Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #4520 Sitting 107 2004-03-02 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bordijiet u Kummisjonijiet — Perċentwal ta' nisa u rġiel

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li fil-Bordijiet u l-Kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-Dekasteru tiegħi għas-sena 2003, il-perċentwali ta’ nisa u rġiel huwa għaxra fil-mija nisa u disgħin fil-mija rġiel. Ma hemm ebda mara li hija “chairperson” ta’ dawn il-Bordijiet jew Kummissjonijiet.
Leg 10 PQ #4508 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Segretarju Permanenti Prinċipali — Salarju

Question

Kemm se ikun is-salarju tas-Segretarju Permanenti Prinċipali? X'inhuma u kemm huma l-allowances u l-fringe benefits li ser jibbenifika min ser jieħu dan il-post? Jekk dan il-post huwa suġġett għal-kuntratt, għal kemm żmien ser ikun dan il-kuntratt? Saret sejħa pubblika għal mili ta' dan il-post; kif intgħażlet il-persuna ndikata? Meta jekk kien hemm l-approvazzjoni tal-Public Service Commission xi proċedura ntużat f'dan il-każ u min approva din il-ħatra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4492 inżid ngħid li l-metodu tal-ħatra, l-paga u l-benefiċċji tas-Segretarju Permanenti Ewlieni fuq bażi ta’ kuntratt huma preċiż bħal ma kienu dawk tas-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru sal-4 ta’ Frar 2004.
Leg 10 PQ #4509 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sejħa ta' Segretarju Permanenti Prinċipali — Kuntratt

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ħatra u tal-Kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħal ma taf l-Onorevoli Membru m’hijiex etika li wieħed ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-karti mitluba, u din ir-regola dejjem ġiet irrispettata. It-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 18,371 tal-Leġislatura preċedenti tikkonferma dan.

Bordijiet u kummisjonijiet appuntati mill-Gvern — Avvanz tan-nisa

Question

Jista' il-Ministru li taħtu taqa l-entita' responsabbli għal-avvanz tan-nisa fis-soċjeta', jagħtina l-perċentwali ta' nisa u irġiet fuq bordijiet u kummisjonijiet appuntati mill-Gvern għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il- perċentwali ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul l-2003 il-perċentwali ta’ bordijiet, kummissjonijiet, kumitati, tribunali u awtoritajiet appuntati mill-Gvern li kienu ppreseduti minn nisa kien ta’ 13.3% filwaqt li 18% tal-membri fuq dawn il-bordijiet, kummissjonijiet, kumitati, tribunali u awtoritajiet kienu nisa.
Leg 10 PQ #4512 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Bordijiet u Kummisjonijiet — Perċentwali ta' rġiel u nisa

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?

Response (BORG, JOE)

matul l-2003 kien hemm erba' bordijiet / kummissjonijiet li kienu komposti kif ġej: 1. Malta / EU Steering and Action Committee (MEUSAC) - Core Group Dan kien magħmul minn 25 membru, 92% rġiel u 8% nisa. 2. Awtorita' Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar Armi Kimiċi. L-Awtorita' kienet komposta minn ħames membri, kollha rġiel. 3. Il-Bord tal-Konsulenti għall-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Dan il-Bord bħalissa hu magħmul minn 13-il membru, 85% irġiel u 15% nisa. 4. Il-Bord tal-Kunsillieri tal-Voice of the Mediteranean Dan il-Bord kien kompost minn sitt membri, kollha rġiel. Dan il-bord ġie xolt fl-aħħar tas-sena 2003. Matul l-2003 il-bordijiet fil-Ministeru kienu ippresjeduti minn irġiel.

Bordijiet u Kummisjonijiet — Perċentwali ta' rġiel u nisa

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 10 PQ #4514 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bordijiet u Kummisjonijiet — Perċentwali ta' nisa u rġiel

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa

Question

Peress li fil-mistoqsija parlamentari 4122 ma saret l-ebda riferenza għal ħatriet fis-servizz pubbliku imma staqsejt dwar proċess ta' ħatriet li jiġi segwiet minn entita' li trid issib l-aħjar persuna għall-kariga u l-artiklu 13 ta' l-Att 2003 dwar l-Ugwaljanza għall-irġiel u n-nisa ma jsemmi xejn dwar il-proċess ta' ħatra imma jitkellem dwar terms u conditions tas-CEO kif stabbiliti mill-kummissarju bi qbil mal-ministru, jista' għaldaqstant il-Viċi Prim Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari 4122?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna maħtura bħala Direttur Esekuttiv tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa hi kkunsidrata bħala persuna kompetenti biex taqdi l-funzjonijiet tal-kariga tagħha u għalhekk ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 4122 f’Seduta 101.

Kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 4123, skond artikolu 11 ta' l-Att li jirriferi għalih il-ministru, dawk maħtura jridu jintgħażlu minn fost persuni l-aktar addattati dwar issues ta' l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa u/jew issues ta' amministrazzjoni f'dan il-qasam. Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħidilna fuq liema kriterji ġew magħżula l-persuni maħtura fuq il-kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa? Fir-rigward tad-direttur eżekuttiv, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid eżattament ix-xogħol li għamlet fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif għidt diġa’ fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 4123 f’Seduta Numru 101, il-Kummissarju, il-membri u d-Direttur Esekuttiv huma kkunsidrati bħala l-persuni adatti biex jokkupaw il-karigi tagħhom. Għalhekk ma għandi xejn xi nżid ma’ dik it-Tweġiba.

Kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa — Applikazzjonijiet għal chief executive officer

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta' chief executive officer mal-kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jagħti dettalji dwar: meta u fejn ġiet ippubblikata s-sejħa min u kemm applikaw; kienx hemm short listing; min igħajjat għall-intervista; min kienu l-membri tal-bord tas-selezzjoni; meta saru l-intervisti; liema kriterji ntużaw għall-għażla; ipoġġi kopja tar-rapport tal-bord; ir-rwol tal-kummissjoni dwar is-servizz pubbliku f'din l-għażla; meta u fejn tħabbar ir-riżultat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ħatra ndikata mill-Onor. Interpellanti hi regolata bil-provedimenti ta’ artikolu 13 ta’ l-Att ta’ l-2003 dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa u mhux bil-proċeduri tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

Kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu t-track record fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa taċ-chief executive officer, tal-commissioner u ta' kull membru li nħatar/inħatret fuq il-kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissarju u l-Membri tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa huma kkunsidrati bħala persuni adatti biex jokkupaw dawn il-karigi kif jitlob l-Att li jirregola l-ħatra tagħhom. Id-Direttur Esekuttiv tal-Kummissjoni għandha esperjenza wiegħsa u twila fl-amministrazzjoni. Minkejja li skond l-istess Att, id-Direttur Esekuttiv mhux meħtieġ li jkollha xi track record fil-qasam ta’ l-ugwaljanza, il-persuna maħtura għandha wkoll esperjenza fis-suġġett bħala president ta’ NGO li tirrappreżenta lin-nisa.

Tarzna — Scrap ta' l-azzar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inbiegħ scrap ta' l-azzar (skond il-piż), xahar b'xahar fl-2003? Kemm inbiegħ scrap ta' l-azzar (skond il-piż) fit-8 ta' Jannar 2004? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li kien hemm daqstant scrap f'dan il-post minn fejn inġabar? Kemm-il vjaġġ sar biex ittieħed dan l-iscrap? Min iċċertifika liema azzar kien scrap u liema ma kienx? Min segwa li l-azzar li jittieħed kien dak immarkat bi scrap? X'inhi l-proċedura tal-bejgħ ta' dan l-iscrap? Min huwa/huma l-kuntrattur/kuntratturi li jixtru dan l-iscrap mit-Tarzna? Kif qegħda l-proċedura ta' min imissu jixtriq l-iscrap mit-Tarzna?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kuntratt għal tindif fit-tarzna

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3963, jista' il-Ministru jgħid ma min sar il-kuntratt għat-tindif fit-tarzna; kemm qed jiswa u meta sar?

Response (GATT, AUSTIN)

Tliet kumpaniji li jipprovdu servizz ta' tindif intalbu jagħmlu offerta biex jipprovdu servizz temporanju ta' tindif fil-Malta Shipyards Ltd. Intlaħaq ftehim temporanju mal-kumpanija Bad Boys Cleaning Company Ltd., li għamlet l-irħas offerta, liema ftehim huwa ta' natura kummerċjali u kunfidenzjali.

Kuntratt għat-tindif fit-tarzna

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi kuntratt għat-tindif fit-tarzna? Jekk iva, ma min, kemm qed jiswa u meta sar?

Response (GATT, AUSTIN)

It-Tarzna għandha arranġamenti temporanji, wara sejħa għall-offerti, ma kumpanija tat-tindif biex isir ċertu tindif. Dan l-arranġament jintemm malli jsir ftehim mal-MIMCOL biex it-tindif fit-Tarzna jsir minn ħaddiema li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-MIMCOL.

Tarzna ta' Bormla — CCTV system

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk fit-tarzna ta' Bormla twaħħlitx CCTV system fil-main gate, main office u l-baċir nru. 3 tal-yachting? Jekk iva, kemm ġiet tiswa din is-sistema? Ħarġet sejħa pubblika għal offerti jekk inhu l-każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nikkonferma li twaħħlu cameras tas-sigurta' f'diversi inħawi fit-Tarzna. Is-sistema swiet LM22, 771. Ix-xiri sar wara li ntalbu quotations varji.

Malta Drydocks — Vetturi mikrijin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vetturi mikrijin fit-tul fit-tarzna? Jista' jgħid kemm swew dawn il-vetturi lit-tarzna s'issa din is-sena? Kemm qegħdin jiswew lit-tarzna l-vetturi kollha li qegħdin jinkrew għal perjodu qasir biex jintużaw għal żebgħa u xogħol ieħor fit-tarzna? Jista' jgħid jekk hemmx xi vettura b'kirja permanenti li qed jitħallas aktar minn Lm1,000 fix-xahar għaliha? Jista' jgħid jekk inħarġitx sejħa pubblika għall-kiri ta' dawn il-vetturi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li fit-tarzna bħalissa hemm 20 vettura mikrija. 10 minn dawn il-vetturi huma speċjaliżżati (Forklifters/Hiup trucks/Boss side loader etc.), waqt li l-10 l-oħra huma vetturi li jintużaw mill-managers. Bejn Jannar u Novembru 2003 il-kiri ta' dawn il-vetturi sewa Lm47,843. Il-vetturi speċjaliżżati li nkrew matul din is-sena għal użu speċifiku u għal żmien qasir swew lit-tarzna Lm45,462. Inkriet vewttura waħda speċjaliżżata (Boss side loader) li tiswa aktar minn Lm1000 fix-xahar inkluż l-ispejjeż tal-maintenance li jitħallsu mis-sid. Din il-vettura hi stmata li tiswa' Lm50,000. Il-kiri ta' dawn il-vetturi sar wara li ntalbu quotations.

Tarzna — Xiri ta' apparat għall-blasting

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm sewa lit-Tarzna l-apparat li nxtara għall-blasting din is-sena? Ħarġu sejħiet pubbliċi għal dan? Kemm instab effiċjenti u kemm intnefqu flus biex issewwa apparat li nxtara bl-irkant?

Response (GATT, AUSTIN)

Fl-2002 it-Tarzna xtrat apparat ġdid u ieħor użat għas-sistema ta' aquablasting. L-apparat il-ġdid inxtara b'sistema ta' tender pubbliku. Sewa madwar Lm246,000. L-apparat użat inxtara f'irkant li sar fl-Ingilterra wara li falliet kumpanija kbira.It-tarzna xtrat apparat li sewa Lm50,000 u intefqu madwar Lm6,000 oħra biex dan l-apparat ġie serviced. Fil-kundizzjoni li kien dan l-apparat meta sar l-irkant kien stmat li jiswa Lm200,000. L-aquablasting irid jidħol fit-Tarzna għal raġunijiet ambjentali kif ukoll dawk ta' saħħa tal-ħaddiema. Id-dry gritblasting huwa effettiv ħafna teknikament, imma joħloq problemi kbar għall-ambjent u għas-saħħa tal-ħaddiema li jużawh. It-Tarzni ewlenin kollha qed idaħħlu sistemi ta' aquablasting għalkemm certu uzu ta' dry gritblasting ser jibqa għax ċertu xogħol jista' jsir biss b'dan il-metodu . Meta ddaħħal l-aquablasting fit-Tarzna kien hemm ċertu reżistenza mill-ħaddiema. Waħda mir-raġunijiet kienet li minħabba l-esperjenza l-ħaddiema kienu jtellgħu ferm aktar xogħol bid-dry gritblasting milli bl-aquablasting. Billi kien hemm allowance marbuta ma kemm isir xogħol fil-bidu, ċertu blasters intlaqtu ħażin. L-aquablasting huwa effiċjenti meta jintuża għall-iskopjiet tiegħu. Ċertu xogħol irid jibqa' jsir bid-dry gritblasting. Meta l-ħaddiema jakkwistaw aktar esperjenza fl-aquablasting il-produttivita tagħhom fuq dan ix-xogħol tikber, u aktar importanti minn hekk ikun hemm ferm anqas periklu għal saħħithom u għall-ambjent.

Tarzna — Ħaddiema nvoluti fil-kwestjoni ta' l-acting chargeman

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġara minnhom dawk il-ħaddiema li kienu nvoluti fil-kwestjoni ta' l-acting chargeman? Ġie appuntat xi ħadd minnhom? Hemm minnhom li ġew trasferiti għall-Industrial Projects & Services Ltd.?

Response (GATT, AUSTIN)

L-eżerċizzju ta' ristrutturar sar biex ġew identifikat in-numru ta' ħaddiema li l-Malta Shipyards Ltd. għandha bżonn f'kull grad. Il-vakanzi kollha issa ġew mimlija u għalhekk m'hemmx ħsieb li jsiru ħatriet ġodda.
Leg 10 PQ #2328 Sitting 52 2003-11-05 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħaż-Żabbar — Skola primarja Dr Frans Chetcuti - tfal li jużaw it-trasport

Question

Peress li dħejn l-iskola primarja ta' Ħaż-Żabbar Dr Frans Chetcuti lanqas biss pulizija ma jkun hemm meta jidħlu u joħorġu tt-fal; u peress li s-sitwazzjoni llum hi li dawk biss li jmorru bit-trasport provdut mill-gvern ikunu supervised; u peress li l-ġenituri tat-tfal iż-żgħar ma jużawx dan it-trasport minħabba li jqisuh perikoluż għat-tfal ċkejknin, jista' il-Ministru jgħid għalfejn tfal li jattendu din l-iskola u li l-ġenituri tagħhom jibagħtuhom bit-trasport li jħallsu għalih huma, mhux se jibqgħu jkunu supervised meta jaslu l-iskola u meta jiġu biex imorru lura d-dar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tfal li joqogħdu inqas minn kilometru bogħod mill-iskola ma humiex intitolati li jużaw it-trasport provdut mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Għaldaqstant il-ġenituri li jorganizzaw trasport privat għal uliedhom jafu li r-responsabbilita' għal dan hija tagħhom. Madankollu l-Kap ta' l-iskola volontarjament jieħu ħsieb dawn it-tfal fil-bitħa ta' l-iskola flimkien mat-tfal l-oħra li jużaw it-trasport uffiċjali sakemm jasal it-trasport tagħhom. Meta dan jasal, ix-xufier jidħol l-iskola biex jieħu r-responsabbilita' tat-tfal li jirkbu miegħu. Filgħodu il-bibien ta' l-iskola jinfetħu 25 minuta qabel ma tibda l-ġurnata skolastika u t-tfal li jkun hemm jitħallew jidħlu fil-bitħa ta' l-iskola.
Leg 10 PQ #2309 Sitting 47 2003-10-27 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tas-Saħħa

Dqiq gluten free

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1944, jista' il-Ministru jgħid meta ġie mogħti l-kuntratt il-ġdid għad-dqiq gluten free, jekk ġiex ikkonsidrat il-fatt li dan id-dqiq mhux tajjeb biex isir il-ħobż minnu? Jekk iva, għalfejn xorta intgħażel dan id-dqiq meta hawn bosta nies li għandhom is-coeliac disease li jippriferu li jagħmlu l-ħobż huma jew għax li jingħataw mill-isptar mhux biżżejjed jew għax ma joqgħġobhomx? Jekk id-dqiq se jinxtara xorta, x'inhi d-diffikulta' li jinxtara dqiq li huwa tajjeb għall-ħobż ukoll u mhux għall-ħelu biss?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma għandi xejn x'inżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 1944.