Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux vera li fuq Kemmuna hemm erba’ pulizija li ġew stazzjonati hemm fl-aħħar ġimgħat? Jista’ jgħid minn liema branka jew distrett ittieħdu biex ġew stazzjonati fuq Kemmuna? Jista’ jgħid jekk hux minnu li dawn l-erba’ pulizija qed jaħdmu bix-shift ta’ day, night, rest u off?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat li minn Mejju ta’ din is-sena, in-numru ta’ pulizija stazzjonati Kemmuna kien tela’ minn 2 għal 4. Din iż-żieda saret minn pulizija li kien jservu Għawdex stess. Dawn qed jaħdmu fuq xift ta’ gurnata day, gurnata night u wara jieħdu rest u off.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm żwiemel tal-Kavallerija fil-preżent? Jista’ jgħid kemm hu l-baġit allokat għal din is-sezzjoni partikolari? Kemm minn dawn iż-żwiemel huma meqjusa bħala rtirati? Kemm kienu l-Pulizija li ġew trasferiti lejn is-sezzjoni tal-Kavallerija wara l-10 ta’ Marzu li għadda? Jista’ jgħid fuq liema kriterji jew meritokrazija dawn il-Pulizija ġew trasferiti lejn is-sezzjoni tal-Kavallerija?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija għandha 18–il żiemel, li 2 minnhom huma irtirati. Din it-Taqsima ma jkolliex baġit allokat espressament għaliha, però hija finanzjata mil-baġit tal-Korp in ġenerali skont il-ħtiġijiet li jkollha bżonn. Infurmat ukoll illi wara l-10 ta’ Marzu kien hemm 4 membri tal-korp li ġew stazzjonati f’din l-istess taqsima, wara li dawn kienu għamlu talba sabiex jiġu stazzjonati hemm u l-eżiġenzi tas-servizz hemm kienu jirrikjedu.
Security Service – Impjegati b’edukazzjoni terzjarja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, b’referenza għall-intervista li hu ta lit-Times irrapurtata fid-9 ta' April 2013, b'mod partikolari għall-parti fejn hu kkwotat jgħid dwar is-Security Service "Dr Mallia said he would insist that recruits had a tertiary level of education. It was unacceptable that some people were unable to write a report. Ideally, members of the service should have a background of international studies to enable them to analyse what was happening abroad. The service also needed people versed in legal affairs and in financial matters for investigation of money laundering", kemm minn dawk li ġew trasferiti lejn is-Security Service mill-20 ta' Marzu 2013 għandhom livell terzjarju ta' edukazzjoni, sfond ta' studji internazzjonali, sfond legali jew servizzi finanzjarji?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Kif diġà l-Onor. Interpellent kien infurmat kemm-il darba, informazzjoni dwar is-servizzi tas-sigurtà hija strettament kunfidenzjali minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jitħallsu, b’mod individwali, kull membru tal-bord ta’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-bord ta’ Transport Malta qed jitħallsu l-istess ammont ta’ remunerazzjoni li kienu jitħallsu l-membri tal-bord taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħatrux supervisory boards a termini tal-artiklu 39 tal-Kap. 499 u, jekk fl-affermattiv, jgħid min huma l-membri ta’ kull bord rispettiv u kemm qed jitħallsu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5605.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed iħoss il-bżonn illi jagħmel micro-management fis-settur tat-toroq u t-trasport billi saħansitra jinżel jiddirieġi t-traffiku jew jagħti ordnijiet lill-ħaddiema fuq il-lant, minflok ma jagħmel użu aħjar mill-bord u l-management ta’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma ġie iddikkjarat fir-rapport tat-telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista, l-istat ta’ toroq u d-dewmien biex jitlestew ċerti toroq u proġetti infrastrutturali oħra urew nuqqas ta’ kontroll mill-Gvern preċedenti.
Għaldaqstant, nassigurah li iktar għandu għax jinkwieta jekk ma ninvolviex ruħi b’mod dirett fuq oqsma daqshekk importanti bħalma huma s-setturi ta’ toroq u transport, li jolqtu lil kull ċittadin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Ninfurmuh ukoll li għandi fiduċja sħiħa fil-bord u l-
management
ta’ Transport Malta li qed jagħtu kontribut siewi fit-tmexxija tal-istess Awtorità.
Transport Malta — Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili u tad-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art – uffiċċji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mill-uffiċċji tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili u tad-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art fi ħdan Transport Malta peress illi dawn jinsabu fi stat mhux adegwat għall-użu u l-ħtiġijiet tal-lum, u jekk hux bi ħsiebu jwettaq il-pjan li kellha Transport Malta għal dawn l-uffiċini qabel ma nbidel il-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel l-għeluq tas-sena 2013, Transport Malta ser toħroġ sejħa pubblika għal kirjiet ta’ uffiċini adegwati għall-użu u ħtiġijiet ta’ numru ta’ direttorati ta’ l-istess Awtorita’.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, peress illi dan l-aħħar iddikjara illi Transport Malta se tidħol ukoll għar-responsabbiltà tal-manutenzjoni ta’ toroq li mhux neċessarjament jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, Transport Malta hix se tassumi wkoll ir-responsabbiltà legali għal danni kkaġunati minn nuqqas ta’ manutenzjoni ta’ dawn l-istess toroq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħala parti mill-pjan ta’ sigurta’ fit-toroq, Transport Malta se tkun qed tassisti lill-Kunsilli Lokali bil-manutenzjoni ta’ ċerti toroq. Ir-responsabbilta’ tat-toroq residenzjali, inklużi dawk li tkun intervjeniet Transport Malta fuqhom, se tibqa’ tal-Kunsilli Lokali rispettivi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux biħsiebu jissostittwixxi numru ta’ ħaddiema li ġew jew se jiġu trasferiti minn Transport Malta għal ma’ entitatjiet jew ministeri oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każ fejn ikun hemm ħaddiema li jkollhom ikunu trasferiti minħabba l-eżiġenzi tas-servizz, kull każ jittieħed skont il-mertu tiegħu.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — programm kontra l-vizzju tad-droga
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’arranġament hemm bejn il-Gvern u l-Caritas għal dawk il-priġunieri li jkunu qed jiskontaw sentenza ta’ priġunerija fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex dawn isegwu programm residenzjali fil-kumpless ta’ Sant’Anna? Huwa minnu li l-mument li priġunier jiskonta s-sentenza ta’ priġunerija ma jibqgħalux l-obbligu li jibqa’ fil-programm residenjzali f’Sant’Anna jekk ma jkunx għadu lestieh?
Response (MALLIA, EMANUEL)
L-arranġament li l-Gvern għandu mal-Caritas jinvolvi li l-applikazzjonijiet sottomessi mill-priġunieri sabiex isegwu programm ta’ rijabilitazzjoni għandhom jiġu diskussi minn Bord appożitu li jikkonsidra dawn l-applikazzjonijiet. Dan il-Bord jikkonsisti minn rappreżentanti tal-ħabs, rapprezentanti tal-aġenziji Caritas u Sedqa, kif ukoll professjonisti oħra.
L-arrangament finanzjarju bejn il-Gvern u l-Caritas jikkonsisti f’pagament fis fuq bażi mensili, liema ammont jiżdied jekk in-numru ta’ residenti jeċċedi t-tlettax il-priġunier.
Ġa la darba l-priġunier jiskonta s-sentenza, huwa ma jibqax taħt ir-responsabilta’ tal-Facilita’ Korrettiva ta’ Kordin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu addetti fil-MSS (Security Services) fit-8 ta’ Marzu 2013 u fl-10 ta’ Ġunju 2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ma’ tistax tingħata minħabba raġunijiet ta’ sigurta’. L-Onorevoli Interpellant kemm il-darba ġie mgħarraf fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari li għamel hu stess li din l-informazzjoni relatata mas-servizz ta’ sigurta’, hija strettament kunfidenzjali minħabba raġunijiet ovvji ta’ sigurta’.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – impjegati bit-telework
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bit-telework approvat mis-Segretarju Permanenti sal-5 ta’ Ġunju 2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lil Onor. Interpellant li sa 5 ta’ Ġunju 2013 kien hemm 7 impjegati tal-Faċilità li kienu jaħdmu bit-teleworking.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – impjegati bit-telework
Question
Jista’ l-Ministru jispjega b’liema jedd l-Acting Director (is-Sur Camilleri) tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ftit jiem ilu (u ċjoè fl-ewwel jiem ta’ Ġunju 2013) ordna lill-impjegati tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li kienu bit-telework approvat biex dawn “jew iwaqqfu t-teleworking jew jitilqu ’l hemm”? Jaf il-Ministru li dan l-istess Acting Director qalilhom li hekk ġie ordnat “minn fuq”? Ma jħossx il-Ministru li dan ma jaqbilx ma’ dak li ddikjara l-Gvern fid-diskors tal-President ta’ April 2013 fejn qak li se jkun favur family friendly measures?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħadd mill-ħaddiema tal-Faċilità ta’ Kordin effetivament ma twaqqaf milli jaħdem bit-telework.
Jista’ l-Ministru jispjega għala l-Gvern ittermina l-extra duty ta’ madwar 50 membru tal-Korp tal-Pulizija mill-Isptar Mater Dei, li fisser it-telf ta’ bejn €500 u €1,000 fix-xahar għal kull wieħed minnhom?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi s-servizz ta’ extra duty isir fuq talba ta’ terzi, f’dan il-każ l-awtoritajiet tal-Isptar Mater Dei. Għaldaqstant ġentilment nissuġerrixi lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-Rapport Annwali għas-sena 2012 ta’ Transport Malta ġiex ippreżentat lilu skont it-termini stabbiliti fl-artiklu 34 tal-Kap. 499? Jekk fl-affermattiv jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra u jekk fin-negattiv, jista’ jispjega għalfejn?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li ir-Rapport Annwali għas-sena 2012 ta’ Transport Malta ilu ‘l fuq minn 5 xhur li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Nirreferi ukoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5606.
Amnestija – kategorija ta’ detenuti li ġew liberati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema kategorija ta’ delitti kienu qed jiskontaw sentenza ta’ priġunerija dawk il-54 detenut li ġew liberati mill-Faċilità korrettiva ta’ Kordin bl-amnestija bejn il-5 u t-8 ta’ Ġunju 2013, numru imsemmi mill-istess Ministru fil-Parlamentari fis-Seduta tal-5 ta’ Ġunju 2013 meta ta d-dettalji dwar l-amnestija li l-Gvern iddeċieda li jagħti? Jista’ jagħti din l-informazzjoni wkoll għar-rigward tad-detenuti li se joħorġu bis-saħħa ta’ din l-amnestija kull xahar minn issa sal-aħħar tal-2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. interpellant illi meta nagħtat il-figura ta’ 58 priġunier l-amnestija kienet qed tinħadem fuq mitt jum mingħajr remission imma fil-fatt meta ingħatat l-amnestija din kienet qed tinkorpora’ r-remission li allura effettivament minn kellu gwadan sħiħ tar-remission dan ibbenefika minn 66 jum. Dan kien iffisser li bejn is-7 u t-8 ta’ Ġunju u mhux qabel kif qed isaqsi l-Onorevoli interpellant, ġew meħlusa 35 priġunier.
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi bid-dettalji xahar b’xahar rigward detenuti li ħargu u li ser joħorġu bis-saħħa tal-amnestija sal-aħħar tal-2013.
Korp tal-Pulizija – membri fl-għassa ta’ Ħal Qormi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu addetti fl-għassa ta’ Ħal Qormi fit-8 ta’ Marzu 2013 u fid-9 ta’ Ġunju 2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi fit-8 ta’ Marzu at din is sena, kien hemm 32 membru tal-Korp stazzjonati fl-Għassa ta’ Hal Qormi, filwaqt li fid-9 ta’ Gunju kien hemm 30.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – programm kontra l-vizzju tad-droga
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm residenti jiskontaw sentenza ta’ priġunerija fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li fis-7 ta’ Ġunju 2013 kienu qed isegwu programm residenzjali ta’ riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga u fejn kienu qed isegwuh?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Nhar is-7 ta’ Ġunju 2013 kien hemm 7 priġunieri ġewwa l-programm offrut mill-Caritas u priġunier wieħed li kien qiegħed isegwi programm ta’ rijabilitazzjoni offrut mill-aġenzija Sedqa. Dan għat-total ta’ tmien priġunieri.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – programm kontra l-vizzju tad-droga
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm residenti li qed jiskontaw sentenza ta’ priġunerija fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li fis-7 ta’ Ġunju 2013 kienu qed isegwu l-PIP programm ta’ riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga? Fejn kienu qed isegwu dan il-programm?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Il-PIP (Prison Inmates Program) huwa programm ta’ rijabilitazzjoni mmexxi mill-aġenzija Caritas, fejn kien hemm seba prigunieri jsegwu l-programm fl-imsemmija data.