Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 27156 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern u Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid kemm mill-każi ta' stupru fuq nisa (rape) li tressqu l-qorti din is-sena u s-sena l-oħra l-allegat aggressur instab ħati? Jista' jgħid x'kienet il-piena f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 4 persuni fuq akkużi ta` stupru fuq nisa. Każ wieħed ġie deċiż fejn l-akkużat tpoġġa taħt probation officer għal żmien sena. Infurmat ukoll illi din is-sena tressqu 2 persuni fuq l-istess akkuża u li l-każ tagħhom għadu mhux deċiż.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irreġistraw studenti għal dawn is-suġġetti f'dawn l-aħħar erba' snin; near eastern studies; arabic; german u hebrew fil-fakulta' ta' l-arti u ta' l-edukazzjoni separatament?
Minn dawn l-istudenti kemm minnhom irriżenjaw mill-kors?
X'kienet ir-raġuni li twaqqaf id-dipartiment ta' l-Għarbi u Near Eastern Studies fil-fakulta' ta' l-arti?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub jinħtieġ riċerka ta' ċertu dettal li tieħu l-ħin, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol fuq l-abozz tal-Gender Equality Act? Jista' jgħid x'inhu l-involviment tal-kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara f'dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-abbozz dwar il-Gender Equality Act intbagħat lill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali għal kunsiderazzjoni tiegħu. L-abbozz jinkorpora suġġerimenti li saru mill-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25570:
Jista' l-Ministru jelabora billi jagħmel referenza għal xi Att fil-Liġi għaliex bdil fit-Temporary Provisions Scheme li jirrigwarda buildings heights għandu bżonn jiġi approvat mill-Gvern iżda bdil fit-Temporary Provision Scheme li jirrigwarda green area pubblika tiġi mibdula f'zona ta' iżvilupp u l-Bord ta' l-Awtorita'?
L-approvazzjoni tal-bidliet fit-Temporary Provisions Schemes a bażi tal-pjanijiet lokali u l-approvazzjoni tal-pjanijiet lokali nfushom għandhom bżonn biss l-approvazzjoni tal-Gvern jew għandhom bżonn ukoll l-approvazzjoni tal-Parlament kif sar fil-każ tat-Temporary Provisions Schemes?
Fl-isfond tar-risposta rigward il-Building Heights fit-Temporary Provisions Scheme jistgħu biss jiġu mibdula wara approvazzjoni tal-Gvern, jista' l-Ministru jelabora?
Fuq liema bażi ġew approvati il-building heights tal-binijiet tal-applikazzjonijiet PA 2029/96 u PA 1675/98? Jista' l-Ministru jirreferi għad-dokument jew jiġi li fuqha se jibbaża r-risposta tiegħu?
Hemm diskrezzjoni ta' l-Awtorita' tal-Ippjanar jew ta' l-Uffiċjali tagħha li l-provediment ta' l-Att ta' l-Ippjanar ta' artiklu 32 sub-artiklu (3) (a) u (b) jiġux segwiti jew le? Jekk teżistix din id-diskrezzjoni min għandu d-dritt li jeżerċita u jiddeċiedi jew le fuq liema proġetti għandux jew m'għandux jiġi segwit?
Response (BORG, TONIO)
Tibdil fil-building heights għandu bżonn jiġi approvat mill-Gvern fil-kuntest ta` pjani lokali. Fuq green areas il-pjani lokali jistgħu jissuġġerixxu tibdil fl-użu li eventwalment jistgħu jiġu approvati mill-Gvern. Dan joħroġ mill-pjan ta` struttura u l-Att dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp.
Rigward il-building heights fit-Temporary Provision Schemes ir-risposta relevanti tal-Mistoqsija Nru. 25570 hija waħda komprensiva u m`hemmx iktar x`telabora.
Il-building height fl-applikazzjoni PA 2029/96 ġiet maħduma fuq il-prinċipju tal-Floor Area Ratio kif spjegat fir-risposta 25570. Il-building height fl-applikazzjoni PA 1675/98 ġie maħdum fuq prinċipju ta` kumpens fejn parti mill-kantuniera tal-lukanda ma nbnietx u allura ġie kumpensat bl-għoli f`parti oħra tal-proġett.
Jidher li r-riferenza għall-provvediment ta` l-Att ta` l-Ippjanar ta` artiklu 32 sub-artiklu 3(a) u (b) ma għandhiex x`taqsam mas-suġġett ta` din il-mistoqsija. Tista` l-Onorevoli Interpellanti tispeċifika l-provvediment eżatt.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' nisa fil-pulizija? Jista' jaqsam l-informazzjoni skond il-gradi li dawn il-pulizija nisa qegħdin fihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persentaġġ ta` membri nisa fil-Korp tal-Pulizija hu ta` 13%. Infurmat ukoll illi 1% huma Surġenti filwaqt li 12% huma Kuntistabbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' vjolenza domestika rrapportati din is-sena u s-sena l-oħra? Kemm tressqu l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 2000 u t-30 ta` Ġunju 2001, kien hemm 259 rapport lill-Pulizija dwar każi li b`xi mod jinkwadraw taħt it-titolu ta` vjolenza domestika. Infurmat ukoll illi fl-istess perijodu, dwar dawn il-każi, tressqu l-Qorti 194 persuna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-każi ta' stupru fuq nisa (rape) li tressqu l-qorti din is-sena u s-sena l-oħra l-allegat aggressur instab ħati? Jista' jgħid x'kienet il-piena f'kull każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' stupru fuq nisa (rape) rrapportati din is-sena u s-sena l-oħra? Jista' jgħid kemm minn dawn il-każi tressqu l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Dwar in-numru ta` każi ta` stupru li ġew irrapurtati lill-Pulizija matul is-sena 2000, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 20076 u Nru. 23047, filwaqt li matul is-sena 2001, sat-30 ta` Ġunju ġew irrappurtati 3 każi.
Dwar il-każi li ġew irrappurtati li seħħew bejn l-1 ta` Jannar 2000 u t-30 ta` Ġunju 2001 ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni mtella` l-Qorti kien ta` 5.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx jew hux qed isir gender impact assesment fuq ir-rapport tan-National Commission for Welfare Reform?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sallum, il-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx rapport finali lill-Gvern. Dak li deher fil-media lokali jidher li hu l-kontenut ta' abbozz ta' rapport li tqassam lill-membri tal-Kummissjoni b'mod kunfidenzjali u li għadu qiegħed ikun diskuss mill-membri. Meta jkun hemm rapport finali preżentat lill-Gvern, allura bla dubju jkun irid isir analiżi minn kull min huwa interessat. Tajjeb li jingħad ukoll li l-Kummissjoni rċeviet il-proposti li saru mill-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara, numru ta' xhur ilu.
Jista' l-Ministru jgħid issa li għaddiet sena minn meta l-Ministru qal li l-abbozz ta' liġi li jagħti protezzjoni lill-vittmi tal-vjolenza domestika kellha titressaq f'dan il-parlament f'Ġunju 2000, jista' jgħid meta se jitressaq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-abbozz ta' liġi dwar Vjolenza Domestika li lesta s-sena li għaddiet l-Ministeru għall-Politika Soċjali qiegħed jiġi rivedut mill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika. Malli dan l-Uffiċċju jlesti x-xogħol tiegħu u l-abbozz ikun approvat mill-Kabinet, l-abbozz jitressaq quddiem il-Parlament.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 26973, minħabba li permezz tal-ħajt li qiegħed madwar barumbara fi Triq ir-Redentur Ħaż-Żabbar spiss ikun hemm inċidenti li fihom korrew in-nies, u minħabba li dan il-ħajt iservi ta' inkonvenjent kbir għar-residenti, u in vista li r-road department ilu li talab għat-twaqqiegħ ta' dan il-ħajt mis-snin sebgħin, jista' l-Ministru jara għalfejn l-applikazzjoni għadha pendenti?
Response (BORG, TONIO)
Il-pjanti li kienu sottomessi mill-applikant ma kienux juru l-oghli tal-hajt propost.
L-applikant intalab jissottometti pjanti godda li jindikaw l-oghli tal-hajt kif propost, 'large scale drawing' li juri l-materjali uzati u l-metodu ta' kostruzzjoni, u disinji godda fejn juru li l-hajt ma jispiccax f'nofs il-hajt ezistenti tal-barumbara.
Kif l-Awtorita` tircievi l-pjanti l-godda, u jekk dawn ikunu accettabli, jintbaghat ir-rapport dwar l-applikazzjoni (DPA Report) mill-aktar fis.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet id-deċiżjoni tal-PA rigward it-twaqqiegħ ta' ħajt li qiegħed madwar barumbara fi Triq ir-Redentur Ħaż-Żabbar?
Response (BORG, TONIO)
L-applikazzjoni li qed tirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellanti hija PA 1584/00 - Demolition of backyard wall for scheme Road Formation and Rebuild wall according to scheme alignment. Din l-applikazzjoni għadha pendenti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm żdiedu n-nies fiċ-Ċivil fl-1999, fl-2000 u fl-2001. Jista' jaqsam l-informazzjoni skond kif żdiedu n-nies fis-setturi u dipartimenti partikolari?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru toroq mill-Gvern f'Wied il-Għajn mill-1999 'l hawn? JIsta' jagħti lista' ta' ismijiet ta' dawn it-toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ewwel tlett toroq mhurija hawn taħt huma lesti. It-toroq l-oħra ndikati huma dawk li fuqhom qed isiru preparamenti għall-ħruġ tat-tenders.
TOROQ
Triq Mintba
Triq Menħir
Parti minn Triq Sant'Antnin
Car Park u parti minn Promenade St. Thomas Bay
Triq Għaxqet il-Għajn
Triq Gidwet
Triq Munxar
Triq Patri Wistin Borne
Triq Mriekeb
Parti minn Triq Vajrita
Triq Qawwara
Triq is-Sibbien
Parti minn Triq Qrenpuċ u Triq Ġdida fi Triq l-Iskal
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni rigward il-ħajt madwar barumbara li hemm fi Triq ir-Redentur, Ħaż-Żabbar, liema ħajt huwa l-kawża ta' bosta inċidenti u li jservi ta' inkonvenjent għan-nies li joqgħodu hemm u li jgħaddu minn hemm? Issa li l-file reġa' qiegħed għand id-dipartiment tat-toroq wara li għadda tat-toroq wara li għadda mill-planning authoirty jista' jgħid x'se jiġri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 24301.
Is-sitwazzjoni għadha ma nbidlitx għalkemm id-Dipartiment kellem diversi drabi lill- uffiċjali responsabbli għall- ħruġ ta` permessi fl-Awtorita` ta` l- Ippjanar.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-applikazzjoni ta' Scamp's Palace, il-Birgu, il-Method Statement tar-restawr ippreparat mil-Perit tal-Proġett ma kienx jaqbel mal-pjanijiet sottomessi mill-istess Perit iżda xorta waħda ġew approvati t-tnejn (il-method statement u l-pjanti sija mill-Heritage Advisory Committee, sija mill-planning directorate u sija mill-planning authority?
Min għandu l-awtorita' legali (jiġifieri jekk hijiex l-Awtorita tal-Ippjanar, il-Ministru, il-Kabinet jew il-Parlament) biex japprova building heights aktar għoljin minn dawk stipulati (it-temporary provision schemes għal permessi ta' bini?
Min għandu l-awtorita' legali (jiġifieri jekk hijiex l-Awtorita' tal-Ippjanar, il-Ministru, il-Kabinet jew il-Parlament) japprova permessi ta' bini f'żoni mmarkati bħala green area fit-temporary provision schemes?
Min għandu l-awtorita' legali (jiġifieri jekk hijiex l-Awtorita' tal-Ippjanar, il-Ministru, il-Kabinet jew il-Parlament) li japprova permessi ta' bini f'żoni mmarkati outside development zone?
Meta twaqffet il-proċedura li l-agenda tad-Development Control Commission u tal-Awtorita' tal-Ippjanar rispettivament, tiġi ppreparata fil-planning directorate?
Min għandu d-dritt li jqabbez applikazzjonijiet li jkunu wara oħrajn fuq l-agenda jew tad-DCC jew tal-Awtorita' tal-Ippjanar?
Min għandu d-dritt itella' applikazzjoni għal-permess jew jistieden lill-applikant flimkien mal-avukat tagħhom sabiex jidhru quddiem l-Awtorita' tal-Ippjanar mingħajr ma tkun elenkata fuq l-aġenda u/jew avżata fil-gazzetti kif normalment isir?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija li tirrigwardja l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta` Scamp`s Palace, il-Birgu, ninsab infurmat illi l-method statement approvat kien jaqbel mal-pjanti sottomessi, iżda sar ċertu xogħol li ma kienx konformi ma` dettal indikat fil-method statement. Għalhekk l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet notifika ta` nfurzar sabiex jieqfu u jitneħħew ix-xogħlijiet mhux approvati u li ma kienux aċċettabli.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat kif ġej:-
Building Heights iktar għoljin minn dawk stipulati jistgħu jiġu mibdula fil-Pjanijiet Lokali li jiġu approvati mill-Awtorita` u mbagħad mill-Gvern. Jista` jkollok, iżda, sitwazzjoni fejn f`applikazzjonijiet li għandhom 'site area' ikbar minn 3000m2 jista` jiġi applikat il-'Floor Area Ratio' kif spjegat fil-policy "Development Control & Design Guidance 2000" u allura jista` jkollok għoli iktar minn dak stipulat.
Il-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp u l-Bord ta` l-Awtorita` għandhom l-awtorita` legali li japprovaw permessi ta` bini f`żoni mmarkati bħala green area.
Il-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp u l-Bord ta` l-Awtorita` għandhom l-awtorita` legali li japprovaw permessi ta` bini barra miż-żona ta` l-iżvilupp.
L-Aġenda kemm tal-Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kif ukoll dik tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp hija r-responsabbilita` tal-Bord jew tal-Kummissjoni stess u dejjem ġew ippreparati fuq struzzjonijiet tagħhom. Fl-20 ta` Novembru 2000, il-grupp tas-segretarji li jipprepara l-Aġenda ġie rilokat minn uffiċċju fid-Direttorat għal ieħor fl-uffiċċju taċ-Chairman.
Ħadd m`għandu d-dritt li jqabbeż applikazzjonijiet li jkunu wara oħrajn jekk mhux fuq struzzjonijiet tal-Bord jew tal-Kummissjoni jew tac-Chairman rispettiv tagħhom.
Kemm l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kif ukoll il-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp jirregolaw il-proċeduri tagħhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq postijiet tax-xogħol kemm ilha li twaqqfet l-awtorita' għas-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara li saru l-konsultazzjonijiet ma' l-imsieħba soċjali fl-MCED, il-Gvern ser iwaqqaf l-Awtorita' tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq ix-Xogħol fil-ġranet li ġejjin. Fil-frattemp, spezzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, bħal ma kienu jsiru qabel, baqgħu jsiru mit-Taqsima tas-Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol, fi ħdan id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg.
Jista' l-Prim Ministru jgħid minn Jannar 'l hawn kemm saru diretturi fiċ-Ċivil, f'liema postijiet, f'liema kariga, min huma; u xi grad kellhom qabel saru diretturi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Lista ta’ Diretturi fis-Servizz Pubbliku li ħadu ħatra mill-1 ta’ Jannar ’l hawn.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn waqaf ir-restawr ta' Torri San Tumas, Wied il-Għajn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li, għalkemm ix-xogħol fuq is-sit huwa preżentament wieqaf, bħalissa qegħdin isiru l-aħħar preparamenti biex tinħareġ sejħa għall-offerti għall-kumplament tar-restawr fuq it-Torri ta' San Tumas f'Wied il-Għajn.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm nisa rreġistrati bħala self-employed ma' l-ETC? Jista' jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet tagħhom; il-lokalita' minn fejn ġejjin, meta bdew jaħdmu għal rashom, f'liema qasam huma attivi; u kemm għandhom impjegati magħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li f'Diċembru 2000, n-numru ta' nisa reġistrati bħala self-employed ma' l-ETC kien ta' 2,132. Minnhom kien hemm 35 li ma jimpjegaw lil ħadd, 2,062 li jimpjegaw anqas minn 5 persuni, 26 li jimpjegaw bejn 5 u 10 persuni u 9 li jimpjegaw aktar minn 10 persuni.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni dwar l-etajiet u minn liema lokalitajiet ġejjin dawn in-nisa, kemm ilhom jaħdmu bħala self-employed u f'liema industrija jaħdmu.