Pulizija – Investigazzjoni dwar każ li jikkonċerna l-Kunsill Lokali Ta’ Sannat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħadu fil-konkret il-Pulizija fuq il-każ li kien irrappurtat f'paġna 7 tan-Nazzjon tas-Sibt, 14 ta' Diċembru 2013 u liema każ kien żvelat grazzi għall-ex Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija qed tiġbor l-informazzjoni neċessarja biex tkompli l-investigazzjoni tagħha fuq il-każ in kwistjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u kemm hemm każijiet ta' allegata korruzzjoni li qed jiġu investigati mill-awtoritajiet wara li fl-2013 tneħħiet il-preskrizzjoni f'reati ta' korruzzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni għandha sitt każijiet ta’ allegata korruzzjoni in ġenerali, jiġifieri korruzzjoni taħt l-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.
Dwar investigazzjonijiet oħra magħmula mill-Puluzija, d-domanda trid issir lill-Ministru kkonċernat.
Każijiet ta’ Korruzzjoni – Investigazzjoni mill-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ allegata korruzzjoni qed jiġi investigat mill-Pulizija wara li dan seta' jsir frott l-emenda tal-2013 li neħħiet il-preskrizzjoni f'reati ta' korruzzjoni?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar każijiet ta' korruzzjoni li qegħdin jiġu investigati minn mindu tneħħiet il-preskrizzjoni għall-persuni ċitati fl'Att Nru 4 ta' l-2013, sar rapport wieħed dwar membru ta' kunsill lokali li għadu qed jigi investigat.
Ambaxxata Maltija fiċ-Ċina — Applikazzjonijiet għall-Visa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-visa (Schengen area) saru minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza minn ċittadini Ċiniżi li applikaw tramite l-Ambaxxata Maltija fiċ-Ċina? Kemm minnhom ġew approvati? Kemm, minn dawk li ġew approvati, kien hemm parir, mill-Korp tal-Pulizija jew entitajiet oħra, kontra li tingħata l-visa?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Marzu 2013 sa l-aħħar ta’ Ottubru 2014 kien hemm 3,063 applikazzjoni għall-Visa (Schengen area) minn ċittadini Ċiniżi li applikaw tramite l-Ambaxxata Maltija fiċ-Ċina. Minnhom 2,400 ġew approvati u 52 minnhom kien hemm parir kontra li tingħata l-Visa.
Malta Enterprise/Malta Industrial Parks – xogħlijiet ta’ asfaltar f’żoni industrijali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema żoni industrijali l-Malta Enterprise jew Malta Industrial Parks għamlu xogħol ta’ asfaltar minn Marzu 2013 sal-lum? Kemm kien il-valur tax-xogħlijiet u liema proċedura ntużat biex saru tali xogħlijiet?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport sar fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan bejn Jannar u Settembru 2013 u fl-istess perjodu fl-2014?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Jannar u Settembru tas-sena 2013 saru 5,196 –il rapport u fl-istess perjodu fis-sena 2014 saru 4,930 –il rapport.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-Mobile Police unit/station li għadu kemm tqiegħed fuq il-bankina f'Wied il-Għajn?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-istruttura temporanja li tpoġġiet f’Marsascala sabiex isservi t’Għassa tal-Pulizija għal dik il-lokalità, hija meqjusa bħala żvillup aċċettabli skond l-Avviż Legali 248 tal-2014 u dan skont ‘clearance letter’ maħruġa mill-MEPA.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti n-numru tal-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u d-data tal-ħruġ tiegħu għall-Mobile Police Station li għadu kemm tqiegħed f'Wied il-Għajn?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-MEPA irceviet talba mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija għall-Mobile Police Station f'Wied il-Għajn u nħarget clearance valida għal-4 xhur skond l-Avviz Legal 248 tal-2014.
Enemalta – Mobile Police Station – compliance certificate
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta ġietx fornuta bil-compliance certificate tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tkun tista' tagħti l-provvista tal-elettriku għall-Mobile Police Station li għadu kemm tpoġġa f'Wied il-Għajn? Jekk iva, jista’ jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-post imsemmi għandu servizz temporanju u l-ARMS imxiet skont il-peoċeduri biex jingħata servizz temporanju.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-pulizija li ġew reinstated fil-Korp wara Marzu 2013 hemmx xi wieħed jew waħda li għandhom il-fedina penali mċappsa?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kull min daħal lura mal-Gvern fil-Korp tal-Pulizija għadda minn proċess ta’ kriterji approvati mill-PAHRO liema Dipartiment huwa dak tar-Riżorsi Umani fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru. Għalhekk kull min daħal għadda minn dan l-iskrutinju tal-kriterji u kien sussegwentament jikkwalifika biex jerġa’ jiġi re-instated.
Pulizija — Overtime għal ħidma fil-Festa ta’ San Gejtanu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema data tħallsu tal-overtime l-Pulizija li ħadmu l-festa ta’ San Gejtanu l-Ħamrun ta’ Awwissu 2014?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li l-overtime tal-Pulizija li ħadmu l-festa ta’ San Gejtanu l-Ħamrun f’Awwissu 2014 tħallsu fil-paga ta’ tal-4 ta' Novembru 2014.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titwaqqaf xi entità għall-Forzi Armati ta' Malta, bħal Bord jew simili, bil-għan li jisma' appelli minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li kellhom każ deċiż kontrihom mill-Ombudsman fl-aħħar snin?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kelna ħafna talbiet ta’ din ix-xorta u għalhekk qed nistudjaw bir-reqqa kull possibilità.
Jista' l-Ministru jgħid għala l-Lance Bombardier tal-AFM li jinsab u ilu xhur jinsab fil-pożizzjoni ta' seniority li jmissu hu biex ikun trasferit lejn Għawdex, inqabeż minn diversi oħra, inkluż Gunner, meta ma kienx imisshom huma?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal min qiegħed jirreferi minħabba li hemm bosta kriterji minbarra ta’ seniority biex wieħed jiġi trasferit Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il membru tal-ALE tal-Pulizija li kien fl-ALE fit-8 ta' Marzu 2013 ingħata transfer wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant il-membri tal-ALE bħal membri kollha tal-Korp tal-Pulizija jiċċaqalqu skond dak li jkun jeħtieġ fil-Korp tal-Pulizija sabiex jopera b’mod effiċjenti. Il-Pulizija jiċċaqalqu minn sezzjoni għall-oħra sabiex ikollhom għarfien aħjar tal-istutturi tal-Korp tal-Pulizija. Apparti minn hekk, f’dan il-każ il-maġġoranza tat-transfers ingħataw wara li staqsew għalihom il-membri stess tal-Korp tal-Pulizija.