Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — reklamar u public relations
Question
Jista' l-Ministru inkluż is-segretarju parlamentari jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u dipartiment li hi jew hu fi ħdan dan il-Ministeru, fuq reklamar jew public relations mill-11 ta' Marzu 2013 'il hawn? F'liema media sar dan ir-reklamar u permezz ta' liema aġenzija jew kumpanija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi:-
Tabella 'A' - Direttorati, Ministeru u Segretarju Parlamentari
Tabella 'B' - Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi
Tabella 'C' - Aġenzija Żgħażagħ u Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija
Tabella 'D' - Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Ogħla u Avvanzata/Skola Sekondarja Ogħla/Kulleġġ Sta. Margerita Skola Sekondarja Subien - Verdala
Tabella 'E' - MCAST
Tabella 'F' - Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ
Tabella 'G' - EUPA
Tabella 'H' - Kunsill Malti għall-Isport
B’referenza għall-aħbar irrapurtata fil-ħarġa tan-Nazzjon tat-22 ta’ Lulju 2013, f’paġna 2, u li tirreferi għal ġlied tal-boxing li kellu jsir il-Ġimgħa, 19 ta’ Lulju 2013 fil-Furjana, u li suppost l-organizzaturi kellhom il-permessi kollha skont il-liġi u koperti bil-permess tal-pulizija u li twaqqaf b’ordni tal-pulizija siegħa biss qabel il-bidu, b’telf (allegat) finanzjarju kbir għall-organizzaturi, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-vera raġuni għala l-pulizija waqqfu din l-attività sportiva? Jista’ jgħid abbażi ta’ liema vires jew artiklu tal-liġi, il-pulizija waqqfu din l-attività li allegatament kienet koperta bil-permessi skont il-liġi? Jeskludi li xi ħadd mill-Ministeru ċempel lill-pulizija tal-Għassa tal-Belt b’ordni biex din l-attività titwaqqaf?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal darba oħra reġa' ġie infurmat ħażin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il transfer ġie ordnat fil-Korp tal-Pulizija li ma sarux b'letter minute iżda permezz ta' ordnijiet bit-telefon mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija mill-11 ta' Marzu 2013, speċjalment fix-xahar ta' Lulju 2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
L-Onor. Interpellat għandu jkun infurmat li l-Korp tal-Pulizija jimxi skont il-proċeduri tas-servizz pubbliku biex jinħarġu ordnijiet ta' trasferimenti skont kif jeħtieġ fl-interess tas-servizz u tal-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il serqa kienet rappurtata mill-Gudja bejn April u Lulju 2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi bejn l-ewwel ta’ April u l-aħħar ta’ Lulju tas-sena l-oħra, il-pulizija kellha 28 rapport ta’ serq ġewwa l-Gudja. Din il-lokalita tinkludi wkoll l-ajruport.
immigrazzjoni irregolari — Assistenza mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern tiegħu għamilx kuntatt u talba formali mal-Kummissarju Ewropew għall-Intern għal iktar assistenza mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-immigrazzjoni irregolari mill-11 ta’ Marzu 2013 u jekk iva, jista’ jagħti d-data ta’ meta sar tali kuntatt jew talba?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jispjega jekk dan l-avviż li ħareġ il-Foreign Office tar-Renju Unit u ċjoè: “Since May 2013 there have been a high number of pick-pocketing incidents on main bus routes, especially the 13 and 12 from Sliema to Valletta and routes between St. Julian’s and Paceville. Thieves are targeting crowded afternoon buses. Be vigilant and keep sight of valuables at all times. Local police are aware of the problem and conducting investigations" (http://www.gov.uk/foreign-travel-advice/malta/safety-and-security) hux frott u riżultat tal-ħemel transfers li ta fil-Korp tal-Pulizija meta, kif ilha tgħid l-Oppożizzjoni, naqqas drastikament il-preżenza tal-Pulizija fl-għases (inkluż ta’ San Ġiljan) minn Marzu 2013? X’passi qed jieħu biex tonqos il-crime rate li reġgħet għolliet rasha?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi l-Pulizija kienet konxja ta’ dawn it-tip ta’ rejati u anke kienet qed tinvestiga, kif indikat ukoll fl-istess avviż li semma l-Onorevoli Interpellant. Din l-investigazzjoni kienet ħalliet il-frott mixtieq u għall-aħħar ta’ Awissu tas-sena l-oħra diversi persuni ta’ nazzjonalita barranija kienu tressqu l-Qorti fuq diversi serqiet ta’ dan it-tip. Minn meta tressqu l-Qorti dawn l-persuni, kien reġistrat tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ rejati ta’ dan it-tip li ġew irrapurtati. Għall dak li huwa presenza ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija fl-Għases, infurmat illi f’Lulju tas-sena 2013 dan kien l-istess bħal ma kien f’Lulju tal-2012. Kien hemm xi ċaqliq minn xi Distretti biex żdiedu oħrajn bħal ma’ huma San Giljan u l-Qawra, fejn nafu lil hemmhekk ikun hemm aktar bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-hard floor cover li kellu jsir fuq il-lawn tal-Palazz tal-Girgenti għall-ikla tal-EBU li matulha kien hemm il-pulizija jservu ta' waiters? Min ipprovdih?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Il-Hard Flooring ġie jiswa €5,360 (VAT inkluż) u sar mill-kumpanija TEC Ltd wara sejħa għal kwotazzjonijiet.
Il-Hard Flooring sar biex ma’ ssirx ħsara lit-terf tal-Girgenti.
Jista’ l-Ministru jara għala l-bieraħ, 18 ta’ Lulju 2013 ma kienx hemm Pulizija fil-Marina tal-Imsida?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninfomra lill-Onorevoli Interpellant illi l-uffiċju tal-immigrazzjoni fil-Marina tal-Msida ikun miftuħ bejn it-8 ta’ fil-għodu u l-5 ta’ fil-għaxija. Infurmat ukoll illi fil-ġurnata imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, l-uffiċċjal li kien xogħol f’dan l-uffiċċju rraporta sick leave u ma setgħax jiġi sostitwit. Għaldaqstant ix-xogħol li normalment isir f’din il-Marina, kien kopert mil-uffiċċju prinċipali tal-Immigrazzjoni fil-Port il-Kbir, kif isir kuljum wara l-ħin tal-għeluq tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar mill-11 ta’ Marzu 2013 ’l hawn biex il-Health Centre ta’ Raħal Ġdid ikun rikolat minflok il-grawnd ta’ Pace Grasso? Għadu bil-fehma li flok il-grawnd jinbena ċentru reġjonali għas-saħħa?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma l-Onor. Membru li l-proġett taċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid għadu priorità ewlenija. Qed isir ix-xogħol kollu neċessarju biex jinkisbu fondi mill-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 966 u jgħid il-Korporazzoni Enemalta kemm ħallset jew se tkun mitluba tħallas għall-konsulenzi legali u pariri legali mogħtija mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum? Min hija jew huma d-ditti legali li qed jipprovdu tali servizzi legali?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.
Wasla ta’ immigranti illegali – Depot tal-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jispjega għala l-immigranti li waslu Malta t-Tlieta, 9 ta’ Lulju 2013 ma tteħdux l-open centres kif dejjem sar iżda ttieħdu d-Depot tal-Pulizija fil-Furjana eżatt kif waslu?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li il-proċedura meta jaslu immigranti irregolari hi li l-immigranti mal-wasla tagħhom kienu jittieħdu d-depot tal-Floriana u issa l-Garaxxtal-Pulizija u wara jittieħdu fil-‘closed centres’. Għalhekk id-domanda magħmula mill-Onorevoli Interpellant għandha l-premessi kollha ħżiena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk iħossux komdu jara r-ritratti ta’ tarbija Somala u persuni oħra immigranti li kienu għadhom kif waslu Malta t-Tlieta, 9 ta’ Lulju 2013 wara jiem bejn sema u ilma, bil-għatx, għajjenin u bil-ġuħ jitħallew mal-art fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, assenti kull sens ta’ rispett lejn id-dinjità tal-bniedem?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għar-rigward ir-ritratt tat-tarbija, tajjeb jingħad li din kienet il-ħin kollu akkumpanjata mill-ġenituri tagħha stess u mhux kif forsi setgħet ingħatat l-impressjoni li din kienet mitluqgħa mal-art għal riħha.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk iħossux komdu jara r-ritratti ta’ tarbija Somala u persuni oħra immigranti li kienu għadhom kif waslu Malta t-Tlieta, 9 ta’ Lulju 2013 wara jiem bejn sema u ilma, bil-għatx, għajjenin u bil-ġuħ jitħallew mal-art fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, assenti kull sens ta’ rispett lejn id-dinjità tal-bniedem? Dan hu l-Gvern ħanin u uman li wiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Infakkar lill-Onor. Interpellant fiż-żewġ każi li fihom f’Lulju li għadda l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem sabet lil Malta ħatja li kisret id-drittijiet ta’ żewġ immigranti f’detenzjoni. Dawn iż-żewġ każi jmorru lura għall-2009 meta responsabbli mit-tmexxija tal-pajjiż kien hemm il-partit li minnu jagħmel parti l-istess Onor Interpellant u meta l-Onor Interpellant kien jagħmel parti mill-Kabinett.
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ żjarat u laqgħat barra minn Malta li kellu u ma’ min iltaqa’ mill-11 ta’ Marza 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza bis-suġġett ta’ burden/responsibility sharing fil-kwestjoni tal-immigrazzjoni irregolari?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.