Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Isla – lift ma jaħdimx fi blokk flats

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-lift fil-Blokk C, Triq it-Tarzna, Isla, li hu blokk ta' flats tal-Gvern, ilu ma jaħdem iktar minn sena u erba’ xhur?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lift eżistenti fi Blokk C, Triq it-Tarzna, Isla hu lift antik li ilu jitħaddem minn żmien is-Servizzi Ingliżi. L-inkwilini f’dan il-blokk huma responsabbli bejniethom għall-manutenzjoni tal-lift. Minħabba li issa jirriżulta li hemm spejjeż kbar biex dan il-lift jissewwa u jkompli jaħdem b’mod sodisfaċenti, l-inkwilini talbu biex jiġi stallat lift ġdid iffinanzjat mill-Awtorità tad-Djar. Din it-talba ġiet approvata u għaldaqstant, aktar kmieni din is-sena, ġie ppreparat tender għal dan ix-xogħol. Bħalissa t-tender qiegħda fi stadju ta’ evalwazzjoni skont il-proċeduri stabbiliti.

Passi kontra Detention Service Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu kontra d-detention service officer li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li ftit jiem ilu ġie ffotografat jisraq van mimli injam?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-edba serq ta’ injam jew affarijiet oħra mid-DS. L-injam li jidher fuq il-vann huwa mixtri personalment minn sid il-vann u li tagħhom għandu l-irċevuti. Flokk baqa sejjer id-dar bihom, waqaf fiċ-Ċentru ta’ Ħal Safi għax kien xogħol hemmhekk.

Xufier tal-Kap tas-Servizzi ta’ Detenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jispjega fuq liema bażi d-driver tal-Kap tas-Servizzi ta' Detenzjoni qed ikollu mijiet kbar ta' ewro approvati f'overtime kull xahar, meta bħala driver suppost jirċievi biss l-allowance bħala driver kif stipulat fil-PSMC?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Riferti għall-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet biex ir-riferti għall-Qorti ma jkunux imqassma mill-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li ix-xogħol dwar il-pjanijiet biex ir-riferti għall-Qorti ma jkunux imqassma mill-Pulizija biss beda u jinsab miexi biss saħħa ta proġett pilota li qed isir fl-Awla tal-Magistrat Depasquale. Fil-fatt diġa ġie ppublikat l-Att kif ukoll l-Avviz Legali, rigward il-proċedura l-ġdida tal-iprocessar tal-kawżi f’dan is-sens. L-Avviz Legali jagħmel providimenti u jagħti l-poter lil xi rappreżentanti ta’ xi intrapiża biex jibdew jqassmu n-notifiki minnhom.

Economic Crime Division – forensic auditors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il forensic auditor ġew utilizzati mill-Economic Crime Division tal-Korp tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa m’hemmx Forensic Auditors impjegati mal-Korp tal-Pulizija, pero` kif ħabbart il-bieraħ mis-sena dieħla mistenni jibda l-proċess bies jiġu impjegati Forensic Auditors fi ħdan l-Korp tal-Pulizija.

Liġi tal-Money Laundering

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jagħmilx sens li filwaqt li fix-xogħol normali tagħhom, professjonisti varji jridu josservaw id-dettami rigorużi tal-liġi tal-Money Laundering, kif għandu jkun, mill-banda l-oħra kien hemm u qed ikun hemm każijiet fejn imputati li jingħataw il-ħelsien mill-arrest mill-Qrati tagħna fuq depożitu ta' għexieren ta' eluf ta' euro, iħallsu dawn l-ammonti kontanti (il-mejda fl-awla litteralment tkun miksija flus kontanti) u ħadd ma jitlob li jimtlew formoli taħt il-Money Laundering Act għal verifika u skrutinju? Għaliex jekk avukat jiddepożita l-Qorti b'ċedola somma flus iktar minn ċertu ammont ta' ftit eluf ta' euro għan-nom tal-klijent tiegħu, ngħidu aħna ta' kera jew ċens, irid jissodisfa lill-Financial Intelligence Unit u l-liġi tal-Money Laundering - u dan hu sew - però dan ma japplikax għall-imputati li jiddepożitaw il-flus għall-bail li jkun iktar minn dak l-istess ammont?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn verifiki li saru mar-Reġistru tal-Qrati ta’ Ġurisdizzjoni Kriminali ma jirriżultax li f’dawn l-aħħar snin saru bails ta’ depositu fejn ġew depożitati iktar minn €11,646.87 (LM5,000) fi flus kontanti; il-massimu li l-amministrazzjoni taċċetta fi flus kontanti. Fejn l-ammont ta’ depożitu jkun iktar minn dak imsemmi, l-istess flus jiġu depożitati permezz ta’ cheque jew ta’ bank draft.

Għasses tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju dwar jekk hux aħjar li jkollok għases tal-pulizija reġjonali flok f’kull belt u raħal?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn studju li sar iddeċidejna li l-aħjar mezz effetiv sabiex ikollna sigurtà fit-toroq tagħna hu permezz ta’ rondi kontinwi u anke billi jkollna Pulizija fit-toroq. Infatti il-113 –il rekluta li gradwaw mill-akkademja kollha ġew assenjati fid-distretti, speċjalment f’dawk id-distretti fejn kien hemm problema b’rata għolja ta’ kriminalita, bħalma huma l-Imsida, Paceville, San Ġiljan, Sliema, Swieqi u lokalitajiet oħra. Ħadna ħsieb ukoll li niftħu Għases ġodda bħal l-Għassa tas-Swieqi, għassa li kien ilha imwegħda għal diversi snin iżda saret taħt dan il-Gvern, kif ukoll l-Għassa tal-Pieta`. Dawn l-Għasses infetħu wara li sar studju dwar il-livelli għolja ta’ kriminalita f’dawn il-lokalitajiet. Infetħet ukoll f’post ċentrali Mobile Police Station f’Marsascala wara li l-Għassa preċedenti kienet f’post kundannat mingħajr ebda aċċess għal wheelchairs. Fi ¿mien li ġej issir ukoll Mobile Police Station f’Paceville fejn ukoll hemm bżonn Għassa ċentrali. Apparti minn Għasses ġodda, ġew rinovati ukoll Għasses eżistenti bħal dawk tal-Imsida, l-Imdina, Victoria, Kemmuna u oħrajn. Dan ix-xogħol mistenni jkompli s-sena dieħla.

Spetturi tal-Pulizija — uniformi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinbidel l-uniformi tal-ispetturi tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isir studju dwar kif l-uniformi tal-Korp tal-Pulizija tista’ titjieb.

Pulizija — Investigazzjoni dwar allegat korruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni mill-pulizija dwar il-pulizija stazzjonat fl-Għassa tal-Ħamrun fuq allegat korruzzjoni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal min qed jirreferi.

Pulizija – mobile police station f’Wied il-Għajn

Question

Peress li fil-ġurnal The Times tal-21 ta’ Ottubru 2014 hemm rappurtat li l-mobile station f’Wied il-Għajn li għadha kemm ġiet inawgurata se titneħħa wara Frar li ġej, jista’ l-Ministru jgħid x’se jiġri eżattament?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat li dan il-permess jista’ jiġi mġedded wara Frar. Il-Korp tal-Pulizija imbagħad jeżamina wara Frar dwar l-estensjoni ta’ dan il-kuntratt.

Pulizija – Pulizija ta’ riżerva

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9252 u jgħid kemm-il puliizja ta' riserva, minn Marzu 2013 sad-data tat-tweġiba ta' din l-interpellanza, ġew ingaġġati fil-Korp tal-Puliizja fl-eta ta' bejn il-25 u 35 sena, bejn 35 u 45 sena, bejn 45 u 55 sena, bejn 55 u 65 sena, bejn 65 sena u 70 sena u bejn 70 u 80 sena?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Pulizija tal-mobile f'Għawdex — armi

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala l-pulizija tal-mobile f'Għawdex qed idaħħlu l-arma mix-xogħol ta' bil-lejl fil-5 ta' filgħodu flokk fis-6 ta' filgħodu kif suppost?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat li il-membri tal-Mobile ta’ Għawdex ibiddlu l-armi, kif ukoll apparat ieħor, fil-ħamsa u jagħtu l-handover fl-istess ħin lill-Uffiċċjali tax-Xift li jkun ser jibdilhom u li jaħdmu mill-5am sas-1.30pm. F‘dan il-ħin u qabel dawn jispiċċaw it -tour of duty tagħhom ikun irid isir rapport ta’ dak li jkunu ltaqgħu miegħu matul il-lejl.

Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija – Spetturi — vannijiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala l-Ispetturi li jaħdmu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fl-aħħar ħmistax-il jum qed imorru għalihom bil-prison van u b’vannijiet oħra biex jeħduhom għax-xogħol flokk bil-vetturi normali?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi kien hemm ftit okkazzjonijiet partikolari, fejn fil-ħin li l-Ispetturi jkunu sejrin għax-xogħol, il-vetturi li normalment jintużaw biex iwassluhom, kienu meħtieġa fuq xogħol ieħor. Għaldaqstant kellhom jintużaw, bil-vetturi msemmija, waħda minnhom mini bus.

Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija – Uffiċċju tal-Istationary

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala l-Uffiċċju tal-Istationary tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija qed jinforma lill-uffiċini li m’għandux flus biex jixtri toners għall-printers u biex min għandu bżonn jerġa jmur f’Jannar?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi l-istationery fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ma qalu lil ħadd minn dawk li talbu toners għall-printers biex jerġgħu jmorru għalihom f’Jannar 2015. Meta ma kellhomx in stock dawn dejjem ġew ordnati, inxtraw u ngħataw fl-iqsar żmien possibli.

Laboratorju forensiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu u fiex jikkonsistu l-pjanijiet biex jinbena mill-ġdid laboratorju forensiku? X’inhuma t-timeframes?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li meta jkun hemm dettalji relevanti dwar il-Laboratorju Forensiku, dan il-Parlament se jkun infurmat.

Malta Police Association — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista tad-dati tal-laqgħat li kellu hu personalment mal-Malta Police Association minn April 2013 sad-data li fiha qed issir din l-interpellanza?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għal mistoqsija parlamentari 9985.

Forzi Armati ta’ Malta – General Order

Question

Jista' l-Ministru għall-Intern jgħid x'raġuni hemm wara l-general order maħruġ mill-Brigadier tal-Forzi Armati datat 13 ta' Ottubru 2014 biex jiġu relinquished l-appointments ta' żewġ Logotenent Kurunell u Maġġur li kumbinazzjoni dawn it-tliet fizzjali għandhom każ miftuħ quddiem l-Ombudsman minħabba inġustizzja li sofrew u kumbinazzjoni t-tlieta li huma ġew trasferiti lejn id-detention camps wara li nqabżu bil-promotions li l-Ministru stess ta lil min illum qed jokkupa l-kariga ta' Brigadier u Deputat Kmandant? Għaliex ma ngħatax appointment ieħor minflok? Jaf il-Ministru li b'hekk il-Brigadier neħħielhom kull awtorità li kellhom?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Korp tal-Pulizija – overtime — arretrati

Question

Jista' l-Ministru għall-Intern jgħid xi żviluppi kien hemm wara r-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 9108 fit-18 ta' Lulju 2014 dwar il-wegħda li jitħallsu l-kważi €50 miljun f'arretrati ta' overtime lill-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dan l-istadju m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 9108.
Leg 12 PQ #11485 Sitting 211 2014-12-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Artijiet – kirjiet kummerċjali fil-Belt Valletta — Sospensjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslet l-evalwazzjoni li għamel referenza għaliha fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8654 tal-14 ta' Lulju 2014 dwar l-iskema ta' kirjiet kummerċjali għall-ħwienet tal-Belt Valletta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif tħabbar fid-diskors tal-Budget ser tiġi mnedija skema ġdida għall-ħwienet tal-Belt b’kundizzjonijiet aktar vantaġġużi. L-applikanti li diġa applikaw fl-iskema ta’ qabel ser ikunu wkoll eleġibbli li japplikaw għall-iskema l-ġdida li dettalji tagħha ser jitħabbru aktar ’il quddiem.

Għawdex — San Lawrenz – għassa tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru għall-Intern jgħid għala l-għassa tal-Pulizija f'San Lawrenz, Għawdex, qed tkun magħluqa?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li f’dawk l-okkażjonijiet fejn ingħalqet l-Għassa ta’ San Lawrenz fil-perjodu tas-sajf, kien hemm arranġamenti li jibqa’ jsir patrol bil-vetturi mill-Pulizija f’sezzjonijiet oħra fil-lokal. Madankollu, saru u ser jibqgħu jsiru arranġamenti biex l-għassa kemm jista’ jkun tibqa’ miftuħa aktar regolari kif diġà qed isir għax qed tinfetaħ bix-xiftijiet kollha kuljum, speċjalment issa li żdied il-kompliment tal-Pulizija f’Għawdex.