Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, għall-perijodu Ottubru, 1998 sa Mejju, 2000, kemm ġew impjegati persuni b'kuntratt indefinit, b'kuntratt definit, b'konsulenza, fuq bażi każwali u kemm ingħataw transfers fid-dekasteru li għalih hu responsabbli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet fid-dekasteru li għalih hu responsabbli minn Ottubru, 1998 sal-lum? X'kien l-iskop ta' kull safra, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għall kull safra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-diskors li għamlet ir-rappreżentanta tiegħu fil-konferenza tal-Ġnus Magħquda Women 2000 (5-9.06.2000)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-diskors li l-Onor. Helen D'Amato għamlet bħala Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Konferenza: Women 2000 tal-Gnus Magħquda.
Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar-riżervi li kellha id-Delegazzjoni Maltija fuq il-kontenut tad-dokumenti preżentati f'din il-Konferenza.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta'cot deaths minn Jannar, 1999 sal-lum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li skond ir-Reġistru Nazzjonali ta` l-Imwiet fid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni fuq is-Saħħa, in-numru ta` 'cot deaths' kien ta` 2 fl-1999 u ma kien hemm ebda 'cot death' reġistrata mill-bidu ta` Jannar sa l-aħħar ta` April ta` din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' stillbirths minn Jannar, 1999 sal-lum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li skond ir-Reġistru Nazzjonali ta` l-Imwiet fid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni fuq is-Saħħa, in-numru ta` 'stillbirths' kien ta` 27 fl-1999 u ta` 4 mill-bidu ta` Jannar sa l-aħħar ta` April ta` din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid minn Jannar, 1999 sal-lum kemm ġew reġistrati każi ġodda ta' kanċer tas-sider?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infuramt li n-numru ta` każi ġodda ta` kanċer tas-sider irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali tal-Kanċer mill-1 ta` Jannar 1999 sal-lum kien ta` 282.
Jista' l-Ministru jgħid minn Jannar, 1999 sal-lum kemm twieldu tfal lill-ommijiet ta' 17-il sena u taħt is-17-il sena? Kemm mill-ommijiet kienu miżżewwġin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li għall-perjodu bejn Jannar 1999 u Marzu 2000, kien hemm 108 trabi li twieldu lil 106 ommijiet, li kellhom 17-il sena jew inqas. Minn dawn l-ommijiet, 15 kienu mniżżlin bħala miżżewġin. Dan it-tagħrif ġie mogħti volontarjament lid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fuq is-Saħħa fl-ambitu ta' proġett tal-National Obstetric Information System (NOIS)-WHO-OBSQID Project.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min kienu l-membri fuq il-delegazzjoni li marret Beijing fl-1995 għall-konferenza dinjija tan-nisa organizzata mill-Ġnus Magħquda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-delegazzjoni Maltija għar-raba' Konferenza Dinjija kienet immexxija mill-Onor. Giovanna Debono, Segretarja Parlamentari, Ministeru għall-Iżvilupp Soċjali. Il-membri l-oħra tad-delegazzjoni kienu dawn li ġejjin:
E.T. Mr Victor J. Gauci, Ambaxxatur taċ-Ċina
E.T. Dr Joseph Cassar, Ambaxxatur għall-Missjoni Permanenti Maltija tal-Ġnus Magħquda
Ms Angela Callus
Mr Giovanni Miceli
Dr Joseph Pirotta
Ms Joanna Darmanin
Ms Bernadette Borda
Dr Lorraine Schembri Orland
Ms Carmen Callus
Ms Ceclia Xuereb (NGO)
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux se tintbagħat delegazzjoni għall-konferenza tal-Ġnus Maqgħuda Beijing+5? Jekk iva, min se jkunu l-membri tad-delegazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-delegazzjoni għall-Konferenza tal-Ġnus Magħquda Beijing+5 hi mistennija li tkun magħmula mill-Onor. Helen D'Amato (Chairperson - Kumitat għall-Affarijiet Soċjali), Ms Simone Vella (Chairperson -Kummissjoni Għall-Avvanz Tal-Mara), Ms Christine Theuma (Policy Co-ordinator - Ministeru għall-Politika Soċjali).
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' l-assistenti diretturi fis-settur pubbliku, skond id-dipartimenti li qegħdin fihom u skond id-data ta' meta saru?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' l-impjegati mas-settur pubbliku li għandhom degree universitarju, x'inhi d-degree, x'inhu l-grad li qegħdin fih u meta daħlu f'dan il-grad?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qiegħda tinġabar, u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 16088, li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali, u cioe: Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ngħata l-post Nru.212, Triq Sant'Ursola, Valletta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond ir-records tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, il-post li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti mhux proprjeta` tal-Gvern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 15935 li oriġinarjament kienet saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid meta l-enrolled nurses li applikaw biex jidħlu fulltime mad-dipartment tal-kura ta' l-anzjani, u li fl-4 ta' Marzu ħareġ ir-riżultat ta' l-interviews tagħhom, se jingħataw iċ-ċertifikat ta' l-appointment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċertifikati ta' l-"appointments" ser jingħataw fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ngħalaq il-Mużew tal-Gwerra f'Sant'Iermu? Kemm se jdum magħluq? Kemm kien id-dħul minnu sena sena dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Mużew tal-Gwerra kellu jingħalaq minħabba xogħlijiet urġenti li kellhom isiru fin-naħa tax-xellug ta' dan il-mużew. Din in-naħa żviluppat ħsarat estensivi u ħafna meta ilma tax-xita beda dieħel mis-saqaf.
Dan is-saqaf kien magħmul minn travi tal-ħadid (hanging beams) u xorok tal-ġebel fuqhom. Numru kbir ta' xorok kienu inqasmu tant li kellhom jinbidlu iktar minn mitt xriek.
Kien hemm ukoll ħsarat konsiderevoli fil-katusi ta' l-ilma u għaldaqstant kellhom jinbidlu kollha. Sar ukoll tibjid ta' din in-naħa u trid tinbidel ukoll is-sistema tad-dawl. Is-saqaf mibdul ser jinkesa bil-membrane għal iktar protezzjoni kontra l-maltemp.
It-toilet eżistenti kien fi stat ħażin u mhux aċċessibbli għal persuna bi bżonnijiet speċjali. Dan it-toilet komuni qed jinbidel biex ikun hemm faċilitajiet diċenti għal kulħadd.
Meta dawn ix-xogħlijiet jitlestew ikun possibbli li parti kbira ta' dan il-mużew terġa' tinfetaħ għall-pubbliku. Trid issir ukoll riorganizzazzjoni ta' l-esibiti biex dawn jiġu ppreżentati aħjar.
Informat ukoll li d-dħul minn sena għal sena dawn l-aħħar għaxar snin kien kif ġej:
1990 - Lm 6313
1991 - Lm 7451
1992 - Lm 5847
1993 - Lm44111
1994 - Lm35333
1995 - Lm26950
1996 - Lm23450
1997 - Lm32849
1998 - Lm38047
1999 - Lm28394
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 15660 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li ġiet riferuta lilu u cioe: Jgħid meta l-enrolled nurses li applikaw biex jidħlu fulltime mad-dipartiment tal-kura ta' l-anzjani, u li fl-erbgħa ta' Marzu ħareġ ir-riżultat ta' l-interviews tagħhom, se jingħataw iċ-ċertifikat ta' l-appointment?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-uffiċjali pubbliċi li qegħdin jagħmlu degree M.B.A. u f'liema grad taċ-ċivil qegħdin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant. It-tabella turi l-ismijiet u l-grad ta' dawk l-uffiċjali li bħalissa qed jistudjaw għal degree MBA skond l-iskema ta' Sponsorship offruta mill-Gvern.