Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lotteries and Gaming Authority – terminazzjoni ta’ impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema impjegati ġie tterminat il-kuntratt ta’ impjieg tagħhom (kemm b’mod volontarju u kemm b’mod impost) fil-Lotteries and Gaming Authority minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ għal kull każ jagħti r-raġuni għal dawn it-terminazzjonijiet? Jista’ jgħid jekk tħallsux xi termination payments u kemm kien l-ammont?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li b’kollox kien hemm tlett riżenji u terminazzjoni. Fil-każ tar-riżenji, kien hemm qbil bejn il-partijiet konċernati li l-ftehim (bejn l-individwu konċernat u l-Awtorità) jibqa’ kunfidenzjali u għalhekk l-informazzjoni rikjesta ma tistax tingħata. Fil-każ tat-terminazzjoni u peress li hemm proċeduri miftuħa mat-tribunal industrijali rigward dan il-każ bejn l-Awtorità u l-persuna konċernata, l-informazzjoni ma tistax tingħata għal raġunijiet legali.

Studju dwar l-iskali tal-Pulizija

Question

B’referenza għall-artiklu fis-Sunday Times tad-9 ta’ Frar 2014 intitolat “Malta has more top brass Police than Britain’s Met”, u fejn iċ-chief of staff tiegħu hu kkwotat jgħid, “the restructuring was the result of a study which showed how to fight modern crime effectively.”, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tali studju u jgħid min għamel dan l-istudju? Meta sar dan l-istudju?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-deċiżjoni ttieħdet wara konsultazzjoni vasta ma’ diversi oqsma fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u esperti oħrajn.

Bord tal-Għażla – Detention Services Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kien magħmul il-Bord tal-Għażla sabiex ġew jew se jiġu ingaġġati numru ta’ detention services officers fil-ġranet li ġejjin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Għażla kien magħmul mis-Joseph St John (Chairperson), is-sur James Pearsall (Membru) u s-sur Eric Saliba (Membru).

Detention Services Officers – ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il detention services officer ġew ingaġġati jew se jiġu ingaġġati fil-jiem li ġejjin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ntgħażlu 40 applikant u 39 minnhom ġew imsejjħa biex jibdew l-ingaġġ fit-3 ta Marzu 2014. Tnejn minn dawn irrifjutaw l-ingaġġ u saret talba mal-PSC biex il-post tagħhom jimtela minn oħrajn skond l-Order of Merit ippubblikata.
Leg 12 PQ #8227 Sitting 172 2014-07-07 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Analiżi fuq it-trab iswed

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3955 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti lista sħiħa tal-inizjattivi meħuda mill-Gvern mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum sabiex janalizza l-problema tat-trab iswed fl-arja, l-aktar fin-naħa t'isfel ta' Malta u jieħu miżuri biex jipprevjeni dan it-trab iswed? Jista' jindika s-sors ta' dan it-trab?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

S'issa Il-MEPA ma għanda l-ebda informazzjoni li reġa kien hemm xi episodji ta' ddepożitar ta' trab iswed fuq in-naħa t'isfel ta' Malta. Tajjeb li wieħed jgħid li din il-problema partikolari ma għandiex x'taqsam ma' trab li ikun fl-arja minħabba il-fatt li t-trab iswed li jiddepożita huwa ferm akbar minn dak li jinġarr fl-arja u għalhekk ma hemm bżonn ta' ebda analiżi tal-arja għaliex wiehed jinduna li hemm il-problema meta dan it-trab jerġa jibda jinstab fuq ir-residenzi tal-madwar. Rigward is-sors, għall-MEPA din il-kwistjoni ngħalqet bl-ippublikar tar-rapport mill-Professur Alfred Vella u li jinsab fuq is-sit elettroniku tal-MEPA http://www.mepa.org.mt/file.aspx?f=6794 u li kkonkluda li l-impjant tal-Marsa kien responsabbli għall-dawn l-episodji. Ġaladarba dan l-impjant jagħlaq,il-probabbiltà hija li din il-problema tispiċċa.

Kummissarju tal-Pulizija – żjara fl-Italja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni taż-żjara fuq xogħol fl-Italja li l-Kummissarju tal-Pulizija għamel nhar il-Ħadd, 2 ta’ Marzu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux il-prassi li tingħata nformazzjoni dwar żjarat ta’ din ix-xorta minħabba raġunijiet ta' sigurtà.

Kummissarju tal-Pulizija – żjara fl-Italja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li ż-żjara fuq xogħol fl-Italja li l-Kummissarju tal-Pulizija għamel nhar il-Ħadd, 2 ta’ Marzu saret permezz ta’ jet privat?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Niforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn xi nżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari 8275.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perijodu msemmi inkrew 9 karozzi mingħand il-kumpanija msemmija. Dawn il-kirjiet saru kollha skont il-proċeduri finanzjari tas-servizz pubbliku.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamenti, jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nkrew 2 vetturi mingħand il-Kumpanija msemmija, min-naħa tal-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dawn il-kirjiet saru skont il-proċeduri finanzjarji tas-servizz pubbliku.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — vetturi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru tagħha minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u tindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, tgħid għaliex le?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sal-lum il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-entitajiet li jaqgħu taħtu krew dawn il-vetturi li ġejjin skont il-proċeduri finanzjarji tal-Gvern mingħand il-kumpanija msemmija: MCCAA: karozza waħda għal erbat ijiem Awtorità għal Mediċini: 96 karozza. Dawn il-karozzi nkrew għal perjodi qosra ta’ ġranet matul dawn is-sittax-il xahar li għaddew biex ikunu jistgħu jsiru l-ispezzjonijiet mill-uffiċċjali tal-Awtorità Ministeru għad-Djalolgu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili: żewġ karozzi, waħda minnhom għal perijodu ta’ ħames t’ijiem u l-oħra għal 51 xahar.

Mosta — qtil ta' qtates

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għala l-Pulizija sal-lum għadhom ma ppubblikawx il-footage kollu mis-CCTV cameras kollha involuti li jistgħu jitfgħu dawl fuq min qed iwettaq il-qtil brutali tal-qtates u klieb fil-Mosta, peress li sal-lum, 17 ta' Frar 2014, l-impressjoni li qed tingħata hija (kif anke qalet is-Sindku tal-Mosta) li huma l-Pulizija li ma jridux li jixxandru l-filmati?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pulizija kienet ippublikat il-filmat relatat, l-inċident tat-3 ta' Frar 2014, fejn kienu iddendlu kelb u qattus mal-knisja tal-Mosta. Inżid li wara dan l-inċident u kif kien ġara wara kull inċident simili, l-investigazzjonijiet komplew sakemm il każ kien solvut. Filfatt nhar il-Ħamis, 20 ta' Marzu 2014 il-Pulizija resqet persuna l-Qorti fejn ġiet mixlija b'diversi akkużi relatati mal-inċident. Sal-lum il-każ għadu sub-judice.

Kodiċi Kriminali — Definizzjoni tat-terminu "ġenn"

Question

Jista’ l-Ministru jikkonsidra li tiġi mwaqqfa kummissjoni ta’ esperti legali u psikjatriċi sabiex dak li jgħid il-Kodiċi Kriminali dwar id-definizzjoni ta’ x’inhu stat ta’ ġenn (demenza) ikun aġġornat għal żmenijietna, sabiex jirrifletti l-avvanzi kbar li għamlet il-psikjatrija mill-1854, li hi d-data li magħha għadu marbut il-Kodiċi Kriminali tagħna, tant li ma hemm ebda konsiderazzjoni ta’, per eżempju, diminished responsibility?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ġenn fil-kamp legali huwa differenti mill-ġenn fil-kamp mediku/psikjatriku. Normalment fil-kamp mediku it-tabib jiċċertifika l-istat tal-kapaċità mentali tal-individwu, filwaqt li fil-kamp legali kriminali d-deċiżjonijiet li jittieħdu huma dwar l-intenzjoni u l-abiltà tal-individwu dak li jgħidulu l-liberu arbitru, meta tieħu konjizzjoni tal-istat tal-kapaċita’ mentali. Reviżjoni tħalli impatt fuq il-Kodiċi Kriminali u numru ta’ liġijiet oħra. Il-Gvern hu dejjem dispost li jistudja modi kif is-sistema legali tagħna taġġorna ruħha maż-żminijiet.
Leg 12 PQ #8016 Sitting 171 2014-07-02 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Qbid ta’ sigaretti ta’ kuntrabandu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sigaretti ta’ kuntrabandu nqabdu mid-Dwana, qabda qabda bejn l-2008 u l-2013?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perijodu msemmi, inkrew tmien karozzi mingħand il-kumpanija msemmija, minn naħa tal- Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dawn il-kirjiet saru skont il-proċeduri finanzjarji tas-servizz pubbliku.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamentari, jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li matul il-perijodu msemmi, inkrew ħames karozzi mingħand il-kumpanija msemmija, minn naħa tal-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħti. Dawn il-kirjiet saru skont il-proċeduri finanzjarji tas-servizz pubbliku.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamentari, jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli hemm kuntratt fis-seħħ għal numru ta’ 24 vettura mal-kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament minnu, li sar fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti u li huwa kien jagħmel parti minnha. Dan sar ftit ġimgħat qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali u li l-Ministeru tiegħi huwa marbut bih għal numru ta’ snin. Minbarra dawn l-24 vettura, waqt iż-żmien imsemmi fil-Mistoqsija saru sejħiet oħra, skont proċeduri finanzjarji stabbiliti, għall-kiri ta’ 11-il vettura oħra, filwaqt li kuntratt għal vettura oħra ġie estiż sakemm jintemm il-ftehim fuq hire/purchase.
Leg 12 PQ #7751 Sitting 170 2014-07-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perijodu msemmi, inkrew ħames karozzi mingħand il-kumpanija msemmija, minn naħa tal-Ministeru għal Għawdex u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dawn il-kirjiet saru skont il-proċeduri finanzjarji tas-servizz pubbliku.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Vetturi

Question

Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamentari, jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perijodu msemmi, inkrew tlettax-il karozza mingħand il-kumpanija msemmija, min-naħa tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dawn il-kirjiet saru skont il-proċeduri finanzjarji tas-servizz pubbliku.
Leg 12 PQ #7753 Sitting 170 2014-07-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda vettura mikrija jew leased lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru, mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament.
Leg 12 PQ #7742 Sitting 169 2014-06-30 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – vetturi

Question

Jista’ l-Prim Ministru, inkluż is-Segretarji Parlamentari miegħu, jagħtu rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fl-Uffiċċju tiegħu minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li matul il-perjodu msemmi, inkrew hames karozzi mingħand il-kumpanija msemmija, minn naha tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dawn il-kirjiet saru skont il-proċeduri finanzjarji tas-servizz pubbliku.