Jista' l-Ministru jidħol fil-każ ta' numru żgħir ta' pulizija nisa li qegħdin jaħdmu fuq sistema ta' sigħat imnaqqsa minħabba responsabiltajiet familjali u li ġew infurmati li se jkollhom jibdew jaħdmu s-sigħat kollha? Jista' l-Ministru jara li dawn in-nisa jibqgħu jagħmlu użu minn din il-kundizzjoni ta' xogħol family-friendly?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li saru talbiet minn diversi membri tal-Korp, kif ukoll mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija, is-sistema ta` sigħat imnaqqsa qed terġa` tiġi ikkunsidrata sabiex jinstab l-aħjar mod kif din tista` tkun implementata għall-benefiċċju tal-membri, li jixtiequ jaħdmu sigħat imnaqqsa, u dan sabiex ma tkunx ta` detriment kemm għall-membri sħabhom l-oħra kif ukoll għal l-eżiġenzi tal-Korp. Dan dejjem fl-aħjar interess tal-kommunita in ġenerali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' swat fid-dar irrappurtati din is-sena? Jista' jagħti l-informazzjoni maqsuma skond l-etajiet tal-vittmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' każijiet ta' swat fid-dar rappurtati lill-Aġenzija Appoġġ, din is-sena sa l-aħħar ta' Ottubru, kien ta' 301.
L-istatistika mitluba fit-tieni parti tal-Mistoqsija għada qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tfajliet attendew id-diviżjoni ta' l-ommijiet minn kemm din ilha mwaqqfa fid-dipartiment ta' l-edukazzjoni? Jista' jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet tat-tfajliet u l-lokalitajiet li ġejjin minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru tirreferi għat-tweġibiet mogħtija għal Mistoqsijiet Parlamentari numri 3948, 5094, 7657, 16459, 21858, 25509, 31914 u 35885.
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn ħaddiema li jaħdmu fil-land registry - u li wħud minnhom ilhom hemm aktar minn għaxar snin u li ngħataw taħriġ speċifikat għal dan ix-xogħol - se jkollhom jerġgħu japplikaw għax-xogħol u jiġu suġġetti għal interview ma' applikanti oħra miċ-ċivil u minn parastatali oħra?
Jista' jgħid ukoll għalfejn dawn il-ħaddiema se jitpoġġew fuq performance agreement (skond ċirkolari MPO175 u 176 200) meta dawn huma biss minn skala 9 'il fuq?
Response (BORG, TONIO)
It-talba għar-reorganizazzjoni fir-Reġistru ta` l-Artijiet ilha pendenti s-snin. Fl-1999 ġiet approvata allowance għal impjegati tar-Reġistru. Din l-allowance ingħatat bħala miżura temporanja sakemm tinstab soluzzjoni permanenti.
Peress li dawn l-impjegati huma mħalltin bejn tekniċi u klerikali u peress li l-policy tal-Gvern hija li ma jinħolqux gradi ġodda, inħarġu ċ-ċirkolarijiet imsemmija. Ovvjament iċ-ċirkulari ma tistax tkun limitata għal dipartiment wieħed imma huwa daqstant ovvju li t-taħriġ li ngħataw u l-esperjenza li għandhom ipoġġuhom f`vantaġġ u mhux fi żvantaġġ.
Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterji ttieħdu d-deċiżjonijiet biex fi Triq il-Mina ta' Hompesch f'Ħaż-Żabbar sar spazju għal parking quddiem ċerti stabbilimenti kummerċjali u quddiem oħrajn inżebgħu linji ta' no parking? Jista' jikkonferma jekk dawn is-sinjali u l-proġett kollu sarx bl-approvazzjoni tal-bord għall-kontroll ta' t-traffiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawn is-sinjali u l-proġett kollu sar bl-approvazzjoni tad-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku u hemm parking fuq iż-żewġ naħat tat-triq. Il-partijiet ta' no parking qedgħin biss viċin ir-roundabout k/m Triq is-Sur, viċin il-bus lay-bys u l-pedestrian crossings u fil-kantunieri tat-toroq.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex ingħatat l-ordni biex dawk kollha li qed jaħdmu fil-Community Development Unit sa nofs Lulju, jagħlqu l-proġetti kollha li għandhom fil-komunitajiet tal-Kottonera, mal-kunsilli lokali, ma l-iskejjel u mal-knisja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħda ssir ristrutturazzjoni fil-Community Development Unit f'ċirkostanzi fejn n-numru ta' social workers hu limitat ħafna filwaqt li d-domanda għal dawn is-servizzi qed tiżdied.
Għalhekk qiegħda tingħata prijorita' lill-każijiet l-aktar fi bżonn sakemm jiżdied il-kumplament ta' l-istaff. Arranġamenti qed isiru biex jinstabu professjonisti oħra biex ix-xogħol ta' l-Aġenzija Appoġġ fil-Kottonera jkompli jissaħħah.
F'dan ix-xahar ser tibda social worker ġdida f'din it-taqsima iżda għad fadal postijiet vakanti għal żewġ social workers oħra.
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi qed isiru fit-tarf ta' Triq Bajada, Ħaż-Żabbar in konnessjoni mat-traffic lights li qed isiru fit-triq li tagħti għal Wied il-Għajn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-lokalita' msemmija qed isiru c-channelisations sabiex it-traffiku li joħroġ minn Triq Bajjada għal ġo Labour Road lejn is-signalised junction fit-tarf tat-triq ta' M'skala jkun jista' joħroġ b'mod ordnat u li ma joħloqx hazards għal traffiku ieħor li jgħaddi mill-lokalita'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi minn prinċipal 'l fuq fiċ-ċivil? Jista' jagħti l-informazzjoni skond l-iskala u skond id-dipartiment?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li hemm 53 vakanza f’pożizzjonijiet minn Assitent Direttur ’il fuq.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista li turi f’liema Ministeri qegħdin il-vakanzi f’dawn il-pożizzjonijiet.
Mhux possibli li ngħid kemm hemm vakanzi fi gradi oħra peress li ma jeżistux “complements” fissi u għalhekk in-numru ta’ vakanzi jinbidel kontinwament skond l-esiġenzi tas-Servizz.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod il-fundazzjoni skejjel t'għada qed tagħti kuntratti biex isiru xogħlijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada ssegwi l-proċeduri ta' akkwist skond kif regolati bir-Regolamenti ta' l-1996 dwar Akkwisti li jsiru mis-Servizz Pubbliku.
B'riferenza għal mistoqsija 34443, jista' l-Minsitru jgħid x'inhi l-funzjoni taċ-change managers?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
MISTOQSIJA NUMRU 34592
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-“Position Description” ta’ “Director (Strategy and Planning)” fl-Uffiċċju tiegħi u l-“Position Description” li għandu kull “Director (Office of Review)” f’Ministeri oħra.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-impjegati tal-gvern li qed jagħmluha ta' change agents? Jista' jgħid f'liema dipartimenti qegħdin u xi scale huma?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għaċ-“Change Managers”.
Id-“Director (Office of Review)” f’diversi Ministeri huwa ċ-“Change Manager” fil-Ministeri rispettivi.
Fl-Uffiċċju tiegħi l-funzjoni ta’ “Change Manager” hija responsabbiltà tad-“Director (Strategy and Planning)”.
Fil-Ministeri tat-Turiżmu u ta’ l-Affarijiet Barranin din il-funzjoni hija responsabbilta’ Assistenti Diretturi.
Jista l-Ministru jagħti lista ta' ġurnalisti u nies oħrajn li ntbagħtu Brussels fuq familiarisation visits mill-MIC?
Response (BORG, JOE)
Il-lista ta' ġurnalisti u nies oħrajn li ntbagħtu Brussell fuq żjarat ta' familjariżżazzjoni hija kif ġej:
Karl Stagno-Navarra
Chris Scicluna
Joseph Felice Pace
Charles Muscat
Ingrid Brownrigg
Nathaniel Attard
Tony Gaffiero
Ruth Amaira
Mario Xuereb
Reno Bugeja
Joe Mifsud
Martin Debattista
Nixtieq nżid, sabiex jiġi evitat kwalunkwe ekwivoku, li, skond informazzjoni li ngħatajt, kien hemm ġurnalist wieħed biss li applika mis-"Super One" u dan intagħżel.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod il-kummissjoni għall-avvanz tal-mara u d-dipartiment tan-nisa fis-soċjeta' ġew ikkunsultati fit-tħejjija tar-rapport sexual harassment at the work place in Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-rapport li qed tirreferi għalih l-Onor. Membru huwa rapport ta' riċerka dwar il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol li sar mill-Ministeru għall-Politika Soċjali flimkien ma' l-Aġenzija Appoġġ. Dan ir-rapport jiġbor fih ir-riżultati ta' l-istudju msemmi u ma kien qatt intenzjonat bħala rapport ta' konsultazzjoni. Jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara, li fiha hemm ukoll rappreżentanza tad-Dipartiment għan-Nisa fis-Soċjeta', kienet informata b'mod dettaljat bil-proposta ta' dan l-istudju u li tat is-sapport tagħha għal dan l-istudju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati jaħdmu fuq id-dredger ''il-kennies''? Jista' jgħid kemm hemm Maltin u kemm hemm barranin jaħdmu fuqu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sa llum l-Awtorita' Marittima ta' Malta ma tistabbilixxix in-numru ta' impjegati fuq id-dredgers. Mgħarraf ukoll li ma jeżisti l-ebda dredger bl-isem ta' il-Kennies.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn telephone box li minnha iċemplu l-ħaddiema tneħħiet mill-basement taċ-ċentru tal-ħidma soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li t-Telephone Box li kien hemm fl-entratura taċ-Ċentru hi għal persuni għomja għalhekk sibna li hi aktar aħjar li din it-Telephone Box tkun fid-dining room taċ-Ċentru ħalli l-klijenti jkollhom aktar privatezza waqt li jkunu jitkellmu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Malta kenietx rappreżentata fl-aħħar konferenza li saret mill-United Nations fuq it-tfal? Jekk iva, minn min? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kontribut dokumentat ta' pajjiżna għal din il-konferenza?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Malta kienet rappreżentata mill-Onor Helen D'Amato u mill-Ambaxxatur Malti għall-Ġnus Magħquda fi New York fl-aħħar Konferenza Speċjali tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tfal, li saret ix-xahar l-ieħor.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-diskors li l-Onor D'Amato għamlet fil-Konferenza bħala l-kap tad-delegazzjoni Maltija.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33637, jista' jgħid x'kienu l-konklużjonijiet tal-awdituri tal-Airmalta fir-rapport tagħhom dwar l-impatt li r-riżultati tal-Azzuraair jista' jkollhom fuq l-linja Nazzjonali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Air Malta hija kumpanija kummerċjali, ma naħsibx li jkun prudenti li l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-konklużjonijiet tal-awdituri tal-Airmalta fir-rapport tagħhom dwar l-impatt li r-riżultati tal-Azzuraair jista' jkollhom fuq l-linja Nazzjonali?
B'riferenza għall-mistoqsija nru. 33273 rigward sett ta' bolli li baqa' ma ħariġx,
1 jista' l-Ministru jgħid, minħabba li fit-tweġiba tiegħu qal li il-
Maltapost
qed tipprova tiċċara s-sitwazzjoni jgħidilna x'iċċarat il-
Maltapost
?
2 jista' jgħid x'inhuma r-raġunijiet legali li minħabba fihom ma nħarġux il-bolli?
3 minħabba li qal li ma jistax jiġi żvelat xi spejjeż saru, jista' għal inqas jgħid jekk dawn il-flus intilfux u x'se jiġri mill-bolli jekk jibqgħu ma joħorġux?
Response (GALEA, ĊENSU)
F'dan l-istadju m'għandix x'inżid mar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 33273.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mis-sett ta' bolli ġodda li kellu joħroġ f'Marzu bħala promozzjoni għall-industrija tal-films f'Malta? Jista' jgħid għaliex, minkejja li kien diġa` tħabbar, dan baqa' ma ħariġx? Jista' l-Ministru jgħid kemm swew dawn il-bolli? Jista' jgħid x'se jiġri mill-bolli jekk jibqgħu ma joħorġux?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-bolli dwar l-Industrija tal-Films, li kellhom jinħarġu f'Marzu, inżammu milli jinħarġu minħabba raġunijiet legali.
Maltapost qed tipprova tiċċara s-sitwazzjoni. Minħabba raġunijiet kummerċjali, Maltapost ma tistax tiżvela xi spejjeż saru.