Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #14163 Sitting 240 2015-02-18 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċju tal-Prim Ministru — positions of trust

Question

Jista' l-Prim Ministru jelenka u jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għal-mistoqsija parlamentari nru 14110.

Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — positions of trust

Question

Jista' l-Ministru jelenka u jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — positions of trust

Question

Jista' l-Ministru jelenka u jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (VELLA, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar.

MOBC – persuni inkarigati mit-tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-persuni inkarigati mit-tmexxija tal-MOBC fl-2014?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuni nkarigati mit-tmexxija tal-MOBC fl-2014 kienu: Louis Giordmaina – Chairman Mario Zammit – Chairman (minn Frar)

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – xogħol offrut lil soċjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet ingħataw mill-entitajiet li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru tiegħu lis-soċjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minn Marzu 2013 sal-lum? Liema minn dawn l-inkarigu ta’ xogħlijiet kien riżultat ta’ tender u liema b’direct order u f’kull każ kemm kien il-valur tax-xogħol?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – xogħol offrut lil soċjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet ingħataw mill-entitajiet li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru tiegħu lis-soċjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minn Marzu 2013 sal-lum? Liema minn dawn l-inkarigu ta’ xogħlijiet kien riżultat ta’ tender u liema b’direct order u f’kull każ kemm kien il-valur tax-xogħol?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma nagħtaw ebda xogħlijiet mill-entitajiet li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru tiegħi lis-soċjeta' msemmija.

Individual Investor Programme – rapport tar-Regolatur

Question

Jista’ l-Ministru jindika d-data ta’ meta r-rapport tar-Regolatur tal-Individual Investor Programme għas-sena 2014 ġie ppubblikat jew imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data – investigazzjonijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13612, tista' l-Ministru tara jekk hemmx investigazzjoni pendenti mill-Uffiċċju tad-Data Protection Commissioner dwar Transport Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data diġa` ta ir-risposta fil-Mistoqsija Parlamentari 13612 fejn ġie spjegat illi f’dawk il-każi li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data, mhijiex il-prassi tal-Uffiċċju li jinħarġu dettalji ta’ ilmenti li għadhom taħt investigazzjoni pendenti. Dan sakemm ma jkunx l-istess kontrollur tad-data jew il-persuna li tkun issottomettiet l-ilment illi toħroġ tali informazzjoni, jew inkella l-każ ikun ħa prominenza pubblika, b’xi mod jew ieħor, fejn din tkun barra mill-kontroll ta’ dan l-Uffiċċju. Għaldaqstant, il-Kummissarju la jikkonferma u lanqas jiċħad jekk bħalissa hemmx investigazzjoni pendenti, rigward protezzjoni tad-data, fil-konfront ta’ Transport Malta.
Leg 12 PQ #14095 Sitting 239 2015-02-17 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Diviżjoni Proprjetà tal-Gvern – encroachment permits

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il encroachment permit ħarġet id-Diviżjoni Proprjetà tal-Gvern fl-2013 u l-2014? Kemm minnhom ma kinux jeżistu fl-2012?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni għada qed tinġabar

Anzjani li qabżu l-75 sena — ċekkijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex iċ-ċekk ta’ €300 lill-anzjani li qabżu l-75 sena għadu ma ħariġx lill-benefiċċjarji?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pagamenti ta’ €300 lill-anzjani li qabżu l-75 sena tħallsu s-Sibt 7 ta’ Frar, 2015. Inżid ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa normali li l-pagament ta’ dan il-benefiċċju joħroġ fil-bidu ta’ Frar.

MCCAA – ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni

Question

Tista' l-Ministru telenka s-suġġett tal-każijiet pendenti li l-MCCAA qed tinvestiga fuq allegat ksur tal-Liġi tal-Kompetizzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju għal-Kompetizzjoni (MCCAA) qed jinvestiga każijiet li jaqgħu taħt xi wieħed minn dawn is-setturi: assigurazzjoni, enerġija, telekominkazzjoni, uniformijiet ta’ l-iskejjel, prodotti tat-tabakk, ambjent, transport, finanzjarju, propjeta, agrikoltura, xorb, ikel u gaming.

Politika tal-Gvern dwar l-enerġija – pubblikazzjoni ta’ kuntratti/ftehim

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13712, jista’ l-Ministru sempliċement jelenka l-kuntratti jew ftehim li l-Gvern s’issa ppubblika b’rabta mal-produzzjoni tal-enerġija jew il-politika tal-Gvern dwar l-enerġija?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13712 (tlettax-il elf, seba’ mija u tnax).

Memorandum of Understading bejn il-Gvern Malti u l-Gvern tal-Ażerbajġan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13830 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Memorandum of Understanding u kull ftehim ieħor li huwa ffirma f’isem il-Gvern Malti mal-Gvern tal-Ażerbajġan minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Memorandum of Understanding ser ikun qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġranet li ġejjin.

Transport Malta – ingaġġ ta’ impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat ġdid se timpjega magħha Transport Malta fil-ġimgħat li ġejjin? Se jkun hemm sejħa pubblika għalihom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta timpjega skont l-eżiġenzi tas-servizz u dejjem skont il-Kostituzzjoni u d-direttivi stabbiliti tal-Gvern dwar reklutaġġ ma’ dipartimenti u entitajiet pubbliċi.

Transport Malta – ingaġġ ta’ inspectors u security personnel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inspector u security personnel se timpjega magħha Transport Malta fil-jiem jew ġimgħat li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta mhux ser timpjega l-ebda inspector jew security personnel fil-jiem jew ġimgħat li ġejjien. M’hemm l-ebda proċess mibdi sabiex jiġu mpjegati ħaddiema f’dawn iż-żewġ kategoriji.

Enemed / Enemalta – Risk Management Committee

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri preżenti tar-Risk Management Committee tal-Enemed u/jew tal-Enemalta, skond il-każ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-membri preżenti tar-Risk Management Committee huma Attard Henry, Azzopardi Fredrick, Cassar Francis, Chircop Kevin, Ellul Emanuel, Galea Antoine, Sapiano Ian, Scerri Jonathan, Scicluna Godfrey, Xin Chen u Yimin Xu.

ARMS u Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13631 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ direct orders mogħtija u lil min mill-ARMS u mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13631.

Malta Police Association – Ftehim dwar l-awtonomija tal-Korp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadu ma wasalx fi ftehim mal-Malta Police Association dwar l-addendum li l-MPA tħoss li jneħħi l-awtonomija tal-Korp? Il-Ministru ta lilu nnifsu skadenza sa meta jrid ikun wasal fi ftehim?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-diskussjonijiet għadhom għadejjin.

Armata – Ftehim mal-Ombudsman dwar promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadu ma wasalx fi ftehim mal-Ombudsman dwar il-kwistjoni tal-promozzjonijiet li ngħataw fl-Armata fl-2013? Il-Ministru ta lilu nnifsu skadenza sa meta jrid ikun wasal fi ftehim?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 13602.

Autobuses Urbanos de Leon — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sa liema data ser ikun qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li Transport Malta ffirmat ma’ Autobuses Urbanos de Leon kif kien wiegħed hu stess li ser jagħmel appena l-Kamra tirriżuma xogħolha fit-tieni gimgħa ta’ Jannar 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġaladarba l-poplu ikun infurmat b’dak kollu li għandu jkun jaf fuq is-servizz tat-trasport pubbliku ġdid, u dan mingħajr tfixkil min-naħa tal-Oppożizzjoni li jidher biċ-ċar li l-unika għan tagħha hu li tħawwad l-imħuħ, il-kuntratt iffirmat mal-Autobuses de Leon jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li dan mhux ser idum ma jiġri daqs kemm dam biex tpoġġa l-kuntratt li Gvern preċedenti kien għamel mal-kumpanija Arriva. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt li sar mal-kumpanija Arriva Malta Ltd ħa kważi ħdax-il xahar biex tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minn meta kien ġie iffirmat. Infakkru li l-kuntratt kien ġie iffirmat nhar l-20 ta’ Novembru 2010 u tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-3 t’Ottubru tas-sena ta’ wara. Infakkru ukoll li dan il-kuntratt kien tpoġġa fuq il-Mejda b’ xi informazzjoni imneħħija minnu hekk kif stqarr l-istess Ministru responsabbli mit-trasport ta’ dak iż-żmien. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27764 ta’ l-aħħar leġiżlatura biex tivverifika dan kollu. Madankollu nerġa inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-mument opportun. F’ Marzu li ġej ser titniehda kampanja estensiva ta’ informazzjoni u dan sabiex ninfurmaw lill-poplu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid. Qed nagħmlu l-affarijiet kif għandhom isiru, biex ma nirrepetux l-istess żbalji li saru mill-Gvern preċedenti fil-perjodu meta l-Arriva ħadet f’ idejha l-operat tat-trasport pubbliku f’pajjiżna fl-2011. Għaldaqstant nixtieq infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant fil-kampanja negattiva li ilha għaddejja min-naħa tal-Oppożizzjoni li l-uniku għan tagħha, kien u għadu, li tiżra’ d-dubji fost il-poplu. Infakkru fl-istorja maħluqa mill-Oppożizzjoni dwar ir-raġuni li wasslet lill-Arriva biex twaqqaf l-operat tagħha ġewwa pajjiżna. Infakkru li l-kumpanija Arriva kienet talbet €45 miljun f’sussidju biex topera rotot proposti mill-Gvern preżenti, liema rotot ser jiġu maħduma mill-operatur il-ġdid b’sussidju ta’ €29 miljun. Konna wasalna f’punt fejn l-Arriva Malta Ltd. riedet li tillikwida l-kumpanija. Għaldaqstant aħna għamilna dak kollu possibli sabiex impedejna milli dan iseħħ billi xtrajna il-kumpanija għal Euro u waqqafna kumpanija tranżitorja, il-Malta Public Transport Services Ltd. sakemm jintagħżel l-operatur il-ġdid. B’hekk salvajna l-impjiegi tal-ħaddiema u bqajna noffru servizz ta’ trasport pubbliku aħjar minn dak li sibna. Saret kritika distruttiva għall-aħħar min-naħa tal-Oppożizzjoni, minkejja li kull statistika miġbura kienet turi mod ieħor, fil-perjodu li l-operat tat-trasport pubbliku kien f’idejn il-kumpanija tal-Gvern. Matul dan il-perjodu kien hemm żieda fil-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, żieda fil-bejgħ ta’ biljetti, kif ukoll żieda fil-manutenzjoni tal-karozzi li wasslet għal inqas inċidenti. Rajna ukoll tnaqqis drastiku fl-ilmenti. Akkużaw lill-MPTS li kienet waqqfet ċertu Night Routes , meta fil-fatt dawn kienu twaqqfu żmien qabel, meta t-trasport kien għadu f’ idejn l-Arriva. L-istess ġara meta l-Arriva, f’lejliet l-ewwel tas-sena, fl-aħħar jiem tal-operat tagħha f’ pajjiżna, talbet €5 għal kull vjaġġ . Li ma qalitx l-Oppożizzjoni hu li l-ftehim iffirmat mill-istess Oppożizzjoni, dak iż-żmien fil-Gvern, kien jippermetti li jsir dan. Infakkru ukoll fl-istorja mibnija mill-Oppożizzjoni fir-rigward tal-kumpanija Skoċċiża McGill’s li qalu rtirat l-interess tagħha minħabba l-intoppi li sabet min-naħa tal-Gvern. Infakkru li meta l-kumpanija McGill’s kienet bagħtet rappreżentanti tagħha ġewwa pajjiżna biex jagħmlu laqgħat max-xufiera, il-Partit Nazzjonalista kien ipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern żamm din il-laqgħa mistura. Dan meta il-Ministeru tiegħi lanqas biss kien jaf b’din il-laqgħa aħseb u ara kemm stajna konna involuti f’din l-istess laqgħa. L-istess Partit Nazzjonalista kien qal li b’ McGill’s f’ Malta, kien ser ikollna Arriva oħra, u dan minħabba l-fatt li d-direttur maniġerjali ta’ din il-kumpanija qabel kien jaħdem mal-Arriva. L-istess ġara fil-konfront tal-kumpanija National Express. Il-Partit Nazzjonalista anke f’ dan il-każ, permezz tal-kelliema tiegħu, qal li kien diffiċli li taħdem mal-Gvern u li l-istess Gvern kien qed juża politika ta’ ħabi. Kontradizzjoni fl-għola livell, meta tqis li l-kumpanija li illum qed tmexxi t-trasport pubbliku f’ pajjiżna hija kumpanija sussidjarja ta’ l-istess National Express . Kampanja negattiva saret ukoll fuq żjara ta’ verifikazzjoni li saret ġewwa Spanja fuq l-operat tal-kumpanija Autobuses de Leon, bi klawsola fl- Expression of Interest kienet tippermetti li jsir dan. U dan sar peress li d-differenza fit-talba għas-sussidju mill-kumpanija Arriva, dik Spanjola u dik Maltija kienet waħda sostanzjali. Filwaqt li l-iSpanjoli talbu sussidju ta’ 29 miljun ewro, it-talba tal-Arriva kienet ta’ 45 miljun ewro u tal-Maltin kienet ta’ 40 miljun ewro. Ridna nivverifikaw li din id-differenza fit-talba ma jkolliex impatt negattiv fis-servizz offrut. L-Oppożizzjoni mill-ewwel ħarġet bl-attakki tagħha fuq din il-kumpanija Spanjola biex ibeżżgħu lill-poplu, fosthom li din hija kumpanija provinċjali u tħaddem ftit nies. Beżżgħu li ser ikun hemm tkeċċija ta’ ħaddiema mill-istess Spanjoli, kif ukoll li l-impjiegi tal-Maltin kien ser jiġi meħuda mill-ħaddiema Spanjoli, meta l-fatti qed juru mod ieħor. Mhux talli ma tkeċċewx ħaddiema, iżda qed isiru sejħiet biex jiġu ingaġġati aktar ħaddiema ma’ dawk li diġa’ hemm. U l-Oppożizzjoni bl-aġir tagħha qed tkompli tippersisti bin-negattivita’ tagħha. Tant hu hekk, li ftit jiem ilu, fi programm fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali, waqt diskussjoni li kont preżenti għaliha jien, kien hemm rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista li ppruvat tiżvija u titfa’ d-dubji, speċjalment fejn jidħlu t-tariffi l-ġodda li ser jiġu introdotti f’ Lulju li ġej. Biex is-servizz u l-effiċjenza tat-trasport pubbliku tkompli titjieb il-Gvern ser jibqa’ impenjat li jnaqqas l-inkonvenjent ikkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku. Anke hawn, l-Oppożizzjoni m’għamlitx dmirha sewwa kif kien mistenni li tagħmel. Bil-ftuħ ta’ Dock 7, indirizzajna b’mod konkret il-problema tat-traffiku fin-naħa t’ isfel ta’ Malta. Iżda anke hawn, l-Oppożizzjoni beżżet lill-poplu biex ma jużax Dock 7 għax skont huma, il-karozzi li kienu ser jagħmlu użu mid-Dock, ma kienux inxurjati. Baqgħu jinsistu li l- Bendy Buses għandhom jibqgħu jiċċirkolaw fit-toroq tagħna, meta kienu jafu li dawn kienu wieħed mill-fattur li kien qed jikkawża il-konġestjoni fit-traffiku, apparti l-inċidenti ta’ ħruq li kellhom l-istess karozzi, b’sogru għall- passiġġieri u għal sewwieqa oħra. L-istess Kap tal-Oppożizzjoni akkużana li s-sitwazzjoni tat-traffiku kienet marret għal agħar, iżda meta mistoqsi xi ħsieb għandu kif jista’ jsolvi din il-problema, it-tweġiba tiegħu kienet li hu qiegħed fl-Oppożizzjoni u r-risposti għandhom jiġu mingħand il-Ministru responsabbli u mhux mingħandu. Ta’ min ifakkar li minn studju li kien sar mill- Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Universita’ ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea rappreżentata f’Malta, is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna fil-perjodu ta’ Gvern preċedenti kienet ħafna aktar imwiegħra milli kienu jippruvaw ipinġuha. Dan l-istudju sar fl-2012, fit-tieni sena tal-operat tal-kumpanija Arriva. Hawnhekk rajna nuqqas fin-numru ta’ passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, bil-konsegwenza li rajna żieda fil-karozzi privati fit-toroq tagħna, kif ukoll żieda drastika f’ inċidenti tat-traffiku. Dan kollu kien konsegwenza tal-falliment fir-riforma tat-trasport pubbliku. Ta’ min wieħed jinnota li waħda mill-persuni li għamlu dan l-istudju hija l-istess persuna li llum il-ġurnata tmexxi wieħed mid-disa’ fora maħtura mill-Partit Nazzjonalista. Dan kollu juri li l-għan ewlieni tal-Oppożizzjoni kien li tfixkel il-ħidma tal-Gvern biex jinstab operatur ġdid tat-trasport pubbliku , minflok li tagħti is-sehem tagħha, kif kellha d-dmir li tagħmel. Kumbinazzjoni waqt id-diskors tal-budget, dak inhar il-UBS għamlu talba għall-mandat li temporanjament kien ġie milqugħ. Fil-bidu tas-seduta, l-Oppożizzjoni dehret sodisfatta li kien sar dan il-mandat, meta jien lanqas biss kont għadni naf li sar. Dan seta’ ipperikola il-ftehim milħuq mal-operatur il-ġdid. Tajjeb li nfakkar ukoll li dan il-mandat inqata’ favur il-Gvern, bl-Oppożizzjoni ma tantx turi li hija sodisfatta b’ din id-deċiżjoni. Intopp ieħor mill-Oppożizzjoni kienet meta l-kuntratt bejn l- Autobuses de Leon u l-UBS ma ġiex imġedded minħabba nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat. Il-kumpanija Spanjola għamlet arranġamenti oħra biex is-servizz setgħa jkompli mingħajr ebda inkonvenjent għall-passiġieri. Hawnhekk l-Oppożizzjoni permezz tal- media tagħha tat l-impressjoni li ntużaw mini-buses minflok coaches , meta dawn l-istess mini-buses kienu ilhom jintużaw fuq diversi rotot. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li għadhom jintużaw l-istess ammont ta’ mini-buses daqs kemm kienu qed jintużaw meta il-ftehim mal-UBS kien għadu fis-seħħ. Il-kumpanija Spanjola kkonfermat li qed tissorvelja s-sitwazzjoni kuljum u sa issa ma kienx hemm problemi kbar fis-servizz. Sadanittant bdew jaslu aktar karozzi tal-linja low floor li qed jiżdiedu mal-flotta preżenti. Issa l-Oppożizzjoni qed tapprofitta ruħha ukoll minn persuni b’ diżabilita’ u tużahom bħala ballun politiku. Qajjmet l- issue tal-persuni b’ diżabilita’ li jużaw scooters . Li ma qalux hu li l-Arriva kienet ħolqot policy li ċertu scooters ma jitħallewx jitilgħu fuq il-karozzi tal-linja u din ir-restrizzjoni kienet parti mill-kundizzjoni tal-ġarr ta’ persuni. U Gvern preċedenti la qatt tkellem fuq din l- issue , aħseb u ara kemm oġġezzjona għaliha !! Fil-jiem li għaddew, fuq talba tiegħi, Transport Malta flimkien mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ (KNPD), għamlu sensiela ta’ provi ta’ motorised wheelchairs u mobility scooters ħdejn l-uffiċċji tal-istess KNPD ġewwa Ħal-Far. Il-prova saret kemm fuq karozza li ilha fis-servizz għal dawn l-aħħar erba’ snin, kif ukoll fuq karozza li daħħlet fis-servizz ftit tal-jiem ilu pprovduti mill- Malta Public Transport. Fi stqarrija konġunta minn Transport Malta u l- KNPD, ġie spjegat li hemm diversi tipi ta’ motorised wheelchairs u mobility scooters . Il- motorised wheelchairs li huma simili għall- wheelchairs normali setgħu jimmanuvraw tajjeb fuq il-karozzi. Min-naħa l-oħra mobility scooters li huma ġeneralment itwal minn motorised wheelchairs , ma setgħux jimmanuvraw u għaldaqstant ma jistgħux jintużaw fuq il-karozzi. Madankollu jeżistu mobility scooters, inkluż dawk bi tlett roti, li jimmanuvraw tajjeb u b’mod sigur fuq il-karozzi u skont ċertu persuni li jużaw dawn l-istess scooters ġieli ntużaw fuq karozzi tal-linja hawn Malta. Transport Malta u l- KNPD ħabbru li sett ta’ linji gwida ser ikunu preparati biex jiddistingwu bejn mobility scooters li jistgħu jintużaw fuq il-karozzi u bejn dawk li sfortunatament ma jistgħux jintużaw minħabba id-daqs tagħhom. B’hekk dawk il- wheelchairs u scooters li kienu jużaw il-karozzi jistgħu jibqgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz. Stickers speċjalizzati ta’ identifikazzjoni ser jingħataw minn Transport Malta biex jitwaħħlu fuq dawn l- i scooters sabiex b’hekk ikunu jistgħu jiġu identifikati mix-xufiera. Nixtieq nagħmel referenza fejn persuna li tagħmel użu minn electric scooter ma tħallietx titla’ fuq tal-linja mix-xufier. Ninsab infurmat li din il-persuna ġiet avviċinata mill-operatur fejn ġie spjegat lilha il- conditions of carriage u tinsab sodisfatta bl-informazzjoni mogħtija lilha. Il-ħidma tal-Gvern kompliet għaddejja. Fassalna rotot ġodda wara konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku u mal-kunsilli lokali kollha, u dan mingħajr ma tfajna piż żejjed fuq il-poplu. Ħaddieħor nefaq miljun ewro fuq kampanja ta’ konsulenza u informazzjoni li wasslet biss għal kaos fil-pajjiż. Illum pajjiżna għandu operatur tat-trasport pubbliku ġdid u jien bħala Ministru ser nesiġi li l-istess operatur jimxi mal-ftehim biex ikollna servizz li jkun aċċettat mill-poplu Malti u Għawdxi kollu minkejja d-diffikultajiet li sibna.