Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data – investigazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’investigazzjonijiet ġew skattati minn Marzu 2013, kemm minnhom ġew investigati, x’kien ir-riżultat tal-investigazzjoni u kemm minnhom għadhom pendenti mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data? Liema awtoritajiet governattivi, inkluż Ministeri jew dipartimenti jew awtoritajiet, huma soġġetti għal xi investigazzjoni pendenti minn dan l-uffiċċju?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

ARMS – servizzi lill-pubbliku mill-Belt Valletta

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13347, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan l-uffiċċju tal-ARMS fi Triq l-Ifran, il-Belt huwiex mikri mill-General Workers’ Union u minn meta bdiet din il-kirja?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interplellant illi f’Jannar 2014 l-ARMS Ltd ħarġet espressjoni tal-interess. L-offerta msemmija kienet l-irħas u l-aktar waħda vantaġġuża.

ARMS u Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ direct orders mogħtija u lil min mill-ARMS u mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Isports

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta ffirmatx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa on the manipulation of sports competitions to prevent, detect and punish match fixing in sports tal-2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Malta rrikonoxxiet b’mod konsistenti l-importanza li tiġi indirizzata l-problema tal-match-fixing li qiegħda thedded l-integrita’ tal-kompetizzjonijiet sportivi. Għaldaqstant Malta dejjem laqgħet inizjattivi li huma mmirati lejn il-ġlieda kontra l-match-fixing. Għalkemm Malta fil-prinċipju tappoġġja l-għanijiet tal-Konvenzjoni fuq il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi tal-Kunsill tal-Ewropa, jiġifieri li jkun hemm sforzi konġunti fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni u l-frodi fl-isport, Malta dejjem żammet riżervi fuq din il-Konvenzjoni li mhumiex relatati ma’ dawn l-għanijiet. Fil-fatt it-tħassib ta’ Malta huwa relatat mad-dispożizzjonijiet dwar l-imħatri fil-Konvenzjoni li jmorru lil hinn mill-għan tal-Konvenzjoni, minħabba illi jidħlu fuq ir-regolizazzjoni tal-imħatri, minflok jindirizzaw speċifikatament ir-riskji lejn l-integrita’ tal-isport. Malta tqis illi d-dispożizzjonijiet dwar l-imħatri u, b’mod partikolari, it-tifsira ta’ ‘illegal sports betting’, huma inkompatibbli mal-liberta’ tas-servizzi u l-liberta’ tal-istabbiliment mħarsa fit-Trattat. Huwa għal din ir-raġuni li Malta għamlet talba għall-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u talbitha tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni humiex konsistenti mal-libertajiet u prinċipji imsemmija, li huma garantiti fit-Trattat. Madankollu Malta ma ffirmatx u m’għandhiex l-intenzjoni li tiffirma l-Konvenzjoni sakemm id-dispożizzjonijiet dwar l-imħatri jiġu riveduti jew mħassra. Il-Konvenzjoni bħalissa qiegħdha tiġi riveduta (f’termini tal-kwistjonijiet ta’ kompetenza rilevanti) sabiex jiġu ddeterminati l-passi li l-UE tista’ tieħu fir-rigward tal-Konvenzjoni. Malta qiegħda ssegwi dan il-proċess. Sadanittant għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-MFA sabiex jiġu implimentati fil-liġi l-partijiet tal-konvenzjoni illi bħala pajjiż naqblu magħhom, u cioe` dawk id-dispożizzjonijiet relatati purament ma' sport, kriminalita', u l-qsim ta’ informazzjoni u intelliġenza ma’ awtoritajiet pubbliċi u sportivi oħra barranin sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-match-fixing lokalment u internazzjonalment.

Konverżjoni ta’ ċens temporanju għal wieħed perpetwu

Question

In vista ta’ sentenza mogħtija mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fit-12 ta’ Jannar 2015 li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li tittratta l-konver¿joni ta’ ċens temporanju għal wieħed perpetwu ai termini tal-artiklu 12(4) tal-Kap. 158 tal-Liġijiet ta’ Malta u fejn ukoll il-Qorti Kostituzzjonali (12/19/2012) kienet iddeċidiet li dan jilledi l-artiklu 37 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u kif ċertament jaf il-Ministru din mhijiex l-unika sentenza fuq dan il-punt li qed jinkwieta lil eluf ta’ familji mhedda bi żgumbrament, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-Gvern biex tinsab soluzzjoni ġusta bejn il-partijiet involuti (sidien u ċenswalisti) sabiex ma jispiċċawx familji mkeċċija minn djarhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali li x-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Membru wasal fl-istadju fejn bħalissa hemm proposta ta’ liġi u qiegħed isir “social impact assessment” dwarha.

Nolle Prosequi

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta' nolle prosequi li l-Avukat Ġenerali ħareġ fl-2013 u fl-2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ma nħarġu l-ebda nolle prosequi mill-Avukat Ġenerali fis-snin imsemmija.

Kunċert mill-Banda tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12756 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurità Nazzjonali u li issa qed tiġi riferuta lilu u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-recording li ħa l-PBS tal-kunċert li sar f’Ottubru 2014 f’Dar il-Mediterran, il-Belt, mill-Banda tal-Pulizija fl-okkażjoni tal-200 anniversarju tal-Korp tal-Pulizija?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13300.

Qorti –Theddida ta’ bomba — evakwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala, waqt l-evakwazzjoni tal-bini tal-Qorti fil-Belt nhar il-15 ta’ Jannar 2015, minħabba theddida ta’ bomba għal ħabta tal-10 ta’ filgħodu, ma ġewx evakwati wkoll l-istudenti u persuni oħra li kienu qed jagħmlu l-eżami tal-warrant fl-awla tal-ġurijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-ħin li daħlet it-theddida ta’ bomba ġewwa l-Qrati kien hemm żewġ Prokuraturi Legali u 71 Avukat jagħmlu l-eżami tal-Warrant maqsumin f’żewġ Awli (Nru. 21 u 22). Dan l-eżami beda fid-9.00 am u kellu jispiċċa f’12.00 pm. Appena daħlet it-theddida ta’ bomba, li kien għal ħabta tal-10.00 am, ħarġu struzzjonijiet mal-Qrati kollha għall-evakwazzjoni. Din l-ordni ngħatat ukoll lil dawk li kienu qed jagħmlu l-eżami tal-Warrant. Hekk kif ħarget l-ordni lill-Avukati u Prokuraturi Legali sabiex joħorġu mill-Qrati u li konsegwentement l-eżami ġie mħassar, dawn bdew jipprotestaw u assulutament ħadd minnhom ma ried joħroġ mill-awli u nsistew li jkomplu l-eżami. F’dawn iċ-ċirkustanzi saru l-konsultazzjonijiet neċessarji, u ġie deċiż li dawk li qed jagħmlu l-eżami jiġu nfurmati li jekk ser ikomplu bl-eżami dan taħt ir-responsabilta’ personali tagħhom. Kulhadd aċċetta li jkompli b’din il-kundizzjoni u ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni da parti mingħandhom. L-eżami ġie mtawwal bi kwarta biex ikopri xi ħin mitluf minħabba dan l-akkadut. Eventwalment kull min kien qed jagħmel l-eżami ffirma dikjarazzjoni li għalkemm ġie avżat li saret theddida ta’ bomba fil-bini tal-Qrati, minn jeddu għażel li jibqa’ jkompli l-eżami tal-Warrant ta’ Avukat/Prokuratur Legali fl-istess bini tal-Qrati.

Kawżi Ċivili pendenti — age analysis

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-age analysis tal-kawżi ċivili pendenti fl-2013 u fl-2014 quddiem il-Qrati, kemm f’Malta u kemm f’Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba minnu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni – tħabbir ta’ membru ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikun imħabbar il-membru ġdid tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni wara li xi xhur ilu ġie nieqes membru li għadda għal ħajja aħjar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membru l-ġdid se jkun il-Magistrat Emeritu Joseph Cassar u se jinħatar b'mod immedjat wara li saru l-konsultazzjonijiet li trid il-liġi.

ARMS –servizzi lill-pubbliku mill-Belt Valletta

Question

Jista' l-Ministru jelenka l-postijiet minn fejn l-ARMS qed tipprovdi servizzi lill-pubbliku minn ġewwa l-Belt Valletta u l-ħinijiet tal-ftuħ għall-pubbliku f'kull każ? Jista’ wkoll jgħidli fil-każ ta' kull post imsemmi fil-Belt Valletta jekk huwiex mikri mill-Gvern jew le?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-uffiċju tal-ARMS jinstab fi Triq l-Ifran, il-Belt u jkun miftuħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-tmienja ta’ filgħodu (0800hrs) u s-siegħa u nofs ta’ wara nofs inhar (1330hrs). L-uffiċju msemmi huwa mikri mill-ARMS Ltd.

Att tal-1975 dwar iż-Żwieġ – rikonoxximent tar-rit taż-żwieġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma r-reliġjonijiet jew knejjes li r-riti jew l-u¿anzi tagħhom taż-żwieġ huma rikonoxuti mill-Istat skont l-Artiklu 17 tal-Att tal-1975 dwar iż-Żwieġ? Jista’ jagħti d-data ta’ kull rikonoxximent?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull reliġjon stabbilit bħar-Reliġjonijiet Kattolika Rumana, Kattolika Griega, Ortodossa Griega, Anglikana, Knisja Skoċċiża, Islamika u Hindu ġew rikonoxxuti malli l-liġi ta’ l-1975 dwar iż-żwieġ daħlet in vigore u effettivament saru żwiġijiet b’dawn ir-riti. Ir-reliġjon Battista u l-Knisja Evanġelika Kristjana, ġew rikonoxxuti skond l-Artikolu 17 tal-istess Att fid-9 ta’ Marzu, 1989 u wkoll saru żwiġijiet relativi

Pulizija – reinstatement — pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-pulizija li ġew reinstated wara Marzu 2013, hemmx minnhom li diġà qed jirċievu l-pensjoni taż-żewġ terzi wara 25 sena servizz

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li meta eks-membru tal-Korp tal-Pulizija jerġa’ jidħol re-instated, tittieħed azzjoni immedjata sabiex titwaqqaflu l-penzjoni tas-servizz, jekk ikun qed jirċievi waħda, biex b’hekk ikun jista’ jirċievi s-salarju bħala membru tal-Korp tal-Pulizija.

Applikazzjonijiet għall-visas

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12828 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il applikazzjoni għal visa (schengen area) saru minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza minn ċittadini mill-pajjiżi tal-Afrika li applikaw tramite l-Ambaxxata Maltija fi Tripli jew f’xi wieħed mill-konsolati tagħha f’pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq (eż. Marokk, Alġerija)? Kemm minnhom ġew approvati? Kemm minn dawk li ġew approvati, kien hemm parir mill-Korp tal-Pulizija jew entitajiet oħra kontra li tingħata l-visa?

Response (VELLA, GEORGE)

It-tabella hawn taħt imsemmija tindika viżi pproċessati mill-Konsulati ta' Malta li jinsabu fl-Afrika ta' Fuq. L-istatistika turi n-numru ta' applikazzjonijiet sottomessi, kemm minnhom ġew approvati u viża inħarġet, u minn dawk li ġew approvati, kienu approvati kontra l-parir mogħti mill-pulizija tal-immigrazzjoni. KonsulatNru. ApplikazzjonijietApprovati u mogħtijaRifjutati mill-Pulizija Benghazi3917350662 Tripoli5056839267326 Cairo2721225088 Tunis77855821859 Algeria68713450461 Tajjeb li wieħed jinnota li l-aħħar li ħarġu viżi Benghazi kien Ottubru 2013 u Tripoli sa Ġunju 2014. L-istatistika ta' hawn fuq ma tinkludix viżi maħruġa direttament mill-pulizija tal-immigrazzjoni, l-ajruport, u fil-portijiet. Dawn it-tip ta' viżi ma jiġux ipproċessati mis-sistema tal-viżi li jużaw il-konsulati.

Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija – duty officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib terġa’ tiddaħħal il-prassi li jkun hemm duty officer fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li jkun duty għal 24 siegħa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Ninsab infurmat li qed isiru arrangamenti meħtieġa, biex fil-futur qrib tiddaħħal il-prassi ta’ duty officer fil-Kwartieri Generali tal-Pulizija, li jkun 24/7.

Sentenza ta’ priġunerija fuq traffikar tad-droga

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li skonta sentenza ta’ priġunerija fuq traffikar tad-droga, għadu ma ġiex deportat lura fejn pajjiżu? Għaliex id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza aċċetta l-applikazzjoni tiegħu għal residence permit?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat li fid-data li l-persuna konċernata skontat is-sentenza ta’ priġunerija, inħarġitilha ordni ta’ tneħħija skond l-artiklu 14 tal-Att dwar l-Immigrazzjoni (Kap 217). Hu appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell dwar l-Immigrazzjoni. Fil-frattemp li kien qed jiġi ttrattat il-każ, din il-persuna applikat u ngħatat protezzjoni umanitarji mill-Kummissarju għar-Rifuġjati. Din il-persuna, riċentament, iżżewġet persuna li hi ċittadin Ewropew. Fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi msemmija din il-persuna, kif kellha dritt li tagħmel, applikat għal dokument ta’ residenza, iżda l-applikazzjoni tagħha għadha qed tiġi eżaminata fil-kuntest ukoll taċ-ċirkostanzi msemmija. Nispeċifika ukoll li jista’ jagħti l-każ li l-applikazzjoni tal-individwu għal protezzjoni tkun intirata jekk jirriżulta li hu ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali. F’każ simili jista’ jintalab ukoll il-parir tal-avukat ġenerali.

Applikazzjonijiet għall-visas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għal visa (schengen area) saru minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza minn ċittadini mill-pajjiżi tal-Afrika li applikaw tramite l-Ambaxxata Maltija fi Tripli jew f’xi wieħed mill-konsolati tagħha f’pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq (eż. Marokk, Alġerija)? Kemm minnhom ġew approvati? Kemm minn dawk li ġew approvati, kien hemm parir mill-Korp tal-Pulizija jew entitajiet oħra kontra li tingħata l-visa?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru konċernat.

Proġett Pilota fl-Awla tal-Maġistrat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, wara li beda proġett pilota fl-awla tal-Maġistrat biex kawżi jkunu jistgħu jinstemgħu fl-assenza tal-akkużat, jekk dan hux f’kunflitt mal-artiklu 39 (6) tal-Kostituzzjoni li jgħid li “Except with his own consent, the trail shall not take place in his absence unless he so conducts himself as to render the continuance of the proceedings in his presence impracticable and the court has ordered him to be removed and the trail top place in his absence”?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant hija attirata għall-fatt illi l-Artikolu 360B tal-Kodici Kriminal mgħoddi bl-Att XXIV tal-2014 għadu ma ġiex fis-seħħ u dan għaliex il-Gvern jixtieq consensus fuq din il-materja kruċjali. L-Artikolu kwotat tal-Kostituzzjoni ma jeskludix il-possibilità tal-għoti ta’ kunsens taċitu fil-każ illi l-akkużat ikun ġie avżat illi dak il-kunsens taċitu isegwi bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ dehra wara notifika skont il-liġi. Apparti minn hekk fl-imsemmi Artikolu 360B, huma ukoll previsti salvagwardji tramite l-ħtiega li s-sentenza tiġi notifikata u l-għoti ta’ dritt addizzjonali ta’ kontestazzjoni fil-każ li persuna tkun instabet ħatja ta’ reat bil-proċedura ta’ smiegħ in absentia. Intant, il-Gvern għadu qed jistenna l-pożizzjoni uffiċjali mill-Oppożizzjoni dwar din il-materja sabiex il-proġett pilota jkun jista` jgħaddi għall-istadju li jmiss.

Identity Malta – Irċevuti maħruġa

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala mill-Identity Malta qed jinħarġu rċevuti miktubin bl-idejn flok bl-informatika, u dan skont kif rappurtat minn diversi nutara?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li d-dipartimenti li jaqgħu taħt Identity Malta joħorġu irċevuti b’mod awtomatiku mis-sistemi elettroniċi fejn dawn il-faċilitajiet jeżistu. Fejn m’hemmx dawn il-faċilitajiet, jinħarġu irċevuti manwali skont kif jipprovdu l-arrangament uffiċjali eżistenti.

Ċittadini tal-Korea ta’ Fuq – applikazzjoni għal Visa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12522, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk il-visas approvati għal ċittadini mill-Korea ta’ Fuq kienu LTV (Limited Territorial Visas)? Kemm kienu limitati għal Malta biss? F’kull każ tal-visas maħruġa lil dawn iċ-ċittadini mill-Korea ta’ Fuq, x’kienet ir-raġuni mogħtija biex tinħareġ il-visa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mit-53 Visa li ġew approvati liċ-Cittadini tal-Korea ta’ Fuq ma kien hemm l-ebda waħda li kienet viza b’validita territorjali limitata (Limited Territorial Validity).