Jista’ l-Ministru jispjega b’kemm u għala se jitnaqqas il-ħlas li jsir lil dawk li huma coeliacs b’effett minn Jannar 2015? Veru li l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta din il-kategorija ta’ persuni ma kenitx ikkonsultata? Jista’ jagħti ċ-ċifra tal-ħlas qabel u wara t-tnaqqis?
Response (MIZZI, KONRAD)
Mhu ser jitnaqqas l-ebda ħlas lil dawk li huma Coeliacs.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il bullet proof vest inxtraw mill-Korp tal-Pulizija fl-aħħar tmien snin ikluż din is-sena, sena b’sena?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fl-aħħar tmien snin il-bullet proof vests li inxtraw mill-Korp tal-Pulizija kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Diġa nbdew l-arrangamenti li jinxtraw numru tal-bullet proof vests oħra dalwaqt.
Bullet proof vests mixtrija mis-sena 2007 sas-sena 2014
Sena
Ammont
2007
100
2009
100
2014
2
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-recording li ħa l-PBS tal-kunċert li sar f’Ottubru 2014 f’Dar il-Mediterran, il-Belt, mill-Banda tal-Pulizija fl-okkażjoni tal-200 anniversarju tal-Korp tal-Pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex lill-pulizija tar-RIU fl-aħħar ġimagħtejn intqalilhom li jekk iridu jilbsu balaclava waqt id-dmirijiet tagħhom, dan jistgħu jagħmluh però jkollhom jixtru huma minn buthom il-balaclava?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija tal-RIU qatt ma użaw jew ġew b'xi mod awtorizzati jilbsu balaclava waqt xogħolhom u għaldaqstant ħadd ma tqabbad jixtri xejn min butu.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11164, jista l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li qed jgħid li kien ippublikat fid-29 ta' Awwissu (fejn hu ma semmiex ta' liema sena)?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11291 u 9252 u jgħid kemm-il pulizija ta' riżerva ġew ingaġġati fil-Korp tal-Pulizija fl-età ta' bejn il-25 u l-35 sena, bejn il-35 u l-45 sena, bejn il-45 u l-55 sena, bejn il-55 u l-65 sena, bejn il-65 sena u s-70 sena u bejn is-70 u t-80 sena, minn Marzu 2013 sad-data tat-tweġiba ta' din l-interpellanza?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Ser issir reviżjoni biex jiġi zgurat li l-Pulizija ta’ Riżerva huma kollha kapaċi jaqdu d-dmirijiet rikjesti minn membru tal-Pulizija. Primarjament it-triq ‘il quddiem hi li jiġu ngaġġati Pulizija ġodda.
Pulizija – pubblikazzjoni ta’ rapporti ta’ żewġ inkjesti
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11284, jista' l-Prim Ministru jgħid għal min irid ikun “opportun” il-mument meta jkunu ppubblikati l-inkjesti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor Interpellant, għall-mistoqsijiet parlamentari 12689 u 12796.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10916 u jgħid kemm-il siegħa ta’ tagħlim akkademiku, inkluż dwar ġurisprudenza u l-aħħar emendi għal-liġijiet kriminali, kellu kull membru tal-Pulizija tad-Distrett (Għases) kull xahar bejn l-1 ta' Ġunju 2013 u l-1 ta' Settembru 2014?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar tagħlim li ingħata lill-membri tal-Pulizija tad-Distrett (Għases) kull xahar bejn l-1 ta' Ġunju 2013 u l-1 ta' Novembru 2014, jinsab fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dettalji oħra kif mitluba mill-Onorevoli interpellant mhumiex miżmuma.
Ex-Kummissarju tal-Pulizija — Nefqa fuq ospitalità
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10940 u jgħid kemm intefqu flus fuq ospitalità, riċevimenti u ikliet mill-ex Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul il-ħatra tal-ex Kummissarju tal-Pulizija ntefqu €5,200.62.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10941 u jgħid kemm hemm kontijiet ta’ ikliet tal-ex Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li saru f’ristoranti, fosthom uħud fil-Belt Valletta, li mhumiex imħallsa u għadhom pendenti fil-jum li fih qed issir din l-Interpellanza u l-kontijiet tagħhom qed jaslu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jitħallsu mill-Korp?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li ma hemmx kontijiet ta’ ikliet tal-ex Kummissarju tal-Pulizija li mhumiex imħallsa u li għadhom pendenti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11122 u jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija fl-aħħar xhur xtarax jew akkwistax pick up tow truck u jekk iva, meta, b'liema mod u b'kemm?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Pulizija, f’Lulju li għadda, xtara tow truck b’Direct Order, bil-prezz ta’ €4,700.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11123, jista’ l-Ministru jgħid meta hu l-mument opportun biex ikun ippubblikat dan ir-rapport, meta għaddew xhur sħaħ minn meta l-Ministru stess wiegħed li jkun ippubblikat u issa għaddew xhur sħaħ minn meta tlesta tali rapport?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirrferi għal mistoqsija parlamentari 11123. Nixtieq nispeċifika li bħalissa qed neżamina x’inkjesti hemm li saru fi ħdan il-Ministeru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu fl-enforcement unit tad-Dwana, meta l-aħħar li daħħlu impjegati ġodda u jekk hux se jinfetħu xi posts għas-sena 2015?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ ħaddiema tal-Customs Class preżentament attribwibbli għall-enforcement unit huwa ta’ 39. L-aħħar dħul kien ta’ tliet impjegati ġodda, b’effett minn Ottubru li għadda wara sejħa miftuħa għal impjegati eżistenti fis-servizz pubbliku. Hu maħsub li fl-2015 jimtlew xi posts oħra li hemm battala.
Jista’ l-Prim Ministru jispjega jekk id-Dipartiment tal-Artijiet iridx jagħti xi forma ta’ permess għal kiosk li tkun se tibqa’ fit-triq b’mod fixed għal xhur sħaħ?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Artijiet jista’ jagħti permess għall-użu temporanju jew speċifiku ta’ art tal-Gvern skont il-provediment li hemm fl-Iskeda annessa mall-Att li jirregola t-Trasferiment ta’ Proprjetà tal-Gvern (Kap 268) tal-Liġijiet ta’ Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għal visa (Schengen Area) saru minn Marzu 2013 sa-data li fiha tkun imwieġba l-mistoqsija minn ċittadini tal-Vietnam? Kemm minnhom ġew approvati? F'liema jew tramite liema ambaxxata saru dawn l-applikazzjonijiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 59 applikazzjoni minn Marzu 2013, li minnhom 55 ġew approvati. Dawn sru minn Beijing, Caberra, Dubai, Londra, Mebourne, Mosca u New York.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk prison warden għandux il-permess jew liċenzja li jġorr arma tan-nar?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li skond ir-regolamenti tal-ħabs Kap 260.11 (2 ), fit-twettieq ta dmirijiethom ġewwa l-ħabs u meta jkunu qegħdin iwettqu dmirijiet ta skorta ma priġunieri barra minn xi ħabs, l-uffiċjali tal-ħabs ikollhom is-setgħa li jwettqu dawk il-funzjonijiet, setgħat u dmirijiet kollha li huma bil-liġi vestiti f’membru tal-Korp tal-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10913 u jgħid kemm-il pulizija ġie reinstated sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza, maqsumin bl-etajiet bejn 45 u 55 sena, 55 u 60 sena, 65 u 70 sena, u 'l fuq minn 70 sena?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmati li mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-3 ta’ Diċembru 2014, kien hemm ħamsa u sebgħin (75) re-instatement fil-Korp tal-Pulizija. L-etajiet ta’ dawn kienu kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ir-reinstatements u l-police constabulary kienu neċċessarji sabiex il-Korp jibqa' jopera minħabba li tħalla b'400 pulizija inqas. Madanakollu t-triq 'il quddiem għall-Korp tal-Pulizija hi dik li jkomplu jiġu ngaġġati pulizija ġodda b'mod relevanti għaż-żminijiet tal-lum.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10914 u jagħti s-sena li fiha kienu telqu mill-Korp tal-Pulizija kull wieħed u waħda minn dawk il-pulizija li ġew reinstated fil-Korp sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Pulizija tad-Distrett – sigħat ta’ taħriġ b’armi tan-nar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10915 u jgħid kemm-il siegħa ta' taħriġ b'armi tan-nar kellu kull membru tal-pulizija tad-Distrett (Għases) kull xahar bejn l-1 ta' Ġunju 2013 u l-1 ta' Settembru 2014?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul il-perjodu msemmi mill-Interpellant kien hemm tlieta u għoxrin (23) uffiċċjal tal-Pulizija mid-Distrett li ingħata tlett ijiem taħriġ b'armi tan-nar. Infurmat ukoll li bejn Ottubru u Novembru 2014, 188 uffiċċjal mid-Distrett, ingħata taħrig ta’ erbgħa siegħat kull wieħed, b’armi tan-nar fost numru ta’ uffiċċali oħra. Jiena u l-Kummissarju tal-Pulizija diġa` ltqajna u ddiskutejna il-kwistjoni ta’ taħriġ u qbilna li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jkollhom aktar taħriġ kontinwu u relevanti, kemm mil-lat prattiku kif ukoll mil-lat teoretiku.
Jista’ l-Ministru jgħid jikkonferma li l-maid li taħdem fl-Uffiċċju tal-Prinċipal tal-Iskola tal-Gvern San Benedettu ta’ Ħal Kirkop, kienet impjegata mal-kuntrattur u issa ġiet impjegata fis-settur pubbliku?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-maid li taħdem fl-uffiċċju tal-Prinċipal tal-Kulleġġ San Benedittu hija impjegata mal-kuntrattur.