Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttur tar-Reġistru Pubbliku – kawżi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kawża pendenti hemm fil-Qrati tagħna li saru kontra d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku u li huma dwar korrezzjoni ta’ atti ċivili?

Response (BONNICI, OWEN)

In-numru ta’ kawżi pendenti quddiem il-Qrati u Tribunali Malta hawn taħt indikati li saru kontra d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku u li huma dwar korrezzjoni ta’ atti ċivili huma kif ġej: Qorti tal-Appell Civili (Superjuri) 5 kawżi Qorti Ċivili, Prim’Awla 26 kawża Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) 1 kawża

Ġurijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ġurijiet pendenti fl-1 ta’ Ottubru 2013, 2014 u 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Data Ġuri pendenti 1 t’Ottubru 2011 110 1 t’Ottubru 2012 84 1 t’Ottubru 2013 81 1 t’Ottubru 2014 85 1 t’Ottubru 2015 83

Tnaqqis ta’ kawżi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jispjega u jagħti rendikont kif kien hemm tnaqqis, ta’ 11% tal-kawżi pendenti quddiem il-Qrati tagħna kif semma’ riċentement?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor Interpellant li l-istatistika li tinġabar mid-Direttorat tal-Ġustizzja hija bbażata fuq statistika ppublikata onlajn fuq is-sit justiceservices.gov.mt. Il-mod kif tiġi interpretata l-istatistika mill-uffiċjali addetti għal dan il-għan fi ħdan id-Direttorat tal-Ġustizzja huwa preċiżament in linea tal-mudell ta’ interpretazzjoni statistika li jintuża mill-organu appozitu tal-Kunsill ta’ l-Ewropa magħruf bħala s-CEPEJ li imbagħad fuqu jiġi maħdum il-Justice Scoreboard mill-Kummissjoni Ewropea. Irrid infakkar li waqt li s-CEPEJ tiffoka sija fuq il-kamp ċivili u sija fuq il-kamp kriminali, il-Justice Scoreboard jiffoka biss fuq is-settur ċivili. Punt ieħor li rrid infakkar hu li s-CEPEJ u allura sussegwentement il-Justice Scoreboard jiffokaw unikament fuq l-istatistika tal-Qrati tal-Prima Istanza. Huwa ta’ pjacir li nirrijafferma li minn analizi ta’ statistika riċenti skont il-mudell tas-CEPEJ, kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-ammont ta’ kawzi pendenti, sija fil-kamp Ċivili u sija fil-kamp Kriminali. Bejn Diċembru 2012 u Ġunju 2015 kien hemm tnaqqis ta’ 15% ta’ kawzi pendenti fil-Qrati Ċivili. Fil-Qrati Kriminali kien hemm tnaqqis ta’ 7% li jwassal għal medja ta’ madwar 11% li huwa kwazi żewġ perċentwali aħjar minn jekk nagħmlu l-istess analizi ma’ sitt xhur qabel (Ġunju 2012 u Ġunju 2015). Jekk mmorru ‘l hinn minn dak li jrid il-mudell statistiku tas-CEPEJ u nieħdu sija l-Prim Istanza u sija Sekonda Istanza allura nsibu li r-rata ta’ tnaqqis tibqa’ tajba imma tonqos xi ftit. Fil-fatt bejn Diċembru 2012 u Ġunju 2015 fiż-żewġ Istanzi t-tnaqqis fil-kawzi pendenti huwa ta’ madwar 9.5 fil-mija fil-kamp Ċivili u ta’ 5 fil-mija fil-kamp kriminali. Huwa mistenni li bir-riformi li qed indaħħlu u se nkomplu ndaħħlu, r-rata ta’ kawżi pendenti tibqa’ titjieb. Nieħu l-opportunita’ li ngħid li minkejja li l-ammont ta’ kawzi pendenti fil-Qrati tagħna qed jonqsu b’dawn il-figuri tant pozittivi, il-kejl tal-pending cases huwa biss wieħed minn tliet kejliet li wieħed juża biex ikejjel l-effiċjenza tal-Qrati skont il-mudell tas-CEPEJ. Hemm ukoll żewġ kejliet oħra: il-clearance rate (kemm jinqatgħu kawżi iktar milli jidħlu) u d-disposition time (kemm iddum kawża biex tinqata’ definittivament). Fil-kamp ċivili, pajjiżna qed jirreġistra clearance rate ta’ 104% li tagħmilna fost l-aħjar pajjiżi fil-Kunsill ta’ l-Ewropa kollu. Għalhekk sija t-test tal-pending cases u sija t-test tal-clearance rate, il-Qrati tagħna qed jaqtgħu figura tajba ħafna. L-isfida li jmiss hija li nkissru l-backlog li sfortunatament baqa’ jiġi akkumulat fis-snin li għaddew sabiex b’hekk anke r-rata tal-pending cases tmur ‘il quddiem. Bħala ammont globali jidher li bejn Ġunju 2012 u Ġunju 2015 kien hemm tnaqqis ta’ 7% fil-Qrati Ċivili u 3% fil-Qrati Kriminali. Nemmen li għad fadal ħafna x’jista’ jsir biex jitnaqqsu l-kawzi pendenti izda, kif jidher mill-istatistika ppubblikata, il-Gvern miexi fid-direzzjoni t-tajba biex dawn jiġu indirizzati.

Kawżi pendenti quddiem Imħallfin u Maġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem kull wieħed mill-Imħallfin u Maġistrati?

Response (BONNICI, OWEN)

L-ammont ta’ kawżi pendenti fit-30 ta’ Settembru 2015, huwa kif indikat fl-Tabelli li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra

Kawżi pendenti għas-sentenza quddiem Imħallfin u Maġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti għas-sentenza quddiem kull wieħed mill-Imħallfin u Maġistrati?

Response (BONNICI, OWEN)

L-ammont ta’ kawżi pendenti għas-sentenza fit-30 ta’ Settembru 2015, huwa kif indikat fl-Tabelli li qed inqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentru tal-Arbitraġġ – arbitraġġ internazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il arbitraġġ internazzjonali hemm bħalissa quddiem iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2010 sat-12 ta’ Ottubru 2015 daħlu 18-il każ ta’ arbitraġġ internazzjonali quddiem iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ u 12 minnhom għadhom pendenti. Fil-fehma tal-Gvern, dan l-ammont hu ftit wisq. Malta tinsab strateġikament f’nofs il-Meditteran b’setturi stabbiliti ta’ l-avjazzjoni, negozju marittimu, u l-industriji tal-logħob li jistgħu jipprovdu opportunità ta' investiment. B’hekk fl-aħħar ta’ Settembru ġie ppublikat Request for Proposal għal strategic partner internazzjonali sabiex jassisti lil dan iċ-Ċentru biex jitrasforma ruħu f’post ta’ eċċellenza li jattira l-litigju internazzjonali.

Qorti tal-Appell Kriminali Inferjuri – appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti biex jibdew jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri)?

Response (BONNICI, OWEN)

Sal-aħħar ta’ Settembru 2015 kien hemm 535-il appell pendenti biex jibdew jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri). Kif diġà għidt kemm-il darba skont l-istatistika u analiżi li għadna din hija l-iktar Qorti mill-Qrati kollha fejn hemm ħtieġa li naraw titjib. Il-Gvern jemmen li biż-żieda tal-Imħallef G. Grixti f'din il-Qorti li saret ftit tax-xhur ilu biex b'hekk ingħaqad ma' żewġ Imħallfin oħra assenjati ma' dina l-Qorti, dan it-titjib se jibda jinħass fix-xhur li ġejjin.

Parroċċa tal-Gudja – xogħlijiet fuq zuntier

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq iz-zuntier tal-Parroċċa tal-Gudja u meta hu mistenni li jitlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol taz-zuntier tal-Parroċċa tal-Gudja nbeda f’Novembru li għadda u għandu jitlesta f’Novembru li ġej.

Dipartiment tal-Artijiet – Home Ownership Schemes

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18027, kemm-il familja saret sid ta’ darha grazzi għal dan il-ħlas mid-Dipartiment tal-Artijiet lis-sidien tal-Home Ownership Schemes f’kull waħda mil-lokalitajiet imsemmija fil-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar, bejn Marzu 2013 u Lulju 2015, iffirmat il-kuntratti mas-sidien tal-Home Ownership Scheme kif hawn taħt indikat:- MOSTA TAD-DIB 42 NAXXAR IS-SGĦAJTAR 6 QORMI TA' FARZINA 1 ŻURRIEQ BUBAQRA 19 Total 68 Legal Notice 128/2011 134/2012 137/2013 146/2013 166/2008 173/2013 235/2012 258/2014 368/2012 433/2013 95/2013 Total MOSTA TAD-DIB 33 6 3 42 NAXXAR SGHAJTAR 1 2 3 6 QORMI TA' FARZINA 1 1 ŻURRIEQ BUBAQRA 1 1 1 9 7 19 Total 1 1 1 33 1 9 1 2 6 6 7 68

Raħal Ġdid, Triq Ħal Luqa – rranġar tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li Transport Malta, bla dewmien minħabba l-ħsara kbira li qed issir lill-vetturi u l-periklu kbir għas-sewwieqa u nies li jgħaddu minn hemmhekk, issewwi Triq Ħal Luqa, Raħal Ġdid speċjalment minn fejn hemm il-Maxims ‘il fuq sar-roundabout?Jista’ jieħu l-azzjoni meħtieġa peress li din hija triq prinċipali li minnha jgħaddu eluf kbar ta’ vetturi kuljum u jista’ jinqala’ inċident bl-ammont kbir ta’ ħofor u depressions fl-asfalt li żviluppaw?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-parti tat-triq li qed jirreferi għaliha ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta.

Referendum għall-Kaċċa – pulizija ma tħallsux għas-sevizzi tagħhom

Question

Peress li ġejt ikkuntatjat minn numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li pprestaw s-servizzi tagħhom fir-Referendum tal-Kaċċa u sat-8 ta' Settembru 2015 għadhom ma tħallsux, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan huwiex minnu? Jekk iva, għalfejn għadhom ma tħallsux u meta ser jitħallsu? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni Elettorali ħalsitx dawn il-pagamenti lill-Korp tal-Pulizija u meta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Elettorali għaddiet il-pagamenti kollha mitluba mill-Pulizija għas-servizzi li taw fir-Referendum tal-Kaċċa u l-Kunsilli Lokali 2015 u l-ħlas sar diġa.
Leg 12 PQ #18812 Sitting 299 2015-10-12 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Referendum għall-Kaċċa – pulizija ma tħallsux għas-sevizzi tagħhom

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni Elettorali għaddietx il-pagament tagħha għas-servizzi li l-Pulizija taw fir-Referendum tal-Kaċċa lill-Korp tal-Pulizija??

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-Kummissjoni Elettorali għaddiet il-pagamenti kollha mitluba mill-Pulizija għas-servizzi li taw fir-Referendum tal-Kaċċa u l-Kunsilli Lokali 2015.
Leg 12 PQ #19328 Sitting 299 2015-10-12 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – kunsill lokali ta’ Santa Luċija — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-ilment tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija għan-nom ta’ diversi residenti mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u jekk din investigatx, il-legalità ta’ xogħlijiet (inkluż l-istallazzjoni ta’ arbli twal bil-wire tal-ħadid bejniethom u t-tneħħija ta’ ħamrija) li wħud qabdu u għamlu dan l-aħħar f’area pubblika fil-ħamrija f’Dawret it-Torri, Santa Luċija, faċċata tal-bidu ta’ Triq in-Narċis?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi gejt infomat mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li investigat l-ilment u rrizultalha li xi individwu (jew individwi) installa/w sistema ta’ ħadid baxx (angle irons) biex idawwru għalqa li tinsab faċċata ta’ Triq in-Narċis, Santa Luċija. S’issa dan l-individwu/i għadu mhux magħruf minkejja diversi attentati li saru. Bħalissa l-investigazzjoni qegħda fi stadju ta’ stħarriġ mad-Dipartiment tal-Artijiet għal informazzjoni li jista jkollu fuq din il-biċċa art. Mit-tagħrif mgħoddi lili mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ix-xogħol li sar għandu jitnehha peress illi kwalunkwe xogħol ta’ dan it-tip jirrikjedi permess mill-istess Awtorita’.

Korea ta' Fuq — ċittadini - Schengen Visa

Question

Wara t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12522, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għala dawk il-53 ċittadin tal-Korea ta' Fuq applikaw għal Schengen Visa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant mill-ammont ta' 53 visa li nhargu ghal cittadini tal-Korea ta' Fuq fil-perjodu imsemmi, 38 minnhom nhargu ghall-skop ta' impjieg, filwaqt li l-15 l-ohra nhargu ghall-skop ta' kummerc (business).

Korp tal-Pulizija –- riżenji ta’ membri tal-Korp fl-2015

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma, x’rank kellhom u kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza jkunu rriżenjaw jew bdew il-proċess għar-riżenja mill-Korp għas-sena 2015? Għal kull wieħed/waħda, jista’ jagħti d-data meta saret it-talba għar-riżenja?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Enemalta – Ingaġġ ta’ Automated Management Meter Architect

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Automated Management Meter Architect kien impjegat mal-Enemalta plc mill-1 ta’ Jannar 2015 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Kemm minnhom ġew impjegati wara sejħa interna jew esterna? Jista’ jagħti d-data għal kull ingaġġ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba li hija ta’ natura kummerċjali u sensittiva għall-operat tal-Kumpanija.

Enemalta – ingaġġ ta’ ħaddiema fis-sezzjoni tal-IT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem ġie mpjegat fis-sezzjoni tal-IT tal-Enemalta plc mingħajr sejħa interna jew esterna mill-1 ta’ Jannar 2015 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba li hija ta’ natura kummerċjali u sensittiva għall-operat tal-Kumpanija.

Enemalta – ingaġġ ta’ ħaddiema mingħajr sejħa interna jew esterna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem ġie impjegat mal-Enemalta plc mingħajr ma ħarġet sejħa interna jew esterna għal dak l-impjieg bejn l-1 ta’ Ġunju 2015 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza??

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba li hija ta’ natura kummerċjali u sensittiva għall-operat tal-Kumpanija.

Pulizija ‘l fuq minn 58 sena reinstated fil-Korp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pulizija ta’ ‘l fuq minn 58 sena ġew reinstated minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-15 ta’ Settembru 2015, ġew re-instated tliet (3) membru fil-Korp tal-Pulizija li kellhom 58 sena jew iktar.

Pulizija li kienu boarded out reinstated fil-Korp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-pulizija li ġew reinstated minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza, kienx hemm xi ħadd (u filkas, kemm-il wieħed) li kienu ġew boarded out mill-Korp fil-passat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sas-16 ta’ Settembru 2015, ġew re-instated tlettax (13) il-mebru fil-Korp li kienu ġew boarded out.