Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — vetturi
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamentari, jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġietx mikrija jew leased l-ebda vettua mil-kumpanija konċernata fil-perjodu msemmi.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma ġewx leased jew mikrija karozzi mingħand il-kumpanija msemmija, mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.
Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamentari, jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu msemmi, inkrew tlett karozzi mingħand il-kumpanija msemmija, minn naħa tal-Ministru għat-Turiżmu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.
Dawn il-kirjiet saru skont il-proċeduri finanzjarji tas-servizz pubbliku.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — vetturi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 643 magħmula minnu stess.
Inżid li l-kuntratt mal-kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament minnu, sar fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti li huwa kien jaghmel parti minnha, ftit ġimgħat qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, u l-Ministeru tiegħi huwa marbut bih għal numru ta’ snin.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Enemalta u l-WSC għandhom vetturi mikrija mingħand il-kumpanija msemmija, liema vetturi ilhom mikrija minn qabel id-data msemmija, ċioe’ bdew jinkrew taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – xogħlijiet fuq l-Uffiċċju tal-Aġent Direttur
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3420 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-quotes li ntalbu għax-xogħol kollu li qed isir fl-Uffiċċju tal-Aġent Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin inkluż tal-madum?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ir-risposta għada qed tinġabar minħabba li kemm il-persuna nkarigata mill-ġbir ta’ quotes kif ukoll il-persuna li kienet Aġent Direttur, illum il-ġurnata jaħdmu f’postijiet oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3377, jista’ l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kien hemm Pulizija preżenti u/jew jaħdmu fl-ikla tal-Palazz tal-Girgenti tal-Ħamis, 27 ta' Ġunju 2013 li fiha l-Pulizija sajru u kienu chefs u/jew waiters, inkluż dawk li kienu bhala Banda tal-Pulizija?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 7575, li saret għal diversi drabi minnu stess.
B’referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 3413, jista’ l-Ministru jispjega r-raġuni li avverat ruħha wara d-9 ta’ Marzu 2013 u li tat lok biex ikun hemm il-ħtieġa li jkun hemm tmien suldati mill-Forzi Armati ta’ Malta li jkunu stazzjonati mal-Ministeri bħalissa, waqt li ma kien hemm l-ebda suldat stazzjonat qabel id-9 ta’ Marzu 2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni ttieħdet sabiex jitjieb il-livell ta’ sigurtà.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3414, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-ħtieġa li jkollu żewg suldati tal-AFM stazzjonati fil-Ministeru tiegħu u jekk dan kienx il-każ ukoll qabel Marzu 2013 mal-Ministeru tal-Intern ta’ dak iż-żmien?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba raġunijiet ta' sigurta, l-Ministeru ħass il-bżonn li żewġ suldati tal-Forzi Armati ta' Malta jkunu stazzjonati mal-Ministeru. Qabel ma kienx hemm suldati stazzjonati.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3347, għaliex l-informazzjoni kienet skorretta meta d-domanda kienet dwar trasferiment ta’ impjegati Għawdxin mid-Detention Services għal mat-taqsima f’Għawdex tas-Civil Protection Department u meta fil-fatt kien hemm mill-inqas żewġ impjegati Għawdxin li għaddew mid-Detention Services għal mat-taqsima Għawdxija tas-Civil Protection Department bejn Ġunju u Lulju 2013? Jekk il-Ministru ma ġiex infurmat bl-ismijiet tagħhom nista’ faċilment ngħaddihomlu.
Response (MALLIA, EMANUEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għad-domanda parlamentari 3347 li saret minnu stess, fejn hu qal li kien hemm ħames transfers u mhux tnejn, għalhekk it-tweġiba li kienet ingħatat kienet koretta.
Civil Protection Department – impjegati trasferiti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm, meta u minn liema entitajiet (inkluż l-Uffiċċju tal-Karti tal-Identità, l-Awtorità tad-Djar, u d-Detention Services) ġew trasferiti ħaddiema lejn is-Civil Protection Department wara Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-uffiċjali li ġew ttrasferiti minn entitajiet oħra lejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili minn wara Marzu 2013, kienu kif jidru hawn taħt
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-investigation report li suppost hemm jakkumpanja il-qabda ta’ kważi żewġ miljun sigarett bil-kuntrabandu li nqabdu mill-Pulizija fil-Qala, Għawdex fl-14 ta’ April 2013 u liema qabda għaddiet għand id-Dwana f’dawn l-aħħar ġimgħat?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-investigation report għadu ma wasalx għand id-Dwana.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm reati rrappurtati fis-sena 2012 u fis-sena 2011 u f’liema lokalitajiet twettqu dawn ir-reati? X’tip ta’ reati twettqu f’kull lokalità?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor, Interpellant li n-numru globali ta’ reati kriminali li ġew rapportati lill-pulizija fis-snin 2011 u 2012, f’għases madwar Malta u Għawdex u li ġew reġistrati fis-sistema kompjuterizzata komuni magħrufa bħala PIRS (Police Incident Reporting System), huwa kif gej.
Sena 2011 – 14,244 reat kriminali rapportat
Sena 2012 – 15,623 reat kriminali rapportat
Informazzjoni aktar dettaljata, skond il- lokalita’ u t-tip ta’ reati rrapportat tinsab mat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Forzi Armati ta’ Malta – xogħlijiet ħdejn il-heliport t’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol għamlu l-Forzi Armati ta’ Malta fuq talba tal-Ministru għal Għawdex fl-għelieqi ħdejn il-heliport f’Għawdex f’dawn l-aħħar ġimgħat?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li membri tal-Forzi Armati ta' Malta qed inaddfu iż-żona minn terrapien tal-kostruzzjoni, imbarazz u materjal ieħor li twaddab bla kontroll fi snin preċedenti fl-inħawi ta' Santa Cecilja, Għawdex. Dan minbarra li jiswa biex titnaddaf u titwitta din iż-żona, qed iservi ukoll bħala taħriġ għall-membri tal-Forzi Armati ta' Malta fuq l-inġenji l-kbar. Filwaqt li dan it-tip ta' xogħol fil-passat sar bosta drabi ġewwa Malta, din hija l-ewwel darba li qed jipparteċipaw fi progett għal Għawdex.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3373 dwar il-ħlas li sar lill-Pulizija li servew ta’ waiters fl-ikla tal-Girgenti tas-27 ta’ Ġunju 2013, jista’ l-Ministru jgħid f’liema data sar il-ħlas?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpallant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 7099 li saret minnu stess.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il membru tal-Pulizija kien xogħol għall-ikla fil-Girgenti tas-27 ta’ Ġunju 2013, kemm bħala catering services (bħal chefs u waiters) u kemm bħala banda tal-Pulizija?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b'kollox kien hemm hamsa u erbghin (45) membru tal-Korp tal-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il membru se jkun hemm jew hemm bħala SWAT fir-Rapid Intervention Unit?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed issir taħriġ ta’ SWAT fir-Rapid Intervention Unit. Ġaladarba dan it-taħriġ jitlesta, 50 membru fir-Rapid Intervention Unit se jkollhom taħriġ speċjalizzat ta’ l-iSWAT. Dan it-taħriġ ikompli jinfirex mar-Rapid Intervention Unit skont l-eżiġenzi tas-servizz.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm intefqu s’issa f’ikliet, festini, riċevimenti u simili, formali u informali, uffiċjali u le, f’Villa Francia minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Mingħand min ġie ordnat l-ikel u s-servizzi anċillari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Fil-perijodu indikat mill-Onor Interpellant kien hemm 11-il okkazjoni fejn saru riċevimenti f’Villa Francia bi spiża medja ta’ €1,464 għal kull riċeviment.
Numru minn dawn ir-riċevimenti kienu jiġu organizzati f’okkazjonijiet partikolari anki mill-amministrazzjoni preċedenti f’Villa Francia bħal fl-okkazjoni tal-Fiera Internazzjonali ta’ Malta u fl-okkazjoni tal-festa ta’ Ħal Lija.
Riċeviment ieħor sar bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat ta’ koordinament dwar materji relatati mal-Unjoni Ewropea u ieħor sar fi żmien tal-festi tal-Milied.
Fil-każ ta’ 7 riċevimenti għas-soċjetà civili u għaqdiet mhux governattivi, l-ispiża medja kienet ta’ inqas minn €300.
L-ikel għal dawn ir-riċevimenti kien ordnat mingħand 5 kumpaniji differenti.
F’kull każ ġew segwiti r-regoli finanzjarji tas-servizz pubbliku.