Legislature:
Category:
Reset
Active:

Użu tal-moll tal-ex Malta Shipbuilding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema bażi ngħataw għall-użu minn kumpanija waħda partikolari, parti mill-art u l-moll tal-ex Malta Shipbuilding fil-Marsa, għall-finijiet ta’ ħatt u tagħbija minn vapuri? Jista’ jgħid l-allokazzjoni tal-art u l-moll sarux wara sejħa pubblika u fuq liema kundizzjonijiet? Jista’ jikkonferma li l-attività li qed tagħmel din il-kumpanija hija f’kompetizzjoni mal-attività tal-cargo terminal operators l-oħrajn bħal Valletta Gateway Terminals u l-Malta Freeport? Jikkonferma l-Ministru li l-użu tal-moll tal-Malta Shipbuilding għall-ħatt u tgħabija tal-merkanzija minn vapur ta’ din il-kumpanija partikolari qed isir b’esklużjoni ta’ vapuri oħrajn peress li Transport Malta ħarġet ordni biex il-moll ma jintużax għall-ħatt u tgħabija ta’ merkanzija ħlief minn din il-kumpanija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta kienet ikkonċediet lil-kumpanija bħala esklużjoni u hija suġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li din tista tgħabbi biss merkanzija fuq il-vapuri tagħha. L-allokazzjoni ta’ din l-art saret mill-Bord tad-diretturi tal-kumpanija. Fir-rigward tal-moll saret allokazzjoni minn Transport Malta. L-attivita’ li qed tagħmel il-kumpanija m’hiex f’kompetizzjoni mal-attivita’ tal-Cargo Terminal Operators u oħrajn, minħabba l-konċezzjoni speċifika kif miftiehem ma’ Transport Malta. L-użu tal-moll tal-Malta Shipbuilding minn din il-kumpanija partikolari, mhux qed isir b’esklużjoni ta’vapuri oħrajn, kif diġa’ msemmi.

Użu tal-moll tal-ex Malta Shipbuilding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema bażi ngħataw għall-użu minn kumpanija waħda partikolari, parti mill-art u l-moll tal-ex Malta Shipbuilding fil-Marsa, għall-finijiet ta’ ħatt u tgħabija minn vapuri? Jista’ jgħid l-allokazzjoni tal-art u l-moll sarux wara sejħa pubblika u fuq liema kundizzjonijiet? Jista’ jikkonferma li l-attività li qed tagħmel din il-kumpanija hija f’kompetizzjoni mal-attività tal-cargo terminal operators l-oħrajn bħal Valletta Gateway Terminals u l-Malta Freeport? Jikkonferma l-Ministru li l-użu tal-moll tal-Malta Shipbuilding għall-ħatt u tgħabija tal-merkanzija minn vapur ta’ din il-kumpanija partikolari qed isir b’esklużjoni ta’ vapuri oħrajn peress li Transport Malta ħarġet ordni biex il-moll ma jintużax għall-ħatt u tgħabija ta’ merkanzija ħlief minn din il-kumpanija?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #5526 Sitting 146 2014-05-07 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PAI courses

Question

B’referenza għall-aħbar fil-link http://www.independent.com.mt/articles/2013-10-29/news/government-coordinators-course-costs-2083-3026255872/, u b’mod partikolari fejn jingħad fl-aħħar paragrafu “When contacted, Kurt Farrugia, chief communications officer at OPM, said that government employees have been attending PAI courses since 2001.”, jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ kull impjegat tal-Gvern li attenda PAI courses, inkluż id-dettalji ta’ x’kariga jkopru jew kienu jkopru fis-Servizz Pubbliku, u liema korsijiet attendew u d-data meta attendew mill-2001 sal-lum?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5469

Akkademja tal-Pulizija – taħriġ tal-membri tal-korp

Question

B’referenza għall-message report GHQ/HR//267/2013 tal-24 ta’ April 2013, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn twaqqaf it-taħriġ fl-Akkademja tal-Pulizija għall-membri kollha tal-Korp mill-1 ta’ Mejju 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat fi tweġiba għal-mistoqsija parlamentari numru 2212/13, it-taħriġ magħruf bħala in-service training lill-membri tal-Korp tal-Pulizija fl-Akkademja tal-Pulizija, ġie sospiż minħabba li t-taħriġ f’din l-akkademja ma kienx qed jagħti riżultati mixtieqa. L-erserċizzju ta’ ristrutturar fl-Akkedmja tal-Pulizija għadu għaddej u anke’ ser jinħatar Direttur ta’ l-Istudji kif jipprovdi l-Att dwar il-Pulizija, li ser ikun responsabbli għat-twaqqif tal-korsijiet u kurrikula tal-Akkademja.

Akkademja tal-Pulizija — Rapid Intervention Unit – taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala huma biss membri tar-Rapid Intervention Unit tal-Pulizija li qed jagħmlu taħriġ (u taħriġ fiżiku biss u mhux class training) fl-Akkademja tal-Pulizija kontra dak li kien isir qabel Marzu 2013 meta kull membru tal-Korp kellu taħriġ fl-Akkademja medja ta’ darbtejn fix-xahar, sew fiżiku u sew fil-klassi?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-Rapid Intervention Unit tal-Puilizia qed jagħmlu it-taħriġ imsemmi speċifikament għal skopijiet tal-xogħol li huma responsabbli għalih fit-taqsima tagħhom u dan mhux taħrig relatat mal-Akkademja. Kif ġa kelli l-okkazzjoni nispjega fi tweġibiet preċedenti, l-in service training lill-membri tal-Korp tal-Pulizija fl-Akkademja tal-Pulizija, huwa sospiż minħabba li t-taħriġ f’din l-akkademja ma kienx qed jagħti riżultati mixtieqa. Nerġa nfakkar lil-Onorevoli Interpellant illi l’eżerċizzju ta’ ristrutturar fl-Akkedmja tal-Pulizija, għadu għaddej u li ser jinħatar Direttur ta’ l-Istudji li ser ikun responsabbli għat-twaqqif tal-korsijiet u kurrikula tal-Akkademja.

Liċenzja għat-tagħlim tas-sewqan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kellha jew għandha liċenzja biex tgħallem s-sewqan (driving schools) mill-2007 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

AFM – lanċa f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jerġa’ jkun hemm lanċa tal-Forzi Armati ta’ Malta stazzjonata fil-port tal-Imġarr f’Għawdex u dan peress li issa fl-aħħar xhur wara aktar minn sena l-AFM m’għadx għandha lanċa f’Għawdex biex tissorvelja l-kosta ta’ Għawdex u tat-Tramuntana ta’ Malta? Jaf il-Ministru li din il-lanċa meta kienet stazzjonata Għawdex kienet involuta f’diversi għajnuniet li ngħataw lil min kien f’diffikultà fl-ibħra madwar Għawdex, Kemmuna u fit-Tramuntana ta’ Malta?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm żewġ lanec tal-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) stazzjonati b’mod permanenti l-Imgarr, Għawdex. Dawn huma il-lanċa ta’ sorveljanza kostali P06, u il-lanca ta’ tiftix u salvatagg Melita 2. Sas-17 ta’ Marzu 2014 dawn il-laneċ parteċipaw f’erba’ missjonijiet ta’ assistenza, erba’ missjonijiet ta’ enfurzar tal-ligi fuq il-baħar kif ukoll bosta operazzjonijiet oħra tal-Forzi Armati ta’ Malta. Dawn il-missjonijiet seħħew mhux biss madwar il-gzira Għawdxija iżda ukoll f’żoni tal-kosta ta’ madwar Kemmuna u t-Tramuntana ta’ Malta.

Korp tal-Pulizija — transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-esiġenza tas-servizz li wasslet biex il-pulizija li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament ġew trasferiti mill-ALE lejn l-Għassa tal-Belt?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn xi nżid ħlief li l-eżiġenzi tas-servizz jiddettaw li kollox isir fl-aħjar interess tal-Korp tal-Pulizija li wara ħafna snin ta’ demoralizazzjoni qed jerġa’ jieħu r-ruħ.
Leg 12 PQ #5355 Sitting 145 2014-05-06 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Belt Valletta – sospensjoni ta’ skema dwar krijiet kummerċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta se titneħħa s-sospensjoni li d-Dipartiment tal-Artijiet impona f’April 2013 fuq l-iskema li kienet infetħet f’Jannar li għadda sabiex kirjiet kummerċjali tal-Belt Valletta li huma bis-sitt xhur sitt xhur jingħataw kirjiet ta’ 45 sena?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kuntrarjament għal li qiegħed jgħid l-Iskema dwar il-Ħwienet fil-Belt Valletta li qed jagħmel referenza għaliha, qatt ma ġiet sospiża.

Kuntratti ta’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-operat tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minn Marzu 2013 sal-lum, b’mod partikolari l-istat finanzjarju tagħha, x’kuntratti għandha, mingħand min tixtri l-materjal li mbagħad jiġi mibjugħ fis-suq Malti jew jiġi transhipped, kemm ilhom fis-seħħ dawn il-kuntratti, xi proċeduri u kontrolli jiġu adottati għax-xiri u l-bejgħ, speċifikament – iżda mhux biss – jekk il-kuntratti jingħatawx sejħiet għall-offerti/quotations, kif jiġu determinati l-prezzijiet u minn min u jekk isirx due diligence bir-reqqa fuq il-kumpaniji barranin li jsir ix-xiri mingħandhom? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din il-kumpanija tiġi privatizzata?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija msemmija toffri servizz ta’ ħażna ta’qmugħ u ma tixtrix prodotti hi. Nixtieq inżid ukoll li l-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interpellant hija ta’ natura sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.

Transport Malta – rwol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid x’tibdil kien hemm fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu mid-9 ta’ Marzu sal-lum? Jista’ jgħid għala dan l-individwu jieħu interess partikolari fl-operat ta’ ċerti operaturi speċifiċi tat-trasport (kemm li jaħdmu fit-trasport tal-art u kemm fil-baħar), b’mod partikolari billi jaqbeż liċ-Chief Officer tal-Enforcement Directorate u jagħti struzzjonijiet diretti lill-enforcement officers biex jieħdu azzjoni kontra wħud minn dawn l-operaturi iżda mhux kontra oħrajn?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 7588 u 8546 rigward ir-rwol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-impjegat li id-dettalji tiegħu ingħataw separatament. Ninfurmah ukoll li mhux minnu li dan l-impjegat jieħu interess partikolari fl-operat ta’ ċerti operaturi speċifiċi tat-trasport u jagħti struzzjonijiet diretti lill-enforcement officers.

Lotterija Nazzjonali – Liċenzja tal-Maltco

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt u liċenzja li l-Maltco għandha sabiex tħaddem il-Lotterija Nazzjonali?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interepllant hija ta’ natura kunfidenzjali. L-obbligu ta` kunfidenzjalita` toħroġ minn artiklu 20 tal-Att dwar il-Lotteriji u Logħob Ieħor u wkoll mill-liċenzja nnifisha. Għalhekk, din l-informazzjoni ma tistax tingħata.
Leg 12 PQ #5198 Sitting 144 2014-05-05 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konsulenti Finanzjarji Barranin

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti spjegazzjoni għalfejn meta jsiru talbiet minn kumpaniji barranin li juru interess biex jinvestu f’Malta, xi individwi mill-uffiċċju tiegħu f’Kastilja jidderiġu dawn it-talbiet unikament lil wieħed jew it-tnejn minn żewġ ditti ta’ konsulenti finanzjarji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-allegazzjoni li qed jagħmel l-Onor. Interpellant hija għal kollox żbaljata.

Akkademja tal-Pulizija – kmandant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Kmandant tal-Akkademja tal-Pulizija fil-preżent?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kmandant tal-Akkademja tal-Pulizija fil-preżent huwa l-ex Deputat Kummissarju Joseph Cachia, li ilu f’din il-kariga sa min Jannar 2014.
Leg 12 PQ #5200 Sitting 144 2014-05-05 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Santa Luċija — Ġnien is-Serenità - Tisbiħ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-data ta’ meta kien iffirmat il-ftehim jew protokoll mal-Gvern Ċiniż fil-Leġiżlatura preċedenti li permezz tiegħu l-Gvern Ċiniż intrabat li jagħmel xogħol ta’ tisbiħ sostanzjali fil-Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija? X’inhu l-valur tax-xogħol li għandu jsir?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt mal-Gvern Ċiniż kien iffirmat fis-16 ta’ Novembru, 2012. Il-valur tax-xogħol li għandu jsir fil-Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija , hu ta’ 35 miljun RMB (Renminbi Ċiniż), ekwivalenti għal madwar €4.17 miljun. Dawn l-ispejjeż qed jiġu koperti mill-Gvern Ċiniż.

Arriva – rapport dwar bendy buses

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sarlu mill-istess esperti mqabbda minnu u li kienu l-istess esperti li tqabbdu mill-Maġistrat Inkwirenti biex jirrelataw dwar il-ħruq tal-bendy buses tal-Arriva?

Response (MIZZI, JOE)

Ma nistax nifhem għalfejn l-Onor. Interpellant qed juża il-ħin tal-Parlament biex jagħmel mistoqsijiet li diġa ġew imweġbin għal darba, darbtejn, tlieta u ħafna iżjed minn hekk, dwar l-istess suġġett. Bħal ma ntqal fi tweġibiet preċedenti dwar l-istess talba li qed jagħmel l-Onor. Interpellant, dan ir-rapport ma jistax jiġi ppubblikat minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Però infakkar li il-midja ġew mistednin l-uffiċċju tiegħi u raw b’għajnejhom ir-rapport kollu u rrapportaw minnu.

Arriva – esperti mqabbda jirrappurtaw dwar il-bendy buses

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-esperti li huwa qabbad biex jirrelatawlu dwar il-ħruq fil-bendy buses tal-Arriva huma l-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wieħed mill-persuni li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament, kien wieħed mit-tliet persuni li tqabbdu biex iħejju rapport ta’ inkjesta dwar il-ħruq fuq il-bendy buses tal-Arriva f’Awwissu li għadda.

Arriva – esperti mqabbda jirrappurtaw dwar il-bendy buses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala qabbad bħala esperti biex jirrelatawlu dwar il-ħruq tal-bendy buses tal-Arriva lill-istess esperti mqabbdin mill-Maġistrat Inkwirenti li qed imexxi l-inkjesta maġisterjali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li jien m’għandi ebda ġurisdizzjoni fuq min tagħżel il-Qorti bħala esperti, ninsab ċert li dawn il-persuni huma kollha esperti fin-natura tax-xogħol tagħhom u m’għandhom ebda interess ulterjuri u għalhekk, m’għandu jkun hemm ebda diffikulta jekk jitqabbdu jagħmlu xogħol ieħor minbarra dak rikjest mill-Qorti.

Sehem tal-Gvern f’kumpanija f’likwidazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed isegwi l-operat tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li fiha l-Gvern għandu sehem, u jgħid x’inhi s-sitwazzjoni finanzjarja kurrenti ta’ din il-kumpanija, fejn wasal il-proċess ta’ likwidazzjoni u x’se jsir mill-ishma li għandha l-kumpanija fil-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u kull interess ieħor li jista’ jkollha fl-istess kumpanija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Il-kumpanija li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qiegħda fi stat ta’ likwidazzjoni u bħalissa għadu għaddej il-proċess.
Leg 12 PQ #5090 Sitting 143 2014-04-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Pariri legali fuq sospensjoni ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk intalabx parir legali qabel ma saret is-sospensjoni tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jekk iva, minn min?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5082.