Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #3851 Sitting 119 2014-02-12 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

immigrazzjoni irregolari — Laqgħat

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’laqgħat kellu u xi sforzi għamel mill-11 ta’ Marzu 2013 mal-pajjiżi individwali tal-Unjoni Ewropea biex jassumu wkoll ir-responsabbiltà u jgħinuna nerfgħu wkoll il-piż tal-immigrazzjoni irregolari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tema tal-immigrazzjoni illegali tqajjmet mill-gvern f’iktar minn okkazjoni waħda kemm mal-oghla rapprezentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill Ewropew u kif ukoll ma’ mexxeja ta’ pajjizi differenti Ewropej. Fost oħrajn it-tema tal-immigrazzjoni illegali tqajjmet f’diskussjonijiet mal-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy waqt zjara li kellu f’Malta. Diskussjonijiet dwar din it-tema saru wkoll mal-Prim Ministru Taljan Enrico Letta waqt laqgħat li delegazzjoni tal-gvern kellha ma’ delegazzjoni tal-gvern Taljan kemm f’Ruma u kif ukoll f’Malta. Kien hemm ukoll laqgħat simili mal-Prim Ministru Grieg Georgios Samaras. It-tema tal-immigrazzjoni illegali tqajjmet ukoll fuq livell Ewropew f’numru ta’ laqgħat mid-Deputat Prim Ministru Louis Grech u kif ukoll mill-Ministri George Vella u Manwel Mallia. Dan kollu sar fl-istess hin li l-gvern Malti kellu wkoll kuntatti regolari mal-gvern u mal-Prim Ministru Libjan Ali Zeidan. L-istess tema tqajjmet ukoll f’laqgħat bilaterali li kelli waqt l-Assemblea Generali tal-Gnus Maghquda fi New York, f’laqgha fost oħrajn mal-ogħla uffiċjali tal-gvern tas-Somalja. Infakkar ukoll lill-Onor Interpellant li meta l-President tal-Kummissjoni Ewropea Herman Van Rompuy zar Malta f’Lulju li għadda ddiskuta t-tema tal-immigrazzjoni illegali mal-Vici Prim Ministru Libjan Sadiq Abdulrahman. Nirreferi wkoll lill-Onor Interpellant ghall-istqarrija Ministerjali li ghamilt f’dan il-Parlament fit-13 ta’ Jannar 2014 b’rabta mal-hidma mwettqa mill-gvern Malti fl-ahhar Kunsill Ewropew dwar it-tema tal-immigrazzjoni illegali. Nassigura lill-Onor Interpellant li l-impenn tal-gvern se jibqa dak li jwassal il-messaġġ tiegħu dwar it-tema tal-immigrazzjoni illegali kull fejn ihoss il-htiega.

Korp tal-Pulizija — Kommemorazzjoni

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-prezenza tiegħu fil-kommemorazzjoni li saret ilbieraħ filgħodu fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata biex jitfakkru l-pulizija li laħqu għaddew għall-ħajja aħjar kienet tkun ferm aprezzata kieku avverat ruħha? Jaf li fl-aħħar 25 sena kull Ministru għall-Intern sedenti, sakemm ma kienx imsiefer barra minn Malta, dejjem kien preżenti għal din il-kommemorazzjoni li tfisser ħafna għall-Korp tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru jattendi dejjem għal kull kommemorazzjoni u attività tal-Korp tal-Pulizija. Dik il-ġurnata l-Ministru kien indispost xi ħaġa kif jaf l-Onorevoli Interpellant tista’ tiġri lil kulħadd.

Korp tal-Pulizija — Kommemorazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-kommemorazzjoni li saret il-Ħadd, 7 ta’ Lulju, fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata biex jitfakkru l-pulizija li għaddew għall-ħajja aħjar, hu kien rappreżentat miċ-chief of staff tiegħu u mhux mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dakinhar, kif diġà għedt fil-Mistoqsija Parlamentari 3584 kont indispost fl-aħħar ħin u għalhekk iċ-Chief of Staff tiegħi, li jassistini f’kull attività u kommemorazzjoni bħala Kap tas-Segretarjat tiegħi, daħal biex jirrapreżentani fin-nuqqas tal-preżenza tiegħi.

Ħlas tal-Overtime lill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-pulizija se jitħalsu tal-extra jew overtime li ħadmu tal-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-overtime li nħadem mill-Pulizija b’konnessjoni mal-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013, tħallas.
Leg 12 PQ #3604 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gozo Channel Line – ħatra taċ-chairman

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 633 dwar jekk il-prinċipju tal-meritokrazija ġiex applikat fil-ħatra taċ-chairman il-ġdid tal-Gozo Channel Line u jekk iva, fiex jikkonsistu dawn il-merti tal-persuna magħżula u li allura ddistingwuh minn terzi, u b’referenza għat-tweġiba li ta l-Ministru fejn qal li “Huma l-istess merti li l-Onor. Membru m’hemmx dubju li kien jara huwa meta kien jagħmel deċiżjonijiet simili”, jista’ l-Prim Ministru jindika fejn jien qatt ħtart persuna li jew kienet kandidata tal-partit li jien nirrappreżenta jew uffiċjal tal-istess partit tiegħi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li nibqa’ nsostni dak li għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 633.
Leg 12 PQ #3776 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pariri u konsulenzi — Legali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pariri li ngħata l-Gvern mill-Avukati Ġenerali, mis-Sezzjoni legali tal-Pulizija, mis-Sezzjoni legali tal-Forzi Armati, mill-konsulenti legali tal-Air Malta u minn kull avukat espert fid-dritt internazzjonali, qabel ma l-Gvern Malti ddeċieda li jordna lura, jew jikkontempla serjament li jordna lura l-immigranti irregolari li daħlu Malta fil-jum tat-Tlieta, 9 ta’ Lulju 2013, tant li kien diġà ordna ajruplan tal-Air Malta li kellu jeħodhom lura l-Libja fis-satra tal-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Lulju 2013?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li dak li ddikjarajt jien kien li fid-dawl ta’ kif kienu qed jiżviluppaw iċ-ċirkostanzi fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali, il-Gvern kien qed jikkunsidra l-għażliet kollha biex iħares l-interess nazzjonali.
Leg 12 PQ #3777 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Air Malta — Titjiriet lejn il-Libja

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għala t-titjiriet bl-ajruplan tal-Air Malta li kellhom jieħdu lura l-immigranti li ġew Malta t-Tlieta, 9 ta’ Lulju 2013 lura l-Libja kienu se jsiru fis-satra tal-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Lulju 2013?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3776.

Traffikar tad-droga fil-ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif tħalliet tidħol il-ħabs persuna li nqabdet iddaħħal id-droga l-ħabs ftit jiem ilu f’Ġunju 2013 meta kien hemm ordni biex ma titħalliex tidħol? X’inhi d-data tal-ordni oriġinali li fiha d-Direttur tal-Ħabs kien ordna li tali individwu ma jitħalliex jidħol il-ħabs?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-awtoritajiet tal-ħabs m’għandhom l-ebda rekord ta’ dak li qed jallega hu. Jekk forsi jkun aktar speċifiku, fl-isem, l-awtoritajiet tal-ħabs ikunu jistgħu jaslu għal tweġiba aktar speċifikata.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Uffiċċju tal-Aġent Direttur — xiri ta’ materjal għal xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-LPO jew dokument ieħor tax-xiri tal-materjal kollu, inkluż irħam u madum, li qed jintuża fix-xogħlijiet fl-uffiċċju tal-Aġent Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li li r-risposta għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – operations coordinator — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-operations coordinator li se jkun impjegat fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin mill-ġimgħa d-dieħla?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Minħabba raġunijiet ta’ Sigurtà ma’ nħossx li hu għaqli li jiġi ppublikat l-kuntratt ta’ xi ħadd li jaħdem fil-Faċilita’ Korretiva ta’ Kordin. Jekk irid l-Onorevoli Interpellant nista’ ngħaddilu kopja tal-kuntratt b’mod personali u kunfidenzjali.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – operations coordinator — impjieg

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex ikun impjegat operations coordinator fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Dan hu messaġġ ta' sfiduċja fil-management tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nibda biex nippreċiża mal-Onorevoli Interpellant li fuq rakkomandazzjonijiet tal-Bord tar-Riforma tal-Ħabs, inħolqot struttura ġdida fil-Facilita Korretiva ta’ Kordin. Din l-istruttura tara Direttur, manager tal-Operationers u Manager fuq l-edukazzjoni. Naqbel ma’ l-Onorevoli Interpellant li dan hu messaġġ ta’ sfiduċja i¿da mhux fil-management tal-Faċilita iżda fil-mod kif din il-Faċilita kienet titmexxa taħt il-Gvern preċedenti.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – operations coordinator — kwalifiki u abilitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiċi jew abilitajiet iktar għandu l-operations coordinator li se jkun impjegat fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin mill-management preżenti tal-Faċilità?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Bir-rispett kollu lejn l-Onorevoli Interpellant din kwistjoni ta’ struttura ġdida li qed topera bir-riżultat li l-Faċilita’ Korretiva ta’ Kordin qed issir aktar iffukata u effiċjenti fl-għan tagħha, jiġifieri li tirrijabilità r-residenti fi ħdana.

Transport Malta – Uffiċċju tal-Ħaddiema tax-Xatt

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Transport Malta hiex bi ħsiebha tgħaddi l-amminstrazzjoni tal-Uffiċċju tal-Ħaddiema tax-Xatt li jinsab fi ħdanha, lil terzi privati? Jekk dan huwa l-każ, jista’ jgħid x’se jsir mill-impjegati ta’ Transport Malta li bħalissa jaħdmu f’dan l-uffiċċju, x’inhuma d-dettalji finanzjarji tal-arranġament li sar, jekk inħarġitx sejħa pubblika għall-offerti u, jekk le, għalfejn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx ħsieb li Transport Malta tgħaddi l-amminstrazzjoni tal-Uffiċċju tal-Ħaddiema tax-Xatt lil terzi privati.

Malta Security Service – persuni trasferiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterju ġew trasferiti mill-Malta Security Service l-11-il persuna fl-1 ta’ Lulju 2013? X’sens għamel li ġew maqlugħa mill-Malta Security Services nies ta’ esperjenza kbira, inkluż f’xogħol barra minn Malta?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellat kif irrepetejt kemm–il darba, li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

Ministeru għall-Intern — intervista

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ried ifisser biha meta f’intervista li saritlu wara l-ħatra tiegħu hu qal li ma jixtieqx li 80% tal-ħin u riżorsi tal-Malta Security Service jibqa’ jkun iddedikat biex jiġi miġġieled it-traffikar tad-droga?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-intervista li kelli jiena kont għedt illi l-iskop u spirtu li ġiet mwaqqfa l-Malta Security Service kien is-sigurtà tal-istat Malti, b’hekk illi dan is-servizz m’għandux jkun il-lungamano tal-Korp tal-Pulizja. Is-servizz għalhekk għandu jkollu aktar ħin għal kwistjonijiet tas-sigurtà, b’dan pero li xorta titkompla l-ġlieda kontra l-kriminalità partikolarment il-ġlieda kontra l-abbuż tad-droga.

Forzi Armata ta’ Malta – trasferiment tal-Kurunell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala l-Kurunell tal-HR u Administration tal-AFM se jkun trasferit lejn id-Detention Services?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li trasferimenti fil-Forzi Armati ta’ Malta, inkluż dik tal-Kurunell tal-HR u l-Administration, kif infurmajtu kemm-il darba, isiru skont l-esiġenzi tas-servizz.

Pulizija trasferiti għal-lock up

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni għala llum tliet pulizija li kienu SRT fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ġew trasferiti għal-lock up?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kelli l-okkazzjoni ninforma lill-Kamra, iċ-ċaqliq u l-ispostament tal-membri fi ħdan il-Korp tal-Pulizija jsir skont il-ħtiġijiet u n-neċessitajiet tas-servizz.

Forzi Armati ta’ Malta – trasferiment ta’ impjegat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni għala l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li huwa responsabbli mir-Riżorsi Umani u Amministrazzjoni, illum ġie trasferit għad-detention services?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 3455.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – traffikar tad-droga

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru u d-data tal-istqarrija li ħareġ il-Ministeru tiegħu li fiha tħabbar li sar traffikar tad-droga fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fix-xahar ta’ Ġunju 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din id-domanda lill-Ministeru konċernat.

MEPA – permess għax-xogħol strutturali fl-Uffiċċju tal-Aġent Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk intalabx permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għax-xogħol strutturali li qed issir fl-Uffiċċju tal-Aġent Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? X’inhu n-numru tal-applikazzjoni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li sar fl-uffiċju tal-Agent Direttur tal-Faċilità Korretiva ta’ Kordin ma’ kienx jirrikjedi bini ġdid jew estensjonijiet ġodda.