L-Imtaħleb – qbiela ta’ għelieqi — Bini tas-Sezzjoni Yours
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk it-Taqsima Proprjetà tal-Gvern itterminatx jew se jkollha tittermina l-qbiela tal-għelieqi fl-Imtaħleb biex tkun tista’ tinbena l-YOURS mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jekk saret terminazzjoni, jista’ jindika l-avviż ta’ terminazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern m’għandu l-ebda talba uffiċjali dwar terminazzjoni ta’ qbiela ta’ għelieqi fl-Imtaħleb biex tinbena l-YOURS.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-kważi żewġ miljun sigarett tal-kuntrabandu li nstabu fi truck ġewwa l-Qala, Għawdex fl-14 ta' April 2013, jew xi jiem viċin dik id-data?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 2903.
Malta Freeport Corporation – kunflitt ta’ interess
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2982 u jgħid jekk jaħsibx li l-fatt li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ġie maħtur direttur tal-Malta Freeport Corporation li hija l-entità regolatorja tal-attività li sseħħ ġewwa l-Port Ħieles, jistax joħloq kunflitt ta’ interess peress li l-individwu sa ftit taż-żmien ilu, kien konsulent tal-Malta Freeport Terminals Limited, li hija operatur tal-Port Ħieles, kif ukoll ta’ kuntrattur ewlieni li jaħdem ġewwa l-Port Ħieles f’xogħol marbut mal-port? Jista’ jgħid ukoll għalfejn l-istess individwu, minkejja li sa fejn ġie ppublikat, inħatar bħala direttur tal-bord u allura mhux f’pożizzjoni eżekuttiva, qiegħed jitlob għal u jara files personali tal-istaff tal-Malta Freeport Corporation?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema huma l-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta li rriżenjaw mill-AFM fl-2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? X’kien ir-rank li kienu jokkupaw?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal darba oħra reġa ġie nfurmat ħażin. Ma kien hemm ebda uffiċjali li offrew rriżenja tagħhom mill-Forzi Armati ta ' Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Logutenent Kurunell għandha l-Forzi Armati ta’ Malta fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza? Kemm kien hemm fl-1 ta’ Jannar 2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Forzi Armati ta’ Malta għandha sbatax Logutenent Kurunell, l-istess ammont li kellha fl-1 ta’ Jannar 2013.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Kurunell għandha l-Forzi Armati ta’ Malta fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza? Kemm kien hemm fl-1 ta’ Jannar 2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Forzi Armati ta’ Malta għandha disa Kurunelli filwaqt li fl-1 ta’ Jannar 2013, Il-Forzi Armati ta’ Malta kellha ħames Kurunelli.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema staff training college kienu attendew u ggradwaw il-Brigadieri kollha wieħed wieħed, li kellha l-Forzi Armati ta’ Malta, fil-jum li fih ħadu l-kariga ta’ Kap Kmandant tal-AFM, u dan mill-jum li fih Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea fl-2004 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-jum li fih Malta saret membru tal-Unjoni Ewropeja fl-2004 sa’ llum, il-Forzi Armati ta’ Malta kellha tlett Brigadieri. Dawn kienu l-Brigadier Carmel Vassallo, il-Brigadier Martin G Xuereb u l-Brigadier Jeffrey Curmi. Filwaqt li fil-jum li fih ħadu l-kariga bħala Kap Kmandant l-ewwel tnejn kienu ggradwaw mir-Royal College of Defence Studies gewwa Londra, il-Brigadier Curmi, minkejja li għamel diversi applikazzjonijiet biex isegwi l-istess kors, dawn l-applikazzjonijiet taħt aministrazzjoni preċedenti, dejjem kienu miċħuda. Minkejja dan il-Brigadier Curmi segwa b’suċess numru kbir ta’ korsijiet inkluż fir-Royal Military Academy f’Sandhurst fejn ingħata l-ogħla unur li hu l-Cane of Honour.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-general order li ħareġ fil-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar jiem ta' Novembru 2013 biex jingħataw transfer numru ta' fizzjali?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6586.
Jista' l-Ministru jgħid liema hi d-data finali ta' servizz wara terminal leave eċċ. tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament rtira mill-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta b’effett mill-15 ta’ Novembru 2013 wara li serva iktar minn sitta u għoxrin sena servizz. Dan ġie offrut kariga fis-Servizz Pubbliku li ma aċċettax u rriżenja mis-Servizz Pubbliku b’efett mill-20 ta’ Frar 2014.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2903, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-każ ta’ kuntrabandu ta’ sigaretti imsemmi hemm humiex konklużi?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà elenkajt f’risposti oħra, l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ imsemmi għadha mhux konkluża.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija rrilaxatx jew le l-vettura (truck) li fil-jiem viċin l-14 ta’ April 2013 instabet f’Għawdex mimlija sigaretti tal-kuntrabandu u li għaliha saret referenza fil-mistoqsija parlamentari 2903? Jekk ġie rilaxxat, jista’ jagħti d-data tar-rilaxx?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà rrispondejt mistoqsija parlamentari 6762, l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ imsemmi għadha mhux konkluża. Rigward il-vettura relatata mal-każ, il-vettura ghadha fil-kustodju tal pulizija
Jista' l-Ministru jgħid għala ma ssejħitx inkjesta maġisterjali fuq is-sejba konsiderevoli ta' sigaretti tal-kuntrabandu fl-14 ta' April 2013, jew xi jiem viċin din id-data, ġewwa l-Qala, Għawdex?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà rrispondejt mistoqsijiet oħrajn l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ imsemmi għadha mhux konkluża. Dwar il-każ riferut ninsab infurmat illi ma saritx inkjesta maġisterjali, dan għaliex inkjesta issir meta reat ikun iġorr piena ta’ aktar min tlett snin priġunerija skond il-provedimenti tal Artiklu 546 tal Kap 9. F'dan il-każ il-piena karċerarja hija ta' massimu ta' sentejn.
Jista’ l-Ministru jagħti d-dati meta ġew ingaġġati pulizija ta’ riżerva fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar 25 sena?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi li tipprovdi dwar l-ingaġġ ta' Kuntistabbli ta' Riserva fis sena 2002, ġew ingaġġati mija u tnax (112) il-persuna. Dawn ġew ingaġġagati hekk:
· Fix-xahar ta’ Novembru 2005 kienu ġew ingaġġati disa’ (9) Kuntistabbli ta’ Riserva fuq bażi ta’ ftit ġranet minħabba xoghol konness mal-laqgha tac-CHOGM fl-istess sena.
· Fis sena 2011 kien ingaġġat Kuntistabbli tar-Riżerva wieħed (1).
· Fis-sena 2013 ġie ngaġġat Kuntistabbli tar-Riżerva wieħed (1), u
· Fis-sena 2014 ġew ingaggati mija u wieħed (101) Kuntistabbli tar-Riżerva.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkunu ingaġġati pulizija ta’ riżerva?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm approvazzjoni, kemm mill-Public Administration Human Resources Office (PAHRO) u mill-Ministeru tal-Finanzi għal mija u ħamsin (150) kuntistabbli ta’ riserva.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-Kummissarju tal-Pulizija personalment qed iċempel u jibgħat għal uħud biex jidħlu pulizija ta’ riżerva? Fuq liema bażi qed isir tali kuntatt?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Din l-informazzjoni hi skoretta. It-telefonati, dejjem meta jkun hemm bżonn, isiru mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani sabiex tingħata informazzjoni fuq il-proċess u f’liema stadju waslet l-applikazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ġiet ipprattikata l-meritokrazija fit-transfer li fl-aħħar jiem ta' Novembru 2013 ingħata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament fl-Armata fejn mis-Sezzjoni tal-Informatika intbagħat fid-Detention Services? Kif se jipprattika l-kwalifiki li għandu fl-informatika u li ġab minn Università Ingliża fid-detention services? Il-Ministru hu komdu u seren b'din il-vendikazzjoni?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lilll-Onor. Interpellant li l-ebda transfer fl-Armata ma jsir b’vendikazzjoni, imma skont l-esigenzi tas-servizz, inkluz it-transfer tal-imsemmi Uffiċjal. Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-istess domanda kienet mwieġba minn diversi drabi f’mistoqsijiet supplimentari li staqsa hu stess.
Jista' l-Ministru jispjega kif ġiet ipprattikata l-meritokrazija fit-transfer mogħti lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament fl-aħħar jiem ta' Novembru 2013 fejn wara li mexxa l-operazzjoni tal-Armata barra l-kosta tas-Somalja u kien inkarigat u kkwalifikat f'land-based operations, intbagħat fis-Sezzjoni tal-Finanzi tal-Armata? Il-Ministru hu komdu u seren b'din il-vendikazzjoni?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda transfer fl-Armata ma jsir b’vendikazzjoni, imma skont l-esigenzi tas-servizz, inkluż it-transfer tal-imsemmi Uffiċjal.
B'referenza għall-aħbar li kien hemm fil-ħarġa ta’ Il-Mument tal-1 ta’ Diċembru 2013 li l-Kummissarju tal-Pulizija intervjena biex is-Sindku ta' Ħal Qormi tqabbeż il-kju għall-vapur ta' Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan hux l-istandard ġdid u għoli li l-poplu għandu jistenna mit-tmexxija tal-Korp?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn xi nżied mat-tweġibiet li ġew mogħtija l-ġimgħa l-oħra, għal-mistoqsijiet parlamentari 6557 u 6558.