Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — kuntratti b'direct order
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni/kumpaniji/partnerships li ngħataw kuntratt jew appointment ta' konsulenza mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum mill-Ministeru, id-dipartimenti jew entitajiet pubbliċi li huma fi ħdanu permezz ta' direct order? X'kien ix-xogħol li ġew mitluba jagħmlu għal kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza? X'inhu il-valur ta' kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ingħata kuntratt wieħed (1) mill-ħdax ta’ Marzu sal-lum mill-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali.
Isem il-Konsulent/kumpanija/
Partnership
Ix-Xogħol mitlub li jagħmlu
Valur ta’ kull kuntratt
Dr Franco Debono LL.D.
Law Commissioner (Law Revision Act 1980 Chapter 12)
€29,292
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk għadhiex miftuħa l-iskema tal-Taqsima Proprjetà tal-Gvern li tippermetti dawk li għandhom kirja kummerċjali ta' sitt xhur fil-Belt Valletta jkollhom kirja twila ħafna?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema għall-ħwienet fil-Belt Valletta li qed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Membru qed tiġi evalwata..
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' t-Tender Committee fi ħdan il-Taqsima Proprjetà tal-Gvern mill-11 ta' Marzu li għadda?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont kif inhi l-konswetudini wara bdil f’kull Leġislatura, t-Tender Committee fi ħdan id-Dipartiment Propjetà tal-Gvern ġie xolt u s’issa għadu ma ġiex maħtur.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — kuntratti b'direct order
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-persuni/kumpaniji/partnerships li ngħataw kuntratt jew appointment ta' konsulenza mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, id-dipartimenti jew entitajiet pubbliċi li huma fi ħdanu permezz ta' direct order? X'kien ix-xogħol li ġew mitluba jagħmlu għal kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza? X'inhu il-valur ta' kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — kuntratti b'direct order
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid min huma l-persuni/kumpaniji/partnerships li ngħataw kuntratt jew appointment ta' konsulenza mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum mill-Ministeru, id-dipartimenti jew entitajiet pubbliċi li huma fi ħdanu permezz ta' direct order? X'kien ix-xogħol li ġew mitluba jagħmlu għal kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza? X'inhu il-valur ta' kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-perjodu msemmi ma nxtara l-ebda servizz (li mhux impjieg) b’direct order skont artiklu 20 (4) tal-Public Procurement Regulations.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — kuntratti b'direct order
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni/kumpaniji/partnerships li ngħataw kuntratt jew appointment ta' konsulenza mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum mill-Ministeru, id-dipartimenti jew entitajiet pubbliċi li huma fi ħdanu permezz ta' direct order? X'kien ix-xogħol li ġew mitluba jagħmlu għal kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza? X'inhu il-valur ta' kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza?
Response (VELLA, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista' l-Prim Ministru jispjega, ġaladarba l-Gvern stqarr li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha miljuni ta' ewro fi djun, u fid-dawl tal-fatt li llum tħabbar roħs fit-tariffi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li jwassal sa 55%:
a) kif u minn fejn se jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema;
b) fuq livell ta' prinċipju ta' ġustizzja soċjali, ifissirx dan li dawk l-eluf ta' ċittadini li ma jagħmlux użu minn servizz tal-Awtorità jridu, anke b'mod indirett, jekk mhux dirett jissussidjaw mit-taxxi tagħhom lil dawk li fil-fatt għandhom bżonn jinqdew mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar;
ċ) kemm jistenna li jikber id-dejn tal-MEPA minħabba s-shortfall mir-revenue; u
d) jekk hux se jiżdied is-sussidju li l-Gvern iħallas lill-Awtorità?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li:
Id-dejn tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma nħoloqx minn dan il-Gvern, iżda beda jinħoloq meta waqaf is-sussidju li l-Gvern kien jagħti lill-istess Awtorità.
Minkejja li l-Gvern preċedenti għolla t-tariffi, d-dejn li kellha l-Awtorita` mhux talli ma naqas iżda żdied. Dan kien b’riżultat tan-numru anqas ta’ permessi mitluba biex jinħarġu mill-Awtorità. Aħna naħsbu li bir-roħs tat-tariffi, in-numru tal-permessi sejrin jiżdiedu b’riżultat li nkopru parti jew kollox dak li l-Awtorità tkun tilfet mill-introjtu tagħha.
Bir-roħs li ħabbarna huwa stmat li ċ-ċittadini li se japplikaw għall-permess sejrin jiffrankaw madwar €2 miljuni. Id-deċiżjoni jekk hux sejjer jiżdied is-sussidju tal-Gvern lill-Awtorità tittieħed meta jkun qiegħed jiġi mfassal il-Budget għas-sena 2014. Madanakollu nista’ ngħid li l-Gvern intrabat li jekk l-introjtu bir-rati l-ġodda jaqa taħt il-€2 miljuni il-Gvern jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas (short fall).
Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Membru li għalkemm l-Awtorita` tipproċessa applikazzjonijiet għal żvilupp magħmula minn applikanti ta’ kull ġeneru u minnhom tiġbor il-ħlas dovut għal dan l-ipproċessar, il-prinċipju ta’ ġustizzja soċjali jgħidlek ukoll li l-Awtorità trid tħares ukoll id-drittijiet, is-saħħa u tipproteġi l-ambjent tal-komunità.
Nista’ nassigura lill-impjegati kollha tal-Awtorità li l-pagi jitħallsu u jitħallsu fiż-żmien li jkunu dovuti u, skont il-programm elettorali ħadd minnhom ma jitlef impjieg minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tal-MEPA.
B'referenza għall-ftehim li kien iffirmat fil-Ħdax-il Leġislatura bejn il-Ministeru responsabbli min-negozji żgħar u l-Università ta' Malta sabiex sal-bidu tal-2013 ikun lest l-ewwel studju soċjoloġiku dwar it-typology tan-negozji żgħar u ta' daqs medju Maltin, sabiex dan iservi bħala bażi għal tfassil ta’ policies tailor made għall-SMEs, jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-istudju (li kien qed isir mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament) li kellu jservi biex jitwaqqaf osservatorju għall-SMEs Maltin, hux konkluż?
Response (CARDONA, CHRIS)
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, kien hu stess li kien kummissjona l-istudju in kwistjoni, iżda minkejja li l-istudju kellu jitlesta sa Diċembru 2012 u kellha anke tkun organiżżata konferenza għal dan il-għan, mill-arkivji li rnexxielna nsibu u partikolarment il-fajl amministrattiv tal-każ, ma jirriżultax li din il-mira ta’ Dicembru 2012 kienet intlaħqet anke jekk il-Gvern sa Jannar ta’ din is-sena kien laħaq ħallas l-pagamenti kollha dovuti skont il-kuntratt. Ser isiru il-kuntatti neċessarji mal-Universita’ ta’ Malta sabiex naraw li l-ftehim jitwettaq fl-intier tiegħu.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — uffiċjali tas-segretarjati - kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' impjieg tal-uffiċjali tas-segretarjat privat tiegħu inkluż is-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Inħeġġeġ lill-Onor. Interpellant jara ftit ir-risposta li kienet ingħatat għall-mistoqsija preċedenti 335 li kienet fuq l-istess suġġett.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — uffiċjali tas-segretarjati - kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' impjieg tal-uffiċjali tas-segretarjat privat tiegħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratti tal-impjiegi tal-uffiċjali tas-segretarjat privat tiegħi huma mfassla skont dak li jipprovdu l-linji gwida għall-istaff tas-segretarjati privati, li kopja tagħhom diġà tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tas-Saħħa — uffiċjali tas-segretarjati - kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' impjieg tal-uffiċjali tas-segretarjat privat tiegħu?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratti kollha tas-segretarjat Privat tal-ministeru għas-Saħħa jsiru skont id-dokument dwar l-ingaġġ tal-Istaff fis-Segretarjati tal-Ministru, maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Marzu 2013.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — uffiċjali tas-segretarjati - kuntratti
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' impjieg tal-uffiċjali tas-segretarjat privat tagħha inkluż is-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-Informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.