddiem il-club tal-boċċi) huwiex responsabbilta' tal-kunsill lokali jew tal-gvern ċentrali?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq hija responsabilita’ tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jara li l-Enemalta ssewwi l-ħsarat li hemm fil-bozoz tal-brazzi li suppost idawwlu z-zuntier tal-Knisja ta' Kristu Re f'Raħal Ġdid u li ilhom mitfija ħafna xhur? Jista' jara wkoll li l-Enemalta ssewwi l-floodlight li suppost iddawwal l-istess knisja, u li ilha mitfija ħafna xhur u li tinsab mal-faċċata tal-bini quddiem iz-zuntier eżatt fuq il-plakka ta' l-isem ta' Triq il-Knisja, Raħal Ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ż-żewġ arbli ornamentali faċċata tal-bieb prinċipali tal-Knisja huma responsabbilta’ ta’ l-Enemalta u jixgħelu. L-erba’ arbli l-oħra huma responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’ tal-Knisja.
Iż-żewġ floodlights imsemmija huma responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali u għalhekk l-Onor Interpellant hu mitlub li jressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li l-Enemalta ssewwi l-ħsarat li hemm fil-floodlight li suppost iddawwal il-knisja tal-Madonna ta' Lourdes f'Raħal Ġdid u li ilha mitfija diversi xhur?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-floodlights li hemm quddiem il-knisja msemmija twaħħlu temporanjament għall-festi tal-Milied mill-awtoritajiet tal-knisja u se jitneħħew. M’hemmx floodlights oħrajn.
Jista' il-Ministru, fid-dawl tal-mistoqsija tiegħi lilu f'Jannar 2006 biex isir l-asfaltar ta' Triq Ħal Resqun fil-Gudja b'mod urġenti minħabba l-istat pessimu tagħha (u li ilha hekk għal dawn l-aħħar 34 sena) u r-risposta tiegħu datata 16 ta' Jannar 2006 (PQ nru. 211) fejn talabni ngħaddilu d-dettalji dwar liema parti tat-triq kont qed nirriferi, u peress li ovvjament kont qed nirriferi għal dik il-parti tat-triq li għadha mhux asfaltata, u peress li jien stess mort f'dawn il-ġranet biex nara b'għajnejja t-tbatijiet tar-residenti wara x-xita li għamlet, jara li dik il-parti ta' Triq Ħal Resqun fil-Gudja li qatt ma ġiet asfaltata tiġi asfaltata mill-aktar fis għax hemm periklu serju kemm għan-nies u kemm għall-proprjeta' tagħhom minħabba t-tajn miġmugħ li jtir fuq il-faċċati tar-residenzi kull meta jgħaddu l-karozzi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex filwaqt li bħalissa hemm is-suġġett tal-European Studies mgħallem f'livell ta' O Level, mhemmx kors tal-B.Educ jew PGCE fis-suġġett u għalhekk dan is-suġġet qed jiġi mgħallem minn min mhux kwalifikat fis-suġġett? Jista' jikkonsidra li jkun hemm kors tal-PGCE fil-European Studies?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni m'għandiex ir-riżorsi biex tifforma għalliema f'dan il-qasam.
Informat ukoll li is-suġġett jixrob minn għejun differenti. Għalliem kwalifikat bi skond fl-Istorja, l-Istudji Soċjali jew il-Ġeografija għandu jkun kapaċi jgħallem dan is-suġġett.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li l-biċċa art żdingata u abbandunata li hemm biswit il-flats tal-gvern fi Block V, Luqa Road, Tarxien biswit it-telgħa taċ-ċimterju ta' l-Addolorata ssirx car park, peress li faċilment joqogħdu għaxar vetturi u b'hekk ikunu moqdija aħjar ir-residenti ta' Blocks 4 u 5 u fl-istess waqt ma tibqax mhux użata? Għal kull bon fini, il-file number tal-lands department huwa L 592/90.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet ta' l-Enemalta dwar il-gassijiet/irwejjaħ li residenti ta' Triq it-Tfief, Paola qed jilmentaw dwarhom? Jista' il-Ministru jserrah moħħ dawn ir-residenti dwar saħħithom u s-sigurta' tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport ta’ l-Espert dwar irwejjaħ fi Triq it-Tfief, Paola.
Dan ir-rapport juri li l-gassijiet/irwejjaħ huma skond LN 225 of 2001.
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni se tieħu passi ulterjuri billi tissiġilla x-xaft imsemmi fir-rapport permess ta’ sistema li faċilment tkun tista tinfetaħ jew tinqala minn ġewwa u/jew minn barra jekk tinqala xi emerġenza.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li l-istess bħalma jsiru moonlight festivals kull tliet xhur waqt qamar kwinta fejn it-tempji ta' Stonehenge fl-Ingilterra, bi żfin b'kostumi antiki u laser shows, issir xi ħaġa simili fejn it-tempji f'Malta u Għawdex sabiex it-turisti jkunu jistgħu jaraw xi ħaġa interessanti u divertenti anke bil-lejl?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Filwaqt li nirringrazzja lill-Onor Interpellant għas-suġġeriment, ninfurmah li festivals ta’ din in-natura mhux qed jiġu kkunsidrati fil-programm ta’ Events għas-sena li ġejja.
Jista' il-Ministru jikkonferma li d-dħul fit-tempji neolitiċi ta' Ħal Tarxien huwa aċċessibbli wkoll għal persuni b'diżabilita'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi ftit xhur ilu, ġiet installata rampa fid-daħla tat-Tempji Neolitici ta’ Ħal Tarxien, li tiffaċilita l-aċċess kemm għal-persuni b’diżabilita` kif ukoll għall-pubbliku in ġenerali, b’mogħod speċjali meta tagħmel ix-xita.
Ġewwa it-tempji infushom, hemm pjattaformi ta' l-injam u rampi li jippermettu lill-min juża wheelchair biex jagħmel iż-żjara bħal ħaddieħor. Hemm xi punti fejn minnħabba fid-djuq fl-istruttura prejistorika, li naturlament ma tistax tinbidel, il-passaġġ huwa aktar dejjaq milli wieħed jixtieq, pero` xorta waħda jippermettu li xi ħadd fuq wheelchair jagħmel iż-ħjara kollha. Ta’ min jinnota li il-kmamar tal-banju f’dan is-sit huma wkoll mgħammra biex jilqgħu nies b’dizabilita`.
Fil-preżent, bħala parti mill-proġett BOV Tarxien, hemm ukoll applikazzjoni quddiem il-MEPA għal ċentru ġdid ta’ viżitaturi, li ġewwa fih ser ikun hemm il-faċilitajiet kollha li wieħed jistenna li jsib fuq sit ta’ patrimonju dinji, inkluzi dawk għall-persuni b’diżabilita`. Qegħdin jitfasslu wkoll passaġġi ġodda biex jgħaqqdu iċ-ċentru mal-fdalijiet arkejoloġiċi infushom. Dan kollhu qed isir f’konsultazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilita`, sabiex jiġi żgurat li l-patrimonju kulturali li huwa ta’ kulħadd ikun tassew aċċessibli għal kulħadd.
Jikkonsidra l-Ministru li dawk it-turisti li jkunu ġew iktar minn darba f'Malta jingħataw skont għad-dħul f'mużewijiet, wirjiet eċċ. bħala inċentiv?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi Heritage Malta taqbel li għandha taghti inċentivi. Fil-fatt qed jiġu preparati numru ta’ inċentivi għal kull min iżur is-siti kollha taghħa. Din il-proposta ukoll ser tiġi ikkunsidrata.
Filwaqt li l-Interpellant jirringrazzja lill-Ministru għall-interess attiv li ħa fuq is-suġġett tar-restawr tal-Knisja ta' Sant'Ubaldesca f'Raħal Ġdid kull meta kellmu l-Interpellant u anke fit-tweġibiet li tah għall-mistoqsijiet parlamentari dwar is-suġġett, jista' il-Ministru jispjega fiex jikkonsisti x-xogħol li beda ftit ilu mill-ħaddiema tal-ministeru tiegħu f'din il-knisja?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li x-xogħol li sar ftit ilu fuq il-Knisja ta’ Sant’Ubaldesca f’Raħal Ġdid minn ħaddiema tal-Ministeru, huwa parti minn xogħol ta' restawr li huwa ppjanat li jitkompla fil-futur. Ix-xogħol ser jikkonsisti f'zewġ fażijiet. L-ewwel fażi ser ikun xogħol ta' restawr fuq il-parti esterna tal-knisja, filwaqt li t-tieni fażi ser ikun il-konsolidament strutturali tal-knisja.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari tiegħi 21580, jista' il-Ministru jgħid x'inhuma t-timeframes maħsuba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat l-MCAST s'issa għad m'għandux kappella, għalkemm il-Kulleġġ ipprovda spazju u riżorsi biex isiru ċelebrazzjonijiet tal-quddiesa u attivitajiet reliġjużi oħra. Minħabba li l-Kulleġġ ma kellu l-ebda kappella għad-dispożizzjoni tiegħu meta ħa s-sit mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, ġie identifikat sit l-barra mill-campus għal użu ta' kamra ta' meditazzjoni/talb.
Mall-publikazzjoni tal-permess tal-MEPA (18 t'Awissu 2006) għal-bidla mil-użu ta' bar għal kamra ta' meditazzjoni/talb, inbeda xogħol ta' alterazzjoni, ix-xogħol fuq l-art u s -saqaf jinsab għaddej waqt li qed jiġu proċessati
tenders
fuq installazzjoni mekkanika u elettrika. Il-mira hija li x-xogħol jitlesta fl-2007.
Informat ukoll li minn mindu ġie appuntat kappillan fil-Kulleġġ f'Ottubru 2004, il-kamra temporanja kienet u għadha magħmula għad-dispożizzjoni tiegħu fi Blokk B ta' l-Istitut għan-Negozju u l-Kummerċ. Il-kamra msemmija hi adegwament attrezzata b' kompjuter u telefown.
Jista' il-Ministru jara li ssir sub-post office f'Ħal Tarxien għax l-eqreb post office huwa f'Raħal Ġdid u dan huwa 'l bogħod ferm għal min joqgħod f'Ħal Tarxien (speċjalment għall-anzjani li joqogħdu fit-tarf ta' Ħal Tarxien?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li t-talba tiegħek għal ftuħ ta' Sub Uffiċju tal-Posta f'Ħal Tarxien ser tiġi kkunsidrata.
Jista' il-Ministru jixtarr il-possibbilta' li mill-aktar fis issir pedestrian crossing quddiem Dar Nazareth, f'Ħal Tarxien minħabba l-periklu kbir li hemm għal min jaqsam minn hemm?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċċjali tat-Taqsima għall-Immanniġġjar tat-Traffiku irriżulta li bi skema ta’ junction upgrading u pedestrian crossing fi Triq Palma, kemm it-traffiku kif ukoll il-pedestrians ikollhom aċċess aħjar fl-inħawi.
Minn riċerka li saret fir-
records
tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku ta’ dawn l-aħħar erba’ snin irriżulta li ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali Tarxien għal
pedestrian crossing
fi Triq Palma.
It-Taqsima ghall-Immaniġjar tat-Traffiku ser jikkuntattja lil Kunsill Lokali biex flimkien jaraw x’jista jsir.
Jista' il-Ministru jgħid, anke wara d-diversi mistoqsijiet li jien għamilt fuq dan l-istess suġġett, fiex wasal is-suġġeriment tiegħi lill-awtorita' dwar it-trasport sabiex issir pedestrian crossing fi Triq Dawret il-Gudja, fil-Gudja minħabba l-periklu evidenti u kostanti li min jaqsamha jkollu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nneċessita li ssir din il-pelican crossing ġiet ippjanata bħala parti mix-xogħlijiet għal upgrading ta’ din it-triq. Minħabba li l-ispiża hija sostanzjali l-ADT se tipproċedi sabiex din il-pelican light tidħol fil-lista ta’ prijorita ta’ l-implementazzjoni ta’ pelican crossings.