Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija – xiri ta’ pick up tow truck

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija fl-aħħar xhur xtarax jew akkwistax pick up tow truck u jekk iva, meta, b'liema mod u b'kemm?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Rapport ta’ Bord ta’ Inkjesta

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-Rapport tal-Bord ta’ Inkjesta ppresedut mill-ex Imħallef li ismu qed jingħata separatament, liema inkjesta huwa ordna fis-27 ta’ Ġunju 2014 dwar id-deċiżjoni tal-ex Kummissarju tal-Pulizija li jwaqqaf proċeduri kriminali u li fit-28 ta’ Ġunju 2014 il-Ministeru tiegħu ntrabat li jippubblika?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa korrett li l-Ministeru ddikjara li se jippublika dan ir-rapport. Dan ir-rapport se jiġi publikat fil-ħin opportun.

Korp tal-Pulizija — In Service Refresher Courses

Question

Jista’ l-Ministru jispjega, fid-dawl taċ-ċirkolari maħruġa mill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija (Ref No GHQ/HR/283/2014/MSG) tal-25 ta’ Settembru 2014 dwar In Service Refresher Courses at the Police Academy, kull kemm jew kull meta se jkun imissu jagħmel it-taħriġ kull membru tal-Korp tal-Pulizija peress li l-mira fiha stabbilita hija ta’ medja ta’ 30 membru kuljum bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat li issa l-membri tal-Korp tal-Pulizija qed jingħataw tmien sigħat taħriġ mill-ħin tax-xogħol tagħhom, f’ġurnata meta jkun imisshom first watch. Huma jagħmlu tmien sigħat taħriġ mal-ġurnata bejn is-7.30am u it-3.30pm, kuntrarju għal qabel meta dawn kienu jmorru qabel in-night watch mill-ħin tagħhom. Il-kors kurrenti jikkonsisti f’suġġetti akkademiċi li jinkludu aġġornament fil-liġijiet u ċirkularijiet tal-Pulizija kif ukoll policies. Barra minn hekk, kuljum, grupp ta’ pulizija li jkun mis-second watch, jingħataw taħriġ fuq l-użu tal-armi tan-nar bejn is-1:00pm u l-5:00pm.

Korp tal-Pulizija – In Service Refresher Courses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fid-dawl taċ-ċirkolari maħruġa mill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija (Ref No GHQ/HR/283/2014/MSG) tal-25 ta’ Settembru 2014 dwar In Service Refresher Courses at the Police Academy, kemm qabel id-data tat-taħriġ il-membru tal-Pulizija kkoncernat se jkun jaf meta se jmissu t-taħriġ?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-membri tal-Korp li jkunu se jattendu għal dan it-taħriġ, ikunu jafu bid-data f’dik l-istess ġimgħa

Pulizija tad-Distrett –taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siegħa ta’ taħriġ kull xahar kien jirċievi kull membru tal-Pulizija tad-Distrett, sija taħriġ fiżiku u sija akkademiku, sa Marzu 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmati li sax-xahar ta’ Marzu 2013, kull membru tal-Korp kien jirċievi tmien (8) sigħat taħriġ fix-xahar. Dawn kienu jikkonsistu f’erba’ (4) sigħat taħriġ fiżiku u erba’ (4) sigħat taħriġ akkademiku.

Wied il-Għajn – Għassa tal-Pulizija — Container

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-container li qed iservi ta’ Għassa tal-Pulizija f’Wied il-Għajn u kif ġie akkwistat?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi l’container li qed iservi ta’ Għassa tal-Pulizija f’Wied il-Għajn ġie akkwistat mid-Detention Service. Flimkien ma ħafna oħrajn dan kien inxtara ftit aktar minn ħames snin ilu biex jintuża bħala ‘emergency accommodation’ meta kien għawn influssi kbar ta’ immigranti irregolari. Ma kienx fadallu użu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni għalhekk ġie trasferit għad-Dipartiment tal-Pulizija.

Wied il-Għajn – Spettur tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhemmx Spettur tal-Pulizija di sentu f'Wied il-Għajn bil-konsegwenza li r-residenti ta' Wied il-Għajn qed ikollhom jirrikorru l-Għassa ta' Ħaż-Żabbar?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi bħalissa m’hemmx Spettur tal-Pulizija stazzjonat di sentu f'Wied il-Għajn u l-Ispettur inkarigat mil-Għassa ta' Ħaż-Żabbar qiegħed ilaħħaq Wied il-Ghajn ukoll.

Artikolu 388(z) tal-Kodiċi Kriminali — nuqqas ta' ħlas ta' spejjeż edukattivi u mediċi

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li fl-artikolu 388(z) tal-Kodiċi Kriminali jkun reat ukoll in-nuqqas ta' ħlas ta' spejjeż edukattivi u mediċi li jkun ordnati mill-Qorti jew minn kuntratt f'kawżi ta' separazzjoni personali bħalma huwa n-nuqqas ta' ħlas ta' manteniment?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern se jkun qed jevalwa din il-proposta.

Proprosti fuq sentenzi Kostituzzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex il-Gvern iniedi proposti sabiex tiġi indirizzata l-problema frott sentenzi Kostituzzjonali li qed jiddikjaraw parti mill-Att XXIII tal-1979 bħala li jikser id-drittijiet tat-tgawdija tal-proprjetà tas-sidien bil-konsegwenza li eluf ta' familji għandhom mannara ta' żgumbrament minn djarhom?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 11118, ninsab ċert li l-Onor. Interpellant jifhem li l-materja li qed jirreferi għaliha f’din il-Mistoqsija hi materja ta’ natura delikata li tafettwa d-dritt tal-propjetà minn naħa waħda u l-eżiġenza umana ta’ residenza minn naħa l-oħra. L-Onor. Interpellant jifhem li s-sejbien ta’ bilanċ bejn dawn iż-żewġ fatturi jrid isir b’mod għaqli. Madanakollu, ninforma lil-Onor. Interpellant li preżentament għaddej proċess ta’ konsiderazzjoni u ta’ konsultazzjoni nterna dwar proposta t’abbozz ta’ liġi u ta’ miżuri oħra sabiex jindirizzaw din il-problema.

Korp tal-Pulizija – applikazzjonijiet għal fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija applikax għal fondi tal-Unjoni Ewropea bejn Marzu 2013 u llum? Jekk iva, għal liema ammont ta' fondi saret l-applikazzjoni, għal liema proġett u x'kien l-eżitu ta' tali applikazzjoni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Korp tal-Pulizija applika għal diversi fondi tal-Unjoni Ewropea bejn Marzu 2013 u llum. Id-dettalji tal-fondi mitluba qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija — vetturi

Question

Jista' l-Ministru jelenka l-vetturi kollha, inkluż karozzi, trakkijiet u muturi, li l-Korp tal-Pulizija xtara second hand minn April 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ jgħid għal kull waħda d-data tax-xiri, il-prezz, minn fejn, kemm-il sena għandha l-vettura u l-metodu ta' akkwist?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Pulizija reinstated

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pulizija ġie reinstated sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza, maqsumin bl-etajiet bejn 45 u 55 sena, 55 u 60 sena, 65 u 70 sena, u 'l fuq minn 70 sena?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Pulizija reinstated

Question

Jista’ l-Ministru jagħti s-sena li fiha kienu telqu mill-Korp tal-Pulizija kull wieħed u waħda minn dawk il-pulizija li ġew reinstated fil-Korp sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Pulizija tad-Distrett – sigħat ta’ taħriġ b’armi tan-nar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siegħa ta' taħriġ b'armi tan-nar kellu kull membru tal-pulizija tad-Distrett (Għases) kull xahar bejn l-1 ta' Ġunju 2013 u l-1 ta' Settembru 2014?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Pulizija tad-Distrett – tagħlim akkademiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siegħa ta’ tagħlim akkademiku, inkluż dwar ġurisprudenza u l-aħħar emendi għal-liġijiet kriminali, kellu kull membru tal-Pulizija tad-Distrett (Għases) kull xahar bejn l-1 ta' Ġunju 2013 u l-1 ta' Settembru 2014?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Ex-Kummissarju tal-Pulizija — Nefqa fuq ospitalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq ospitalità, riċevimenti u ikliet mill-ex Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Ex-Kummissarju tal-Pulizija – kontijiet tal-ikel pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kontijiet ta’ ikliet tal-ex Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li saru f’ristoranti, fosthom uħud fil-Belt Valletta, li mhumiex imħallsa u għadhom pendenti fil-jum li fih qed issir din l-Interpellanza u l-kontijiet tagħhom qed jaslu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jitħallsu mill-Korp?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Gudja – Mobile Kiosk – Compliance Certificate

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-compliance certificate tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li ġie mogħti lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex l-Enemalta tforni l-elettriku lill-mobile kiosk li hemm fit-triq prinċipali fil-Gudja, biswit il-Kappella ta' Bir Miftuħ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’każ ta’ mobile kiosks dawn ikunu fornuti b’servizz temporanju, f’liema każ, skont l-ARMS Ltd, ma jkollhomx bżonn il-compliance certificate.
Leg 12 PQ #10908 Sitting 202 2014-11-19 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gudja – Mobile Kiosk – compliance certificate

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-compliance certificate tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li ġie mogħti lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex l-Enemalta qed tforni l-elettriku lill-mobile kiosk li hemm fit-triq prinċipali fil-Gudja, biswit il-Kappella ta' Bir Miftuħ?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jirriżultax li l-Awtorita ta' Malta dwar L-Ambjent u l-Ippjanar qatt ħarget xi forma ta' compliance certificate għall skop ta' serviżżi ta' dawl jew ilma għal-mobile kiosk kif indikata fl-interpellanza.
Leg 12 PQ #10909 Sitting 202 2014-11-19 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gudja – Mobile Kiosk – permess

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess maħruġ mid-Dipartiment tal-Artijiet għall-mobile kiosk li hemm fit-triq prinċipali fil-Gudja, biswit il-Kappella ta' Bir Miftuħ?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Artijiet ma ħareġ l-ebda permess ta’ mobile kiosk fl-inħawi indikati.