Jista’ l-Ministru jgħid, b’riferenza u wara t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13647, kif jista’ jiġġustifika t-tneħħija tar-reduced hours fil-Korp tal-Pulizija sempliċement “minħabba l-ammont konsiderevoli ta’ uffiċjali li jaqgħu taħt dawn il-kundizzjonijiet” meta fil-kampanja elettorali u fil-programm elettorali tiegħu l-Partit li hu qed jirrappreżenta wiegħed li ser iżid u jsaħħaħ il-family friendly measures? Jista’ jispjega jekk it-tneħħija tar-reduced hours fil-Korp għal spetturi nisa tfissirx li l-Ministru mhux qed jagħti importanza lill- family friendly measures jew li l-Partit tiegħu għamel wegħda qabel l-elezzjoni li ma kienx kapaċi jżomm?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa ingħad fit-tweġiba ta’ qabel, ir-reduced hours ma ġewx imneħħija, imma qed jiġu riveduti. Barra min dan, kull każ ser jiġi meqjus fuq il-merti tiegħu. Irid jingħad li kull permess jiddependi minn diversi fatturi, fosthom il-kompliment ta’ uffiċċjali fil-kariga rispettiva li tkun teżisti fil-mument li ssir it-talba. Dan jispjega li mhux ser titnaqqas l-importanza lill-family friendly measures, imma kull deċiżjoni ssir b’responsabilita biex jitħarsu wkoll l-eseġenzi tas-servizz.
Jista’ l-Prim Ministru jindika d-data ta’ meta r-rapport tar-Regolatur tal-Individual Investor Programme għas-sena 2014 ġie ppubblikat jew imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Fuel Procurement Committee ta’ dik li kienet l-Enemalta għas-snin 2013-2014?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-membri tal-Fuel Procurement Committee għas-sena 2013 kienu Louis Giordmaina, William Spiteri Bailey, Antoine Galea, Peter Grima, Philip Borg, Godfrey Scicluna, Janice Mercieca, Charles Mangion, Steve Agius u Michael Falzon.
Il-membri għas-sena 2014 kienu Fredrick Azzopardi, Erika Grech, Joseph Ellul Vincenti, Steve Agius, Henry Attard, Philip Borg, Frans Cassar, Janice Mercieca, Michael Falzon, Mantoine D’Ambrogio-Araci u Godfrey Scicluna.
Ministeru għall-Ġustizzja –żieda fil-ħlasijiet/tariffi ta’ servizzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk is-servizzi jew simili mogħtija jew provduti mill-entitajiet li għalihom iwieġeb hu li mill-1 ta’ Jannar 2015 żdiedu l-ħlasijiet jew tariffi tagħhom? Minn kemm għal kemm huma dawn iż-żidiet? Liema hu l-bażi legali għal dawn iż-żidiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal- Mistoqsijiet Parlamentari 13330 u 13600.
Awtorita tad-Djar – każ ta’ individwu minn Santa Luċija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fhiex waslet l-applikazzjoni mal-Awtorità tad-Djar li d-detalji dwarha qed jintbagħtu separatament li tikkonċerna anzjana u omm persuna b’diżabilità li tirrisjedi f’Santa Luċija u liema applikazzjoni hija qaltli li ilha pendenti mis-17 ta’ Diċembru 2013 għal tiswija ta’ ċint fil-bitħa tal-appartament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet mitluba fl-applikazzjoni msemmija jikkonsistu f’tibdil ta’ ċint fil-front garden tal-post li, skont il-policy ta’ Tiswijiet tal-Awtorita’ tad-Djar, tiswijiet minuri ta’ dan it-tip jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tal-inkwilin innifsu. L-Awtorita’ tad-Djar toffri Skema ADP fejn, suġġett għall-kundizzjonijiet applikabbli, tagħti għajnuna finanzjarja biex isiru xogħlijiet ta’ tranġar permezz ta’ kuntratturi mqabbdin mir-residenti stess.
Memorandum of Understading bejn il-Gvern Malti u l-Gvern tal-Ażerbajġan
Question
Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Memorandum of Understanding u kull ftehim ieħor li huwa ffirma f’isem il-Gvern Malti mal-Gvern tal-Ażerbajġan minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru konċernat.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13697 dwar armi rreġistrati Malta, jista’ l-Ministru jispjegali x’inhu l-iskop jew l-użu ta’ żewġ rocket launchers irreġistrati f’pajjiżna li, sa fejn naf jien, s’issa huwa pajjiż newtrali bla ebda ħsieb li jieħu sehem f’xi gwerra? Jinkwieta li f’pajjiżna hawn rocket launchers jew le?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jelenka biss il-kuntratti u ftehim li minn Marzu 2013 s'issa huwa ppublika jew qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'rabta mal-produzzjoni tal-enerġija jew il-politika tal-Gvern dwar l-enerġija
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dak li qed jirreferi għalih diġa’ tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
MCCAA – Bord tal-Intervisti għall-Għa¿la ta’ Direttur Ġenerali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux veru li l-bord tal-intervisti għall-għażla ta’ Diretturi Ġenerali tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur kien chaired mill-permanent secretary tal-Ministeru tagħha?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lil Onor Interpellant li l-bord tal-intervisti għall-għażla ta’ Diretturi Ġenerali tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur kien chaired mill-Permanent Secretaryfil-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk japprovax u jaqbilx mad-deċiżjoni li qed tkun komunikata lill-diversi spetturi tal-Korp tal-Pulizija li qed tkun rifjutata across the board kull talba għal reduced hours?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi id-deċizjoni dwar ir-reduced hours fil-Korp tal-Pulizija, kif imsemmija fl-interpellanza, ittieħdet minħabba l’ammont konsiderevoli ta’ uffiċċjali li jaqgħu taħt dawn il-kundizzjonijiet. Dan qed jikkaġuna problemi fl-amministrazzjoni għat-tqassim tax-xogħol tal-pulizija, u għal daqstant dan jitlob illi is-sistema tiġi riveduta għal kazijiet diġa ezistenti, kull kaz jitqies fuq il-merti tieghu u dan dejjem fil-qafas tal-ħteġijiet tal-Korp.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt, jew kopja tiegħu, li Transport Malta iffirmat mal-Autobuses Urbanos de Leon u li, kif jiftakar il-Ministru stess, fl-ewwel jiem ta’ Jannar 2015 hu kien wiegħed li jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra appena l-Kamra tirriżumi xogħolha fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar 2015?
Response (MIZZI, JOE)
Inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li kopja tal-kuntratt mitlub ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Inserraħlu rasu ukoll li jien niftakar sew x’ inkun għidt, daqs kemm niftakar sew li l-kuntratt li sar mal-kumpanija Arriva Malta Ltd ħa kważi ħdax-il xahar biex tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minn meta kien ġie iffirmat. Infakkru li l-kuntratt kien ġie iffirmat nhar l-20 ta’ Novembru 2010 u tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-3 t’Ottubru tas-sena ta’ wara. Infakkru ukoll li dan il-kuntratt kien tpoġġa fuq il-Mejda b’ xi informazzjoni imneħħija minnu hekk kif stqarr l-istess Ministru responsabbli mit-trasport ta’ dak iż-żmien. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27764 ta’l-aħħar leġiżlatura biex jivverifika dan kollu. Madankollu nerġa inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-mument opportun, ġaladarba l-poplu jkun infurmat sew b’dak kollu li jirrigwarda l-operat il-ġdid tat-trasport pubbliku. Għal dan il-għan f’ Marzu li ġej ser titniehda kampanja estensiva ta’ informazzjoni. Qed nagħmlu l-affarijiet kif għandhom isiru, biex ma nirrepetux l-istess żbalji li saru mill-Gvern preċedenti fil-perjodu meta l-Arriva ħadet f’ idejha l-operat tat-trasport pubbliku f’pajjiżna fl-2011.
Għaldaqstant nixtieq infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant fil-kampanja negattiva li ilha għaddejja min-naħa tal-Oppożizzjoni li l-uniku għan tagħha, kien u għadu, li tiżra’ d-dubji fost il-poplu. Infakkru fl-istorja maħluqa mill-Oppożizzjoni dwar ir-raġuni li wasslet lill-Arriva biex twaqqaf l-operat tagħha ġewwa pajjiżna. Infakkru li l-kumpanija Arriva kienet talbet €45 miljun f’sussidju biex topera rotot proposti mill-Gvern preżenti, liema rotot ser jiġu maħduma mill-operatur il-ġdid b’sussidju ta’ €29 miljun. Konna wasalna f’punt fejn l-Arriva Malta Ltd. riedet li tillikwida l-kumpanija. Għaldaqstant aħna għamilna dak kollu possibli sabiex impedejna milli dan iseħħ billi xtrajna il-kumpanija għal Euro u waqqafna kumpanija tranżitorja, il-Malta Public Transport Services Ltd. sakemm jintagħżel l-operatur il-ġdid. B’hekk salvajna l-impjiegi tal-ħaddiema u bqajna noffru servizz ta’ trasport pubbliku aħjar minn dak li sibna. Saret kritika distruttiva għall-aħħar min-naħa tal-Oppożizzjoni, minkejja li kull statistika miġbura kienet turi mod ieħor, fil-perjodu li l-operat tat-trasport pubbliku kien f’idejn il-kumpanija tal-Gvern. Matul dan il-perjodu kien hemm żieda fil-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, żieda fil-bejgħ ta’ biljetti, kif ukoll żieda fil-manutenzjoni tal-karozzi li wasslet għal inqas inċidenti. Rajna ukoll tnaqqis drastiku fl-ilmenti. Akkużaw lill-MPTS li kienet waqqfet ċertu Night Routes, meta fil-fatt dawn kienu twaqqfu żmien qabel, meta t-trasport kien għadu f’ idejn l-Arriva. L-istess ġara meta l-Arriva, f’lejliet l-ewwel tas-sena, fl-aħħar jiem tal-operat tagħha f’ pajjiżna, talbet €5 għal kull vjaġġ . Li ma qalitx l-Oppożizzjoni hu li l-ftehim iffirmat mill-istess Oppożizzjoni, dak iż-żmien fil-Gvern, kien jippermetti li jsir dan.
Infakkru ukoll fl-istorja mibnija mill-Oppożizzjoni fir-rigward tal-kumpanija Skoċċiża McGill’s li qalu rtirat l-interess tagħha minħabba l-intoppi li sabet min-naħa tal-Gvern. Infakkar li meta l-kumpanija McGill’s kienet bagħtet rappreżentanti tagħha ġewwa pajjiżna biex jagħmlu laqgħat max-xufiera, il-Partit Nazzjonalista kien ipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern żamm din il-laqgħa mistura. Dan meta il-Ministeru tiegħi lanqas biss kien jaf b’din il-laqgħa aħseb u ara kemm stajna konna involuti f’din l-istess laqgħa. L-istess Partit Nazzjonalista kien qal li b’ McGill’s f’ Malta, kien ser ikollna Arriva oħra, u dan minħabba l-fatt li d-direttur maniġerjali ta’ din il-kumpanija qabel kien jaħdem mal-Arriva.
L-istess ġara fil-konfront tal-kumpanija National Express. Il-Partit Nazzjonalista anke f’ dan il-każ, permezz tal-kelliema tiegħu, qal li kien diffiċli li taħdem mal-Gvern u li l-istess Gvern kien qed juża politika ta’ ħabi. Kontradizzjoni fl-għola livell, meta tqis li l-kumpanija li illum qed tmexxi t-trasport pubbliku f’ pajjiżna hija kumpanija sussidjarja ta’ l-istess National Express .
Kampanja negattiva saret ukoll fuq żjara ta’ verifikazzjoni li saret ġewwa Spanja fuq l-operat tal-kumpanija Autobuses de Leon, bi klawsola fl- Expression of Interest kienet tippermetti li jsir dan. U dan sar peress li d-differenza fit-talba għas-sussidju mill-kumpanija Arriva, dik Spanjola u dik Maltija kienet waħda sostanzjali. Filwaqt li l-iSpanjoli talbu sussidju ta’ 29 miljun ewro, it-talba tal-Arriva kienet ta’ 45 miljun ewro u tal-Maltin kienet ta’ 40 miljun ewro. Ridna nivverifikaw li din id-differenza fit-talba ma jkolliex impatt negattiv fis-servizz offrut. L-Oppożizzjoni mill-ewwel ħarġet bl-attakki tagħha fuq din il-kumpanija Spanjola biex ibeżżgħu lill-poplu, fosthom li din hija kumpanija provinċjali u tħaddem ftit nies. Beżżgħu li ser ikun hemm tkeċċija ta’ ħaddiema mill-istess Spanjoli, kif ukoll li l-impjiegi tal-Maltin kien ser jiġi meħud mill-ħaddiema Spanjoli, meta l-fatti qed juru mod ieħor. Mhux talli ma tkeċċewx ħaddiema, iżda qed isiru sejħiet biex jiġu ingaġġati aktar ħaddiema ma’ dawk li diġa’ hemm. U l-Oppożizzjoni bl-aġir tagħha qed tkompli tippersisti bin-negattivita’ tagħha. Tant hu hekk, li ftit jiem ilu, fi programm fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali, waqt diskussjoni li kont preżenti għaliha jien, kien hemm rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista li ppruvat tiżvija u titfa’ d-dubji, speċjalment fejn jidħlu t-tariffi l-ġodda li ser jiġu introdotti f’ Lulju li ġej.
Biex is-servizz u l-effiċjenza tat-trasport pubbliku tkompli titjieb il-Gvern ser jibqa’ impenjat li jnaqqas l-inkonvenjent ikkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku. Anke hawn, l-Oppożizzjoni ma għamlitx dmirha sewwa kif kien mistenni li tagħmel. Bil-ftuħ ta’ Dock 7, indirizzajna b’mod konkret il-problema tat-traffiku fin-naħa t’ isfel ta’ Malta. Iżda anke hawn, l-Oppożizzjoni beżżet lill-poplu biex ma jużax Dock 7 għax skont huma, il-karozzi li kienu ser jagħmlu użu mid-Dock, ma kienux inxurjati. Baqgħu jinsistu li l-Bendy Buses għandhom jibqgħu jiċċirkolaw fit-toroq tagħna, meta kienu jafu li dawn kienu wieħed mill-fattur li kien qed jikkawża il-konġestjoni fit-traffiku, apparti l-inċidenti ta’ ħruq li kellhom l-istess karozzi, b’sogru għall- passiġġieri u għal sewwieqa oħra. L-istess Kap tal-Oppożizzjoni akkużana li s-sitwazzjoni tat-traffiku kienet marret għal agħar, iżda meta mistoqsi xi ħsieb għandu kif jista’ jsolvi din il-problema, it-tweġiba tiegħu kienet li hu qiegħed fl-Oppożizzjoni u r-risposti għandhom jiġu mingħand il-Ministru responsabbli u mhux mingħandu.
Dan kollu juri li l-għan ewlieni tal-Oppożizzjoni kien li tfixkel il-ħidma tal-Gvern biex jinstab operatur ġdid tat-trasport pubbliku , minflok li tagħti is-sehem tagħha, kif kellha d-dmir li tagħmel. Kumbinazzjoni waqt id-diskors tal-budget, dak inhar il-UBS għamlu talba għall-mandat li temporanjament kien ġie milqugħ. Fil-bidu tas-seduta, l-Oppożizzjoni dehret sodisfatta li kien sar dan il-mandat, meta jien lanqas biss kont għadni naf li sar. Dan seta’ ipperikola il-ftehim milħuq mal-operatur il-ġdid. Tajjeb li nfakkar ukoll li dan il-mandat inqata’ favur il-Gvern, bl-Oppożizzjoni ma tantx turi li hija sodisfatta b’ din id-deċiżjoni. Madankollu, il-ħidma tal-Gvern kompliet għaddejja minkejja dawn l-intoppi kollha. Fassalna rotot ġodda wara konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku u mal-kunsilli lokali kollha, u dan mingħajr ma tfajna piż żejjed fuq il-poplu. Ħaddieħor nefaq miljun ewro fuq kampanja ta’ konsulenza u informazzjoni li wasslet biss għal kaos fil-pajjiż.
Illum pajjiżna għandu operatur tat-trasport pubbliku ġdid u jien bħala Ministru ser nesiġi li l-istess operatur jimxi mal-ftehim biex ikollna servizz li jkun aċċettat mill-poplu Malti u Għawdxi kollu minkejja d-diffikultajiet li sibna.
Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi r-raġuni għala fit-22 ta’ Jannar 2015, fil-kawżi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, individwu “A”, xehed u ppreżenta r-rapport tal-inkjesta interna (li kienet saret minn bord immexxi minn individwu “B” ) u rabat il Qorti biex dan ir-rapport jibqa’ maqful għand il-Maġistrat sedenti, aċċessibbli biss għall-partijiet fil-kawżi msemmija, meta l-ex Kummissarju Zammit kien iddikjara fit-3 ta’ Settembru 2013 (rappurtat front page fit-Times of Malta) li “he will publish the findings to put people’s minds at rest”? Jaf il-Ministru li ilni nagħmel interpellanzi fil-Parlament lilu dwar dan ir-rapport u t-tweġiba dejjem tkun li dan ikun ippubblikat fil-mument opportun? Jaf li ġejna f’sitwazzjoni fejn partijiet f’kawża u avukati għandhom aċċess għal dan ir-rapport mentri l-Parlament qed ikun imċaħħad minn tali rapport? Jaħsibx li dan l-aġir jimmina l-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija li hu qal li jrid jerfa’ ‘l fuq?
Id-dettalji tal-individwi msemmija qed jingħataw separatament.
Response (ABELA, CARMELO)
L-Onorevoli Interpellant huwa skorrett fil-konkluzjonijiet tiegħu fil-mistoqsija li prezenta. Hija l-Qorti li tiddeċiedi dwar l-ezitu tar-rapport. Dwar dak li qal li jien għedt bħala Ministru, mhux minnu li r-referenza għall-publikazzjoni ta’ inkjesta fil-mument opportun kienet għall-inkjesta nterna tal-Pulizija msemmija fil-mistoqsija. Id-deċizjoni dwar il-pubblikazzjoni ta’ nkjesta nterna tal-Pulizija nemmen li għandha tkun fid-diskrezzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Aġenzija Identità Malta – żieda fil-ħlasijiet tas-servizzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-servizzi tal-Aġenzija Identità Malta li żdied il-ħlas tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2015, u minn kemm għal kemm żdiedu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għal mistoqsija parlamentari 13331, kif ukoll ghall-informazzjoni addizjonali li tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra fid-19 ta’ Jannar 2015.
Jista’ l-Ministru jindika abbażi ta’ liema artiklu tal-liġi huma msejsa ż-żidiet fit-tariffi li mill-1 ta’ Jannar 2015 huma applikabbli għall-Qrati tal-Ġustizzja?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bdil fit-tariffi tal-Qorti li sar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 għandu l-bażi legali tiegħu fl-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ Att li Jimplimenta Miżuri tal-Estimi (Abbozz Nru 74) abbinat mal-Proklama li ħarġet fis-17 ta’ Novembru 2014 skont l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Erarju (Kap 62).
Huwa wkoll imminenti li jinħareg Avviż Legali li jkun jista’ jemeda t-tariffi qabel ma jgħaddi l-Att li jimplimenta l-Miżuri tal-Estimi biex b’ hekk it-tariffi l-ġodda ma jibqgħux legalment dipendenti fuq il-Proklama. Dan pero biss għal raġunijiet ta’ speditezza, prattiċita u ekonomija ta’ ħin Parlamentari u mhux għal raġunijiet ta’ validita legali o meno.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wasalx fi ftehim finali mal-Malta Police Association dwar il-kwistjoni li wasslet lill-MPA biex tippre¿enta proċess ġudizzjarju f’Novembru 2014 fil-qorti kontra l-Gvern minħabba t-tibdil tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa diġa saru laqgħat informali bejn iz-zewġ naħat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wasalx fi ftehim mal-Ombudsman dwar il-kwistjoni tal-promozzjonijiet li ngħataw fl-Armata fl-2013 u li wasslet biex l-Ombudsman jippreżenta protest ġudizzjarju fil-qorti kontra l-Gvern fl-2014?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li diġa ltqajt mal-Ombudsman u hemm il-ħsieb li nerġgħu niltaqaw fil-futur qrib.