Jista’ l-Ministru jgħid jew jispjega x’inhi l-ħidma li ssir mill-Gvern biex jiġġieled l-importazzjoni illegali ta’ oġġetti jew merkanzija minn portijiet oħra tal-Unjoni Ewropea, bħal minn Sqallija permezz tal-katamaran, peress li din l-importazzjoni dejjem, u mhux issa biss, timmina l-equal playing field fis-suq Malti?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jispjega r-raġuni għalfejn fil-każ tal-Ministeru tas-Saħħa huwa ma għażilx il-persuna li għandha tinħatar bħala Ministru, imma ħalla f'idejn żewġ persuni biex jagħżlu bejniethom? Kien hemm Ministri oħra li ġew magħżula hekk u mhux minnu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-għażliet kollha fil-ħatriet ta’ Ministri jsiru biss mill-Prim Ministru.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jkompli jagħti direzzjoni lit-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern biex tkompli l-ħidma li kienet bdiet fl-aħħar Legiżlatura sabiex il-Forti Binġemma tiġi lura għand il-Gvern battala u b’hekk tkun tista’ titgawda mill-poplu kollu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Forti Binġemma jerġa' jiġi lura f’idejn il-Gvern malli l-inkwilin li jokkupa parti minn dan il-Forti bħala residenza jinstablu post ta’ akkomodazzjoni alternattiv.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Enterprise Consultative Council iltaqax minn Marzu 2013 ’l hawn? Jekk le, meta hu beħsiebu jsejħu u x’inhu mistenni jkun fuq l-aġenda?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninsab infurmat li l-ewwel laqgħa ta’ dan il-kunsill konsultattiv għal din is-sena kellha ssir fl-10 ta’ Jannar iżda din il-laqgħa għal xi raġuni kienet tħassret. Minn dakinhar il-Kunsill għadu ma ltaqax. Nittama li nkun nista’ nlaqqa’ dan il-Kunsill fil-futur mhux il-bogħod. Ovvjament, l-aġenda tal-laqgħa titqassam lill-membri meta jkun il-waqt.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol ta' titjib li sar fil-Librerija Pubblika Ċentrali fir-Rabat, Għawdex, u li inawgura fit-13 ta' Mejju, kif ukoll rendikont tal-ispiża li ntefqet kemm fit-titjib kif ukoll fiċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, jekk din saret?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li sa issa ntefqet is-somma ta' 17,456 f'xogħol ta' modernizar fil-Librerija Pubblika Ċentrali ta' Għawdex. Din l-ispiża kienet tikkonsisti f' xogħol ta' intermediary flooring, aluminju, vinyl flooring, xkaffar, light fittings u materjal li ntuża għal finishings. Ix-xogħol ta' tikħil, tibjid u żebgħa flimkien mal-mogħdija tad-dawl ġdid sar kollu mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. L-ammont li ntefaq għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni huwa ta' tletin Ewro.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-11 ta' Marzu li għadda kienx hemm bdil fit-tul ta' ħin ta' xogħol tax-shifts fil-Korp tal-Pulizija? Jekk ma kienx hemm, hemm il-ħsieb li jkun hemm tali bdil?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tibdil fix-xiftijiet fil-Korp tal-Pulizija mill-11 ta' Marzu 2013 l’hawn kienu għal dawk il-membri tal-Korp li jaħdmu fl-Għassa ta' Kemmuna. Ix-shift tagħhom issa ġie - day/night/rest/off. Bit-twaqqif tar-Rapid Intervention Unit, wara li ġew amalgamati it-Taqsima tal-Iskwadra Mobbli u l-Special Assignments Group, il-membri ta’ din it-taqsima qed jaħdmu shift ta’ night/second/training – as required/first/off. Għalkemm kien hemm dan it-tibdil, il-ħin tax-xogħol xorta baqa ta’ mhux aktar minn 46 siegħa xogħol fil-ġimgħa.
Ministeru għat-Turiżmu — konsulenzi minn ex ħaddiema tal-Air Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu hux qed jagħmel użu mis-servizzi bħala konsulenti fuq bażi ta’ self employed ta’ ex ħaddiema tal-Air Malta li kienu għażlu li jieħdu l-voluntary retirement scheme? Jekk iva, min huma, x’xogħol qed jintalbu jagħmlu u x’rati ta’ pagament qed jitolbu?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li isimha qiegħed jingħata separatament, f’Jannar 2012, taħt il-Gvern preċedenti, kien ingħata kuntratt ta’ impjieg iffirmat dirett mal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.
F’Lulju 2012 il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni kien informa verbalment lill-persuna konċernata li kellu jibda jipproduċi irċevuti tal-VAT. Għaldaqstant il-kuntratt tiegħu kien mibdul għal wieħed self employed bħala Part-Time Investigator (Chief Inspector of Accidents) fil-Bureau of Air Accident Investigation, b’salarju ta’ Euro 15,000 fis-sena.
Fi Frar 2013 din il-persuna għażlet li tieħu l-Voluntary Retirement Scheme tal-Air Malta.
Bħalissa l-Ministeru għat-Turiżmu qiegħed jieħu l-pariri neċessarji dwar jekk persuna li ħadet il-Voluntary Retirement Scheme tal-Air Malta tistax taħdem mal-Gvern fuq bażi ta’ self employed.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħa jkun konkluż il-proċess ta' ingaġġ ta’ assistants heads (primary) li l-interviews għalihom saru f'Jannar li għadda u r-riżultati kienu ppubblikati fit-22 ta' Frar li għadda? Kemm se jkunu dawk li f'Settembru li ġej se jassumu r-responsabbiltà ta' assistant head? Huwa minnu li se jkun hemm tnaqqis min-numru maħsub oriġinarjament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li fil-preżent hemm rakkomandazzjoni pendenti għall-żewġ assistenti kapijiet ta' skola fis-settur tal-primarja. Hemm ukoll talba għal hames replacements ad hoc.
In-numru ta' dawk li se jassumu r-responsabbilità ta' assistenti kapijiet fil-primarja jiddependi mill-esiġenzi tal-iskejjel/il-capacity building u m'hemm l-ebda ħsieb li jkun hemm tnaqqis.
B'referenza għall-istqarrija tal-Uffiċċju tiegħu nhar is-7 ta' Mejju 2013, fejn intqal li ġiet sospiża l-iskema tal-parkeġġ tar-residenti f'Tas-Sliema, jista' l-Prim Ministru jgħid b'liema vires għamel dan? Abbażi ta' liema artikolu, ta' liema liġi jew avviż legali saret din is-sospensjoni llum?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Studenti li ma joqogħdux għal lezzjonijiet tar-reliġjon
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti t-tagħlim dwar l-etika li jirċievu dawk l-istudenti tal-iskejjel tal-istat li ma jkunux iridu joqogħdu għal-lezzjonijiet tar-reliġjon?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali (QKN) ġie varat fi Frar 2013. Issa jmiss li jitwaqqaf il-Bord ta' Reviżjoni għall-Implimentazzjoni ta' dan il-Qafas. Fix-xhur li ġejjin jibda jiġi ppjanat dan il-programm. Qed nippjanaw li f'għadd ta' skejjel ikollna proġett pilota dwar it-tagħlim tal-etika fl-iskejjel tal-Istat fejn għandna 800 student (500 primarja u 300 sekondarja) li mhumiex qed jieħdu lezzjonijiet tar-Reliġjon.
Tista’ l-Ministru tgħid x’kien in-numru ta’ mediċini li l-prezz tagħhom roħos permezz tal-ħidma tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u Ħarsien tal-Konsumatur (MCCAA) fl-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, HELENA)
Ninsab infurmata li n-numru ta’ mediċini li l-prezz tagħhom roħos fl-aħħar ħames snin kien kif ġej:
Sena
Numru ta’ mediċini
2008
9
2009
0
2010
87
2011
89
2012
44
Tista’ l-Ministru tispjega l-ħidma li ssir mill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex tissorvelja u tiġġieled l-importazzjoni illegali ta’ merkanzija u oġġetti permezz tal-katamaran minn portijiet oħra tal-Unjoni Ewropea li jevadu t-taxxi bħal VAT u eco-tax u allura jimminaw is-suq Malti?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għall-Kompettizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) f’koperazzjoni sħiħa mad-Dwana hija responsabbli li tara li ma jidħlux f’Malta minn portijiet oħra oġġetti li m’humiex konformi ma’ regolarmenti tekniċi u fejn dawn iridu pre-notifikazzjoni jew reġistrazzjoni biex jidħlu Malta.
Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies li sad-9 ta’ Marzu ma kenux impjegati ta’ Transport Malta u li llum qed jokkupaw uffiċċju biswit l-uffiċċju tal-Executive Chairman? Jista’ jikkonferma jekk iddaħħlux mezzi ġodda ta’ sigurtà fl-uffiċċji ta’ Transport Malta fil-Marsa, speċifikament għal dak li għandu x’jaqsam mad-dħul għall-uffiċċju tal-Executive Chairman li ta’ kuljum qed jilqa’ nies mill-pubbliku fl-uffiċċju tiegħu fil-Marsa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont informazzjoni li ingħatajt hemm persuna waħda li sad-9 ta’ Marzu ma kienx impjegat ta’ Transport Malta, u li qiegħed f’uffiċċju biswit l-uffiċċju tal-Executive Chairman. Dan huwa d-driver taċ-Chairman li ta’ min wieħed jinnota mhux qiegħed f’uffiċċju għalih iżda qed jagħmel użu mill-istess kamra ta’ impjegata oħra fl-uffiċċju tac-Chairman.
Ninsab infurmat ukoll li ma ddaħħlux mezzi ġodda ta’ sigurtà fl-uffiċċju ta’ Transport Malta fil-Marsa, speċifikament għal dak li għandu x’jaqsam mad-dħul għall-uffiċċju tal-Executive Chairman.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali, il-proġett tal-flyover tal-Kappara u l-proġett tat-Triq tas-Salina? Jista’ jgħid jekk inżammux xi tenders għal xogħlijiet infrastrutturali li kienu diġà ġew approvati?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 2948 u 2949. Ir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2948 ġiet aġġornata skont it-tibdil elenkat hawn taħt:
· Ix-xogħol fi Triq il-Misqa, Żabbar tlesta
· Ix-xogħol fi Triq Romano Carapecchia/Triq Sigismonda Savona, Fgura tlesta
· Ix-xogħol fi Triq it-Trill, Mellieħa tlesta
· Ix-xogħol fi Triq San Lawrenz, Birgu tlesta
Ninsab infurmat li ma twaqqfu ebda tenders għal xogħolijiet infrastrutturali li diġa’ kienu ġew approvati.
Jista' l-Ministru jgħid il-Korporazzoni Enemalta kemm ħallset jew se tkun mitluba tħallas għall-konsulenzi legali u pariri legali mogħtija mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum? Min hija jew huma d-ditti legali li qed jipprovdu tali servizzi legali?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ghadha qed tigi migbura.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm dehru adolexxenti quddiem il-Juvenile Court matul is-snin 2010, 2011 u 2012? Jista' jagħti l-etajiet tagħhom u biex kienu akkużati? X'kienu s-sentenzi li ngħataw? Kemm hemm każijiet pendenti quddiem il-qorti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni rikjesta hija kif ġej:
Quddiem il-Qorti tal-Minorenni (Malta) fis-sena 2010 dehru 140 persuna minorenni quddiem din il-Qorti; fis-sena 2011 dehru 139 u fis-sena 2012 dehru 127 minorenni.
L-etajiet ta’ dawn il-persuni kienu bejn l-eta ta’ 10 u 17 –il sena. (16 u 17–il sena minħabba denunzji minn
probation officers
).
Quddiem l-istess Qorti, sas-26 ta’ Gunju, 2013 hemm 28 każ pendenti.
Fil-
Juvenile Court
f’Għawdex fis-sena 2010 dehru 13-il persuna minorenni quddiem din il-Qorti, mentri li fis-sena 2011 dehru 10, u fis-sena 2012 dehru 5 minorenni.
L-etajiet ta’ dawn il-minorenni kienu bejn il-ħdax (11) u s-sbatax (17) il-sena.
Preżentement quddiem din l-istess qorti f’Għawdex m’hemm l-ebda każ pendenti.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra elenku tal-akkużi li kienu akkużati bihom l-minorenni in kwistjoni bis-sentenzi relattivi.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — servizz ta' konsulenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha hux qed jagħmel użu mis-servizzi bħala konsulenti fuq bażi ta’ self employed ta’ ex-ħaddiema tal-Air Malta li kienu għażlu li jieħdu l-voluntary retirement scheme? Jekk iva, min huma, x’xogħol qed jintalbu jagħmlu u x’rati ta’ pagament qed jitolbu?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — servizz ta' konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu hux qed jagħmel użu mis-servizzi bħala konsulenti fuq bażi ta’ self employed ta’ ex-ħaddiema tal-Air Malta li kienu għażlu li jieħdu l-voluntary retirement scheme? Jekk iva, min huma, x’xogħol qed jintalbu jagħmlu u x’rati ta’ pagament qed jitolbu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li il-Ministeru tiegħi mhu qed jagħmel l-ebda użu mis-servizzi ta’ konsulenti fuq bażi ta’ self employed ta’ eks-ħaddiema tal- Airmalta li għażlu li jieħdu il- Voluntary Retirement Scheme.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod konkret qed jaħseb il-Gvern li jgħin lis-sajjieda lokali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li b’mod konkret il-Gvern ser jgħin lis-sajjieda billi għall-ewwel darba f’numru ta’ snin ħatar Segretarju Parlamentari politikament responsabbli għal dan is-settur u li bis-saħħa ta’ dan is-sajjieda u l-għaqdiet tagħhom qed ikollom kuntatt kontinwu mas-Segretarjat responsabbli għas-sajd.
Barra minn dan ġa beda ix-xogħol biex jitfassal il-qafas legali għat-twaqqif ta’ kunsill konsultattiv dwar is-sajd, b’rappreżentanza tal-kooperattivi u ta’ nies tekniċi u esperti f’dan is-settur.
Ninsab infurmat ukoll li diġa twaqqaf management committee kompost minn rappreżentanti tad-Dipartiment tas-Sajd u 2 kooperattivi biex ikun aċċertat li l-hardstand facility f’Marsaxlokk titmexxa b’mod ġust u trasparenti għall-beneffiċju tas-sajjieda li jagħmlu użu minha.
Inbeda wkoll xogħol preparatorju biex jitwettaq il-proġett tal-bini tal-breakwater, proġett li ilu jiġi mitlub mis-sajjieda. Dan ix-xogħol qed isir minbarra x-xogħol neċessarju biex is-sajjieda jkollom estenzjoni tas-servizzi diretti provduti fuq bażi ta’ 24/7 u tfassil ta’ pjanijiet li eventwalment iwasslu għal titjieb fl-infrastruttura fil-portijiet kif ukoll fil-bini tal-pixkerija l-ġdida.
Ninsab infurmat li qed isir ukoll ix-xogħol meħtieġ biex jiġu allokati flus taħt il-programm ġdid tal-UE għat-tisħiħ u żvilupp ta’ dan is-settur.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il bajja għandna bi status ta’ Blue Flag u jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm iktar u fejn?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2012 f’Malta kellna sitt (6) bajjiet bi status ta’ Blue Flag.
Jista jkun li matul din is-sena waħda mill-bajjiet bl-istatus ta’ Beach of Quality tieħu ukoll l-istatus ta’ Blue Flag; fost dawn hemm; Fond Għadir tas-Sliema, Golden Bay il-Mellieħa u Paradise Bay Hotel Private Beach fil-Mellieħa ukoll.