Legislature:
Category:
Reset
Active:

Central Delivery Office — pagi

Question

Jista’ l-Ministru jindika, imqar b’mod approssimattiv, kemm hu t-tnaqqis fil-paga kull xahar li sofrew il-membri tas-Central Delivery Office (li jqassmu r-referti) wara li ma baqgħux jidħlu extra filgħodu jgħinu lit-Taqsima tat-Traffiku?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal darboħra reġa' ġie infurmat ħażin. Nistieden lill-Onor. Membru biex jekk jaf b’xi każ partikolari jgħaddihuli b’mod kunfidenzjali biex inkun nista' ninvestiga.

Korp tal-Pulizija – extra duties fl-Isptar Mater Dei – pagi

Question

Jista’ l-Ministru jindika, imqar b’mod approssimattiv, kemm hu t-tnaqqis fil-paga kull xahar li sofrew il-membri tal-Korp tal-Pulizija li ma baqgħux jagħmlu l-extra duty fil-Mater Dei?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru m’għandux l-informazzjoni li qiegħed jitlob, billi l-ħlas ma jsirx mill-Korp tal-Pulizija iżda mill-Isptar Mater Dei. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Korp tal-Pulizija – Membru b’ċertifikat mediku

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala l-membru tal-Korp tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandu ċertifikat mediku li minħabba kundizzjoni f'widnejh dan ma jistax jiġi ordnat fejn jkun hemm l-istorbju (bħal festi, football, basketball, Paceville, eċċ.), liema ċertifikat u letter minute inħarġulu minn wara Marzu 'l hawn, baqa’ jaħdem ġo distrett jekk għandu din il-kundizzjoni, u mhux jaħdem band’ohra bil-light duty? Tħalla fejn hu biex ma jitlifx il-ħlas extra tal-Ħdud u biex ma jkunx bogħod mid-dar tiegħu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma naħsibx hu xieraq li nitkellmu dwar kundizzjoni medika ta’ membru tal-Korp tal-Pulizija li jista’ jiġi identifikat fil-pubbliku. Separatament b’mod kunfidenzjali se ngħaddilu l-informazzjoni mitluba.

Forzi Armati ta’ Malta — Kummenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu u l-Brigadier tal-Forzi Armati humiex komdi u jaraw bħala aċċettabbli l-kummenti neqsin mid-dekor, b’aċċenn lejn il-Lemin Estrem u insulti li nhar is-Sibt 10 ta’ Awwissu 2013 dehru fuq il-paġna ta’ Facebook tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ dak iż-żmien, kien bgħat għall-Uffiċjal imsemmi u l-kummenti fil-blog imsemmi ġew diskussi. Kienet saret ukoll stqarrija ufficjali mill-uffiċjal konċernat u li ġiet imwieġba mill-Brigadier preċedenti fejn sussegwentament il-każ ġie kkunsidrat bħala eżawrit min-naħa tal-FAM. L-Uffiċjal imsemmi ta garanzija li dawn il-kummenti mhux se jerġgħu jiġu ripetuti.

Bord tal-Koperattivi – kompetenza tal-Membri

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-kompetenza jew għarfien dwar il-koperattivi tal-membri li ġew maħtura fuq il-Bord tal-Koperattivi?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kompetenza tal-persuni imsemmija huma varji u utli għal dan il-qasam minn aspetti differenti. Kull membru f'dan il-bord għandu esperjenza illi se jkunu t'għajnuna fil-ħidma u l-isfidi li se jkollu quddiemu dan il-bord. Għall-għażla tal-membri tal-bord tal-koperattivi dan il-gvern mexa fuq l-istess kriterji li ntużaw minn amministrazzjonijiet preċedenti.

Kodiċi ta’ Etika

Question

Peress li waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-1 ta’ Awwissu 2013, fil-preżenza tal-Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Ministru għall-Intern irrefera għal “kodiċi ta’ etika” biex isostni li l-imsemmi Kap tad-Dipartiment ma għandux iwieġeb il-mistoqsijiet tal-media dwar fatti li allegatament seħħew meta l-persuna msemmija kienet tokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija, iżda li tali mistoqsijiet għandhom isiru lill-Ministeru tiegħu, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tali kodiċi ta’ etika fejn jingħad li kap tad-dipartiment ma jistax iwieġeb hu direttament lil media biex jiddefendi l-integrità u l-unur tiegħu, meta ma kienx mistoqsi biex jitkellem dwar public policy jew ħidma uffiċjali governattiva?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk wieħed jieħu s-sens tad-diskors tiegħi jinduna li kont qiegħed nirreferi għal fatt li l-etika kienet tiddetta li waqt konferenza tal-aħbarijiet ma’ jsirux mistoqsijiet lil Kap tad-Dipartiment fuq kwistjonijiet li ma’ kellhom x’jaqsmu xejn mal-konferenza tal-aħbarijiet. Nixtieq nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-Kap tad-Dipartiment imsemmi kien qiegħed jiġi mistoqsi mill-ġurnalisti fuq fatti li ġraw taħt il-Gvern preċedenti meta hu kien kap ta’ Dipartiment ieħor.

Il-Gudja — Knisja Parrokkjali - Tisbieħ taz-Zuntier

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jsir proġett ta’ tisbieħ taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tal-Gudja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol huwa inkluż fil-lista ta’ proġetti li qed ikunu ikkunsidrati minn dan il-Ministeru biex isiru f'din il-leġiżlatura. Bħalissa hemm applikazzjoni l-MEPA li intalbet tapprova dan ix-xogħol ta' tisbieħ u dan wasal biex ikun approvat. Ix-xogħol mistenni jinbeda aktar tard din is-sena.

Sptar Mater Dei – Emerġenza – preżenza tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jiddikjara jekk huwiex seren u komdu bis-sitwazzjoni fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fejn qed ikun hemm ġlied bejn in-nies fl-istennija u anke sitwazzjonijiet fejn nies qed iferu lil xulxin, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa, u ma jkun hemm ebda pulizija preżenti biex iżommu l-ordni, peress li nqata’ l-extra jew overtime li kienu jagħmlu l-pulizija fl-Emerġenza?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nstabx li kien hemm rapporti ta’ġlied bejn in-nies jew sitwazzjonijiet fejn nies qed iferu lil xulxin, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa, fl-istennija tal-Emergenza tal-Isptar Mater Dei bejn l-ewwel ta Awwissu 2013 u Frar ta din is sena. L-uniku inċident rrapurtat li kien hemm din is-sena kien wieħed ta’ argument bejn pazjent li kien qed jistenna nota ta’ rilaxx ma’ tabib wara li dan allegatament dam jistenna. Dan l-argument bejn iż-żewġ persuni involuti sar biss bil-kliem u ma’ kien hemm ebda vjolenza fi¿ika. Ninforma lill-interpellant ukoll illi mhux minnu li ma jkunx hemm pulizija f’dan il-lok. Fil-fatt ikun hemm ¿ewg Pulizija fl-Emergenza tal-Isptar, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, wieħed mid-Distrett ta’ Tas-Sliema u l-ieħor mid-Distrett ta’ Birkirkara u xogħolhom hu li jaraw li tinżamm, l-ordni. Sewwa li wieħed isemmi illi dan l-arrangament fejn ikun hemm ¿ewg Pulizija kull ħin, beda mit 3 ta’ Mejju 2013 u għadu hemm sallum, għaliex qabel kien ikun hemm pulizija wieħed biss kull ħin, dettaljat mil-għassa ta ta-Sliema. Dan barra uffiċċjal tal-Pulizija ieħor li jkun iddettaljat ‘extra duty’ fir-Reception Area tal-istess Sptar.

Sptar Mater Dei – Emerġenza – overtime tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallas flus f’extra jew overtime fl-aħħar ħames snin il-Korp tal-Pulizija għall-Pulizija li kienu jkunu addetti fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-extra duty li ssir fil-Mater Dei tkopri id-doveri fl-isptar kollu u mhux biss id-Dipartiment tal-Emergenza biss. Din l-extra tithallas mill-awtoritajiet tal-isptar. Fl-aħħar ħames snin il-Korp tal-Pulizija rċeva l-ammont ta’ €754,382.82 għal dan is-servizz.
Leg 12 PQ #3979 Sitting 127 2014-03-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Membri tal-Kabinett – użu ta’ private jet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern, inkluż il-membri tal-Kabinett, sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza, għamlux użu minn private jet mill-11 ta’ Marzu 2013 ’l hawn fuq xogħol? Jekk iva, kemm-il darba, minn min, u x’kien l-iskop?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li fil-perjodu indikat minnu, għamilt uzu mill-private jet f’7 okkazjonijiet differenti, dejjem b’rabta ma’ laqgħat tal-Mexxeja tal-Unjoni Ewropea. L-ispejjez involuti fl-uzu tal-private jet għal laqgħat bhal dawn jitħallsu lura mill-Unjoni stess.
Leg 12 PQ #3981 Sitting 127 2014-03-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Saħħa

Mediċini out of stock — Remeprazole

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala l-mediċina kontra l-ulċeri Remeprazole fil-jum li fih li qed issir din l-interpellanza ilha diġà 8 ġimgħat out of stock? Meta se tkun in stock?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

.Ninsab infurmat li l-medicina li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru mhijiex out of stock. Id-Dipartiment tas-Saħħa dejjem kellu stock ta’ din il-medicina minn Lulju 2013 ‘il hawn.

Weapons Board – għaqdiet rappreżentati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-għaqdiet li jirrappreżentaw l-arms collectors li huma rappreżentati fil-Weapons Board ġdid li għadu kemm twaqqaf mill-Ministru (fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tad-19 ta’ Lulju 2013) skont kif jipprovdi l-art. 49 tal-Kap. 480 tal-Liġijiet ta’ Malta?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għaqdiet li jirraprezentaw l-Arms Collectors li huma rappreżentati fil-Weapons Board il-ġdid li għadu kif twaqqaf mill-Ministru huma: · MSSF: Malta Shooting Sports Federation · AACTS: Association of Arms Collectors and Target Shooters · AMACS : Association of Maltese Arms Collectors and Shooters.

Weapons Board — membri

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex ma ġietx osservata l-liġi (fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza) li twaqqaf il-Weapons Board (Kap. 480 tal-Liġijiet ta’ Malta) peress li fl-avviż tal-Gazzetta tal-Gvern tad-19 ta’ Lulju 2013 il-Ministru ħabbar il-kompożizzjoni tal-Weapons Board magħmul minn 8 membri, meta l-liġi (artiklu 49 tal-Kap.480) tistipula li l-minimu għandu jkun ta’ 9 membri?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord tal-Armi kien mwaqqaf skond il-liġi u membru minnhom ma kienx aċċetta din il-pożizzjoni ftit mumenti qabel ġiet maħruġa fil-gazetta tal-Gvern. Din is-sitwazzjoni ġiet rimedjata qabel il-laqgħa li kien imiss.

Korp tal-Pulizija – membri Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn pulizija Għawdxin adetti f'Malta li għandhom talba pendenti biex ikunu trasferiti lejn Għawdex?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hija l-proċedura fil-Korp tal-Pulizija illi membri tal-Korp li jkunu residenti Għawdex, jkunu kkunsidrati sabiex ikunu stazzjonati f’Għawdex meta jkun hemm vakanzi u skont l-eżiġenzi tas-servizz. Fil-preżent hawn 77 membru tal-Korp tal-Pulizija residenti f’Għawdex li huma stazzjonati Malta. Hemm ukoll 7 membri tal-Korp oħra stazzjonati Malta, li għandhom talba pendenti sabiex jiġu stazzjonati f’Għawdex minħabba xi raġunijiet personali.

Korp tal-Pulizija – każ ta’ membru minn Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'wassal biex pulizija li għadu kemm ġie reinstated fil-Korp wara li kien telaq xi snin ilu, ġie adett mill-ewwel f'Għawdex u qabeż il-lista ta' diversi pulizija Għawdxin li ilhom jistennew biex ikunu mibgħuta Għawdex?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta tiġi reinstated tidħol lura fil-kju fejn tkun tlaqt. Barra minn hekk ir-trasferimenti għal xogħol f’Għawdex ma jsirux biss fuq bażi ta seniority imma ukoll fuq kriterji oħra bħal mard, bżonnijiet fil-familja eċċ., flimkien mal-esiġenza tas-servizz.

Emergency Response Team – xiri ta’ vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm swew il-vetturi tal-Emergency Response Team tas-Civil Protection Department li ġew inawgurati fl-1 ta' Awwissu 2013, u meta ġew ordnati? Mil-liema fond jew budget inxtraw?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta tiġi reinstated tidħol lura fil-kju fejn tkun tlaqt. Barra minn hekk ir-trasferimenti għal xogħol f’Għawdex ma jsirux biss fuq bażi ta' seniority imma ukoll fuq kriterji oħra bħal mard, bżonnijiet fil-familja eċċ., flimkien mal-esiġenza tas-servizz. (Ara dokumenti Nru. 3086 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tlieta, 8 ta’ Lulju 2014)

Stqarrija ministerjali

Question

Peress li fl-istqarrija li l-Ministeru għall-Intern ħareg ilbieraħ, l-1 ta’ Awwissu 2013, numru PR1654, jingħad hekk: “Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili s-Sur John Rizzo qabel mal-Ministru li jeħtieg li jsir investiment minnufih għax dan id-Dipartiment kien intesa fis-snin li għaddew.” , u peress li matul il-konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ u li għaliha din l-istqarrija qed tirreferi, il-Kap tad-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili ma qalx il-kliem li ġie attribwit lilu fl-istqarrija uffiċjali tal-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid: a) Għaliex ippermetta li stqarrija uffiċjali tal-Gvern tigdeb fuq uffiċjal pubbliku? b) Jekk tali stqarrija ħarġet mingħajr l-approvazzjoni tiegħu, x’passi se jieħu kontra min tefa’ f’ħalq uffiċjal pubbliku kliem ta’ natura ta’ kontroversja politika li fil-fatt ma kienx lissen? c) Jekk jikkonfermax li l-kliem li fil-fatt il-Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fil-fatt lissen kienu: “filwaqt li sar ħafna progress fis-snin li għaddew, għad fadal ħafna x’isir”? d) Jekk hijiex marka ta’ rġulija u ta’ mġiba etika korretta li l-Gvern ma jimmanipulax uffiċjal pubbliku għal skopijiet partiġġjani? e) Jekk jikkonfermax li l-moral high ground jitlob li l-Gvern jirrifletti dak li jkun fil-fatt lissen uffiċjalment uffiċjal pubbliku u mhux jigdeb fuqu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

L-istqarrija nħarġet mill-uffiċjal tal-komunikazzjoni tal-Ministeru. Fl-istqarrija m’hemm xejn li jgiddeb dak li ql is-Sur John Rizzo, anzi l-istqarrija kienet fidila lejn dak li ntqal minnu, tant li s-Sur Rizzo qatt ma protesta la b’mod formali u lanqasinformalment mal-Ministeru fuq il-kontenut tal-istqarrija

Dikjarazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja

Question

Peress li fil-ħarġa ta’ The Times tas-26 ta' Lulju 2013, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja ġie rrappurtat hekk: "Suspects under interrogation should avoid making use of their right to speak to a lawyer because it can work against them, according to Justice Parliamentary Secretary Owen Bonnici", jista’ l-Ministru għall-Intern, li hu responsabbli mill-Pulizija jgħid jekk jaqbilx ma' din id-dikjarazzjoni u l-implikazzjonijiet tagħha? Jaqbel li tali dikjarazzjoni tammonta għal bastun fir-rota tal-ħidma tal-Pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalità?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 3959 li hi fuq l-istess linja u se titwieġeb mill-Prim Ministru.
Leg 12 PQ #3959 Sitting 125 2014-02-26 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dikjarazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja

Question

Peress li fil-ħarġa ta’ The Times tas-26 ta' Lulju 2013, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja ġie rrappurtat hekk: "Suspects under interrogation should avoid making use of their right to speak to a lawyer because it can work against them, according to Justice Parliamentary Secretary Owen Bonnici.", jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jaqbilx ma' tali dikjarazzjoni li tammonta għal parir minn membru tal-Gvern lil dawk li jkunu interrogati mill-Pulizija, li jinkludu kriminali magħrufa, bil-konsegwenza li l-Pulizija tkun imfixkla serjament f'xogħolha?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-Onor. Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Ġustizzja ma kien qed jagħti l-ebda pariri lil hadd izda kien qed jiddentifika b’mod car in-nuqqasijiet li jezistu fil-ligi Maltija fejn jidħol id-dritt ghall-assistenza legali, dritt li f’Malta huwa limitat ħafna u ta’ ftit utilita’ ghal persuna arrestata li hija prezunta innocenti. Kien il-Gvern Nazzjonalista li l-istess Onor. Interpellant sa ftit ilu kien jifforma parti minnu, li naqas milli jdahhal dan id-dritt fil-Kodiċi Kriminali tagħna b’mod li jkun verament effettiv u mhux biex ikun qiegħed biss fuq il-karta u li l-ezercizzju tiegħu ftit li xejn ikollu utilita’ għal persuna arrestata. Jidher li l-Onorevoli Interpellant għandu memorja qasira ta’ dak li gara fl-ahhar snin fejn jidħol id-dritt għall-assistenza legali. Id-dritt ghall-assistenza legali gie ntrodott fil-Kodiċi Kriminali permezz tal-Att Numru III tal-2002. Madankollu, għal raġunijiet magħrufa biss ghall-Gvern Nazzjonalista, dan id-dritt dam biex gie fis-seħħ sal-bidu tal-2010, jigifieri tmien snin wara li għaddiet il-ligi mill-Parlament. Minħabba dan id-dewmien biex dan id-dritt monk jigi fis-sehh, il-Gvern tilef numru ta’ kawzi fil-Qorti Kostituzzjonali għax il-ligi ma kinitx tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem. Konxju tal-fatt illi d-dritt għall-assistenza legali huwa wieħed monk, ineffettiv u anke jista’ jkun ta’ pregudizzju għall-interessi ta’ difiza tal-akkuzat u konxju ta’ sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Onorevoli Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Ġustizzja immedjatament talab lill-Kummissjoni Holistika għar-Riforma tal-Ġustizzja sabiex fir-rapport finali tagħha tindirizza din il-kwistjoni u tagħti parir lill-Gvern kif dan id-dritt għall-assistenza legali għandu jkun wiehed effikaci, li ma jkunx mazzra ma’ għonq l-akkużati u li jkun jista’ jigi ezercitat fit-totalita’ tiegħu. B’hekk, dak li jistqarr l-Onor. Interpellant li l-Pulizija se tigi mfixxkla serjament f’xogħolha mhu minnu xejn peress dak li jrid il-Gvern huwa illi idejn il-Pulizija tissahhah f’konformita’ mad-drittijiet tal-bniedem.
Leg 12 PQ #3960 Sitting 125 2014-02-26 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dikjarazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja

Question

Peress li fil-ħarġa ta’ The Times tas-26 ta' Lulju 2013, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja ġie rrappurtat hekk: "Suspects under interrogation should avoid making use of their right to speak to a lawyer because it can work against them, according to Justice Parliamentary Secretary Owen Bonnici.", jista' l-Prim Ministru jikkonferma li dan imur eżatt kontra l-kampanja tiegħu u tal-Oppożizzjoni Laburista fil-leġiżlatura preċedenti biex tali dritt ta' assistenza legali jkun fis-seħħ?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-twegiba moghtija għall-mistoqsija parlamentari 3959.