Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20237 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u mistoqsija parlamentari 20238 li saret lill-Prim Ministru u li issa ġew riferuti lilu u ċjoè: B'referenza għall-ftehim milħuq fl-2014 fil-kawża lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li kienet qed tinstema’ quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili, fiex kien jikkonsisti dan il-ftehim u kemm tħallsu flus minn fondi pubbliċi?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ftehim li għalih qiegħed jirreferi, li kien iffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2014, wara li ntlaħaq ftehim amikevoli bejn il-persuna msemmija u l-Kummissarju ta’ dak iż-żmien, jagħti kumpens ta’ €57,245 għall-perjodu li din il-persuna kellha sservi, kieku baqgħet fil-Pulizija u d-differenza fil-pensjoni li hi kellha tirċievi. Il-kumpens ikopri wkoll l-ispejjeż tal-Qorti. Ninsab infurmat li dan il-ftehim intlaħaq wara li l-persuna imsemmija kien rebaħ b’suċċess il-vertenza mqanqla kemm fil-Prim’Istanza tal-Qorti Ċivili kif ukoll fl-Istadju tal-Appell, fejn wara dan kollu, jirriżulta li huwa kellu jiftaħ kawża kontra l-Kummissarju tal-Pulzija, il-Prim Ministru u s-Segretarju Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex jinibixxi lill-istess Kummissarju tal-Pulizija milli jinizja proċeduri dixxiplinarji ġodda fil-konfront tiegħu. Wara li l-każ tiegħu kien reġa’ ġie eżaminat mill-ġdid mill-Kummissarju tal-Pulizija nnifsu fejn ma nstabet l-ebda evidenza oħra li setgħet tinfluwenza l-każ tiegħu u il-persuna msemmija obbligat ruħha li tirtira l-proċeduri tagħha kontra l-Kummissarju, kien ġie redatt u ffirmat dan il-ftehim’
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19276, jista’ l-Ministru jagħti d-dati ta’ kull waħda minn dawk il-11-il darba li kien hemm theddida ta’ bomba fil-Qorti fl-2015?
Response (BONNICI, OWEN)
B’referenza għad-domanda tal-Onor. Interpellant, kif sussegwentament korretta, l-unika theddida ta’ bomba seħħet fil-15 ta’ Jannar 2015.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tatx permess biex ikun hemm reklamar fl-ispazju fuq il-ħajt li hemm ħdejn il-latrina pubblika fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab informat mill l-MEPA li ma ngħata l' ebda permess fejn gie indikat.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19797, jista' l-Ministru jagħti dak mitlub u ċjoè rendikont (breakdown b'numri u ċifri) biex juri kif wasal għal 11% tnaqqis tal-kawzi pendenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inqiegħed l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra li tikkonferma t-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari 19797.
Raba’ Distrett Elettorali – soċjetajiet mużikali — fondi
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19808, jindika kwalsisasi fond, jew programm ta’ għajnuna, inkluż fondi reġjonali u soċjali, mill-Unjoni Ewropea, li minnu ibbenefikaw l-għaqdiet li għalihom saret referenza fil-mistoqsija parlamentari 19808?
Response (GRECH, LOUIS)
Waqt li qed ninnota kif l-Onorevoli Interpellant naqas milli jindika il-fond partikolari skont ir-risposta tiegħi għal mistoqsija preċedenti numru 19808, ninfurmah li l-investimenti kapitali minn Każini tal-Baned permezz ta’ Fondi Ewropej jirrelataw mall-programm ‘Leader’.
Dan il-programm huwa wieħed iffinanzjat mill-Fond għal Iżvilupp Rurali. Aktar minn hekk, tajjeb wieħed jinnota kif dan huwa ġestit minn 3 Gruppi Azzjoni Lokali (GAL) fit-3 territorji partikolari. Dawn il-GAL huma magħmula minn Kunsilli Lokali (49%) u Settur Privat (51%). Huma propju il-GALs li jfasslu l-istrateġija fuq kif għandhom jiġu investiti l-fondi, joħorgu s-sejħiet, jagħmlu l-għażla tal-benefiċjarji u jsegwu l-implimentazzjoni.
Għaldaqstant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tliet tabelli:
(1) Fit-tabella (1)
Rural Localities
hemm dawk il-lokalitajiet taħt il-Majjistral, Xlokk u Għawdex;
(2) Fit-tabella (2)
Urban Localities
hemm dawk il-lokalitajiet li ma jikkwalifikawx għal dan il-Programm minħabba li huma urbani;
(3) Fit-tabella (3) hemm dawk il-każini li ibbenefikaw inkluż dawk li bbenefikaw aktar minn darba. Hemm imniżżel ukoll id distrett elettorali sabiex l-Onorevoli Interpellant ikun jista’ jagħmel ukoll eżerċizzji komparattivi.
Infurmat ukoll, li l-ebda GAL qatt ma ċaħad xi applikazzjoni ta’ Każini tal-Baned.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew l-Għassa tal-Pulizija humiex jiġġestixxu l-ispazju għar-reklamar fuq il-ħajt li hemm ħdejn il-latrina pubblika fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid? Jekk iva, min qed jieħu ħsieb dan ir-reklamar sabiex kulhadd ikollu l-istess opportunitajiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onoervoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid huwiex jiġġestixxi l-ispazju għar-reklamar fuq il-ħajt li hemm ħdejn il-latrina pubblika fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid? Jekk iva, min qed jieħu ħsieb dan ir-reklamar sabiex kulhadd ikollu l-istess opportunitajiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li l-ħajt imsemmi m’huwiex proprjetà tal-Kunsill Lokali u lanqas m'hu qed jiġġestixxi dan l-ispazju għar-reklamar.
B'referenza għall-ftehim milħuq fl-2014 fil-kawża lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li kienet qed tinstema quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili, fiex kien jikkonsisti dan il-ftehim u kemm tħalsu flus minn fondi pubbliċi?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid, b’referenza għall-ftehim milħuq fl-2014 fil-kawża li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li kienet qed tinstema quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Civili, fiex kien jikkonsisti dan il-ftehim u kemm thalsu flus minn fondi pubblici?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Uffiċċju Reġjonali tal-Kunsilli Lokali – kuntratt tal-kirja
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt għall-kiri ta’uffiċini li jinsabu f’Ħal Tarxien u li għandu-l-Uffiċċju Reġjonali tal-Kunsilli Lokali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-kuntratt mitlub huwa skrittura privata, ma jkunx indikat li dan jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Madanakollu, jekk l-Onor. Interpellant jixtieq jara l-kuntratt, nista’ nagħmel dan privatament.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq xiri ta’ kotba għal-librerija tal-Qorti fl-2014 u fl-2015?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar snin l-ammont ta’ investiment fil-librerija tal-Qorti żdied bi tliet darbiet, minn żmien il-Gvern preċedenti, kif nispjega hawnhekk:
2011 - € 540.83
2012 - € 353.83
2013 - €1440.80
2014 - €1342.07
2015 - €1442.09
Raba’ Distrett Elettorali – soċjetajiet mużikali — fondi
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jelenka s-soċjetajiet mużikali jew każini tal-banda fir-Raba’ Distrett Elettorali li gawdew minn fondi tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar sentejn? Jista’ jagħti l-ammont f’kull każ u taħt liema programm ibbenefikaw?
Response (GRECH, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant jindika dwar liema fond u sejħa partikolari qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jgħid għala sal-jum li fih qed issir din l-interpellanza l-kawżi li kienu quddiem il-Maġistrat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, għadhom ma ġewx assenjati?
Response (BONNICI, OWEN)
Sfortunatament il-Maġistrat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għażel li jirriżenja b’effett immedjat mingħajr ma ta prior notice u allura s-sistema ġiet esposta għal ftit żmien għal sitwazzjoni fejn il-kawzi li kienu quddiemu ma ġewx assenjati bi pjan maħsub minn qabel.
Din is-sitwazzjoni sfortunata, li ċertament ma kinitx fil-kontroll tal-amministrazzjoni tal-Qorti, se tiġi riżolta qabel l-aħħar ta’ dan ix-xahar stess.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti biex jibdew jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell Ċivili (Inferjuri)?
Response (BONNICI, OWEN)
Quddiem il-Qorti tal-Appell Ċivili (Inferjuri) Malta fit-30 ta’ Settembru 2015, kien hemm tliet mija u wieħed (301) appell pendenti biex jibdew jinstemgħu.
Fil-Qorti ta’ Għawdex, fit-30 ta’ Settembru 2015 kien hemm pendenti 6 appelli Ċivili (Inferjuri).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti biex jibdew jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell Ċivili (Superjuri)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li sat-30 ta’ Settembru 2015 kien hemm elf u tmienja u tletin (1038) appell pendenti biex jibdew jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell Ċivili.
Għad li fl-aħħar xhur kien hemm titjib importanti fil-Clearance Rate quddiem dina l-Qorti, il-Gvern ħass li għandhom jiddaħħlu għodod ġodda proċedurali biex il-kawzi quddiem dina l-Qorti jiġu spediti. Dan waqt li nassiguraw kemm jista’ jkun li l-kompozizzjoni ta’ din il-Qorti tkun kemm jista’ jkun dejjem Preseduta mill-istess persuna sabiex nassiguraw kontinwita’ u li ma jkunx hemm sentenzi kunfliġġenti fuq l-istess punt ta’ liġi.
Dawn l-għodod proċedurali huma kontenuti fl-abbozz ta’ liġi li jemenda diversi liġijiet ta’ natura ta’ proċedura ċivili li diġa’ nqara għall-ewwel darba. Waħda mill-għodda hi li jekk il-partijiet volontarjament jaqblu li jistrieħu fuq ir-rikors u risposta, allura l-appell tagħhom jiġi fast-tracked.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat ġdid, fuq kwalsiasi bażi, hemm fil-Qrati tagħna u li beda jaħdem hemm wara l-1 ta’ April 2013 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din l-Interpellanza? Kemm minnhom daħlu jaħdmu wara sejħa pubblika u kemm minnhom daħlu jaħdmu bl-approvazzjoni tal-Public Service Commission?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-persuni ingaġġati ġodda qed jiġu murija fuq fit-Tabelli A u B li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – entitajiet — Impjegati ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat ġdid daħal jaħdem wara l-1 ta’ April 2013 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza fl-entitajiet li għalihom huwa responsabbli? Kemm minnhom daħlu jaħdmu wara sejħa pubblika u kemm minnhom daħlu jaħdmu bl-approvazzjoni tal-Public Service Commission?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-entitajiet li għalihom hu responsabbli l-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, eskluzi Kummissjonijiet li jitwieldu bis-saħħa ta’ liġijiet ad hoc, bdew jaħdmu bil-fiss 110-il persuna u 2 minn dawn ġew impjegati permezz tal-Kummissjoni għas- Servizz Pubbliku. Wieħed għandu jinnota li bejn l-2011 u Marzu 2013 ġew impjegati 104 persuni, fejn ħadd ma kien impjegat permezz tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku