Tistà l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar x’inhuma l-prijoritajiet fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem li Malta se tkun qed timbotta waqt il-Presidenza Ewropea fl-2017 sabiex tkun kommessa azzjoni Ewropea dwarhom?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-isfond ta’ diversi skambji li saru bejn il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenziji rispettivi tagħha, kif ukoll fl-ambitu tax-xogħol li qed isir lokalment, kien deċiż li Malta tiffoka fuq żewġ prijoritajiet waqt il-Presidenza tagħha, li huma il-vjolenza kontra n-nisa, u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ.
Dwar l-ewwel punt, se jkun propost qbil bejn l-istati membri għal bżonn ta’ miżuri Ewropej dwar il-vjolenza kontra n-nisa b’mod sistematiku. Il-Ministeru tiegħi se jkun qed jaħdem mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, kif ukoll l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali li diġà għamlu diversi studji f’dal-qasam u li wrew kemm is-sitwazzjoni hija mwierha madwar l-Ewropa kollha.
Dwar it-tieni punt, Malta se tkun qed tfittex qbil għal politika Ewropea komprensiva u sistematika li tavvanza d-drittijiet indaqs għal persuni gay, liżbjani, bisesswali, trans u intersess. Mill-ġdid il-Ministeru tiegħi se jkun qed jaħdem mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali li ħadet ħsieb l-akbar servej li qatt sar ma persuni LGBT, u li għandi informazzjoni li waslet sabiex tippublika servej mal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-istati membri.
Malta qegħda f’pożizzjoni tajba sabiex tavvanza dawn iż-żewġ politiki minħabba li fuq livell Ewropew Malta spiss tissemma bħala l-aħjar prattika fiż-żewġ oqsma sforz il-mod sistematiku li qed naħdmu bih.
Jista’ l-Ministru jelenka l-punti prinċipali fejn l-Oppożizzjoni ma kenitx korretta f’dak li qalet fejn jirrigwarda t-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Oppożizzjoni għamlet kampanja negattiva li l-uniku għan tagħha, kien u għadu, li tiżra’ d-dubji fost il-poplu. Infakkar fl-istorja maħluqa mill-Oppożizzjoni dwar ir-raġuni li wasslet lill-Arriva biex twaqqaf l-operat tagħha ġewwa pajjiżna. Infakkar li l-kumpanija Arriva kienet talbet €45 miljun f’sussidju biex topera rotot proposti mill-Gvern preżenti, liema rotot ser jiġu maħduma mill-operatur il-ġdid b’sussidju ta’ €29 miljun. Konna wasalna f’punt fejn l-Arriva Malta Ltd. riedet li tillikwida l-kumpanija. Ġiet imwaqqfa kumpanija tranżitorja, il-Malta Public Transport Services Ltd. sakemm jintagħżel l-operatur il-ġdid. B’hekk salvajna l-impjiegi tal-ħaddiema u bqajna noffru servizz ta’ trasport pubbliku aħjar minn dak li sibna. Saret kritika distruttiva għall-aħħar min-naħa tal-Oppożizzjoni, minkejja li kull statistika miġbura kienet turi mod ieħor. Akkużaw lill-MPTS li kienet waqqfet ċertu Night Routes, meta fil-fatt dawn kienu twaqqfu żmien qabel, meta t-trasport kien għadu f’ idejn l-Arriva. L-istess ġara meta l-Arriva, f’lejliet l-ewwel tas-sena, fl-aħħar jiem tal-operat tagħha f’ pajjiżna, talbet €5 għal kull vjaġġ . Li ma qalitx l-Oppożizzjoni hu li l-ftehim iffirmat mill-istess Oppożizzjoni, dak iż-żmien fil-Gvern, kien jippermetti li jsir dan.
Infakkar ukoll fl-istorja mibnija mill-Oppożizzjoni fir-rigward tal-kumpanija Skoċċiża McGill’s li qalu rtirat l-interess tagħha minħabba l-intoppi li sabet min-naħa tal-Gvern. Meta l-kumpanija McGill’s kienet bagħtet rappreżentanti tagħha ġewwa pajjiżna biex jagħmlu laqgħat max-xufiera, il-Partit Nazzjonalista kien ipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern żamm din il-laqgħa mistura. Dan meta il-Ministeru tiegħi lanqas biss kien jaf b’din il-laqgħa aħseb u ara kemm stajna konna involuti f’din l-istess laqgħa. L-istess Partit Nazzjonalista kien qal li b’ McGill’s f’ Malta, kien ser ikollna Arriva oħra, u dan minħabba l-fatt li d-direttur maniġerjali ta’ din il-kumpanija qabel kien jaħdem mal-Arriva.
L-istess ġara fil-konfront tal-kumpanija National Express. Il-Partit Nazzjonalista anke f’ dan il-każ, permezz tal-kelliema tiegħu, qal li kien diffiċli li taħdem mal-Gvern u li l-istess Gvern kien qed juża politika ta’ ħabi. Kontradizzjoni fl-għola livell, meta tqis li l-kumpanija li illum qed tmexxi t-trasport pubbliku f’ pajjiżna hija kumpanija sussidjarja ta’ l-istess National Express .
L-Oppożizzjoni ma kienitx korretta ukoll fil-kummenti tagħha fuq żjara ta’ verifikazzjoni li saret ġewwa Spanja fuq l-operat tal-kumpanija Autobuses de Leon. Infakkar li klawsola fl-
Expression of Interest
kienet tippermetti li jsir dan. U dan sar peress li d-differenza fit-talba għas-sussidju mill-kumpanija Arriva, dik Spanjola u dik Maltija kienet waħda sostanzjali. Filwaqt li l-iSpanjoli talbu sussidju ta’ 29 miljun ewro, it-talba tal-Arriva kienet ta’ 45 miljun ewro u tal-Maltin kienet ta’ 40 miljun ewro. Ridna nivverifikaw li din id-differenza fit-talba ma jkolliex impatt negattiv fis-servizz offrut. L-Oppożizzjoni mill-ewwel ħarġet bl-attakki tagħha fuq din il-kumpanija Spanjola biex ibeżżgħu lill-poplu, fosthom li din hija kumpanija provinċjali u tħaddem ftit nies. Beżżgħu li ser ikun hemm tkeċċija ta’ ħaddiema mill-istess Spanjoli, kif ukoll li l-impjiegi tal-Maltin kien ser jiġi meħuda mill-ħaddiema Spanjoli, meta l-fatti qed juru mod ieħor. Mhux talli ma tkeċċewx ħaddiema, iżda saru sejħiet biex jiġu ingaġġati aktar ħaddiema ma’ dawk li diġa’ kien hemm.
Infakkar meta l-kuntratt bejn l-
Autobuses de Leon
u l-UBS ma ġiex imġedded minħabba nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat. Il-kumpanija Spanjola għamlet arranġamenti oħra biex is-servizz setgħa jkompli mingħajr ebda inkonvenjent għall-passiġieri. Hawnhekk l-Oppożizzjoni permezz tal-
media
tagħha tat l-impressjoni li ntużaw
mini-buses
minflok
coaches
, meta dawn l-istess
mini-buses
kienu ilhom jintużaw fuq diversi rotot.
L-Oppożizzjoni approfittat ruħha ukoll minn persuni b’ diżabilita’ u pruvat tużahom bħala ballun politiku. Qajjmet l-
issue
tal-persuni b’ diżabilita’ li jużaw
scooters
. Li ma qalux hu li l-Arriva kienet ħolqot
policy
li ċertu
scooters
ma jitħallewx jitilgħu fuq il-karozzi tal-linja u din ir-restrizzjoni kienet parti mill-kundizzjoni tal-ġarr ta’ persuni. U Gvern preċedenti la qatt tkellem fuq din l-
issue
, aħseb u ara kemm oġġezzjona għaliha !!
Ta’ min ifakkar meta l-
media
tal-Partit fl-Oppożizzjoni ħarġet bi storja ftit xhur ilu li karozza ħadet in-nar, meta stqarrija tal-Malta Public Transport ċaħdet din l-aħbar. Fil-fatt dan ma kien ħruq xejn iżda fwar li ħareġ mill-magna ikkawżat minn ilma tal-
air-conditioner
li nixxa lejn il-magna.
Madankollu, il-ħidma tal-Gvern kompliet għaddejja minkejja dawn l-intoppi kollha. Fassalna rotot ġodda wara konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku u mal-kunsilli lokali kollha.
Nesiġu li l-operatur tat-trasport pubbliku preżenti jimxi mal-ftehim biex ikollna servizz li jkun aċċettat mill-poplu Malti u Għawdxi kollu minkejja d-diffikultajiet li sibna.
Institute for Climate Change and Sustainable Development – Studju dwar it-trasport pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li minn studju li kien sar fl-2012 mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Università ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ġie kkonfermat li bl-operat tat-trasport pubbliku tal-kumpanija Arriva, il-poplu kien tilef il-fiduċja fit-trasport pubbliku bil-konsegwenza li kien hemm żieda fil-karozzi privati fit-toroq kif ukoll żieda drastika f’inċidenti tat-traffiku?
Response (MIZZI, JOE)
L-istudju li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant janalizza s-sitwazzjoni tat-traffiku fl-2012, li kienet it-tieni sena mir-riforma tat-trasport pubbliku.
Din kienet riforma li minkejja l-aspettattivi li nħolqu dwarha minn Gvern preċedenti, ma ħallietx ir-riżultati mixtieqa u l-pubbliku qata’ qalbu juża s-servizz. Dan bil-konsegwenza li l-patronaġġ naqas drastikament u reġa’ kien hemm żieda fl-użu tal-karozzi privati. Dan bla dubju, wassal għal żieda wkoll fit-traffiku f’pajjiżna.
Minħabba f’hekk kif ukoll minħabba problemi finanzjarji kbar, il-kumpanija li kienet tmexxi t-traspost pubbliku, kellha titlaq u s-sena li għaddiet, is-servizz tmexxa mill-Gvern sakemm instab operatur ieħor.
Statistika uffiċjali turi li matul dan il-perjodu, kien hemm irkupru fil-bejgħ ta’ biljetti kif ukoll żieda fil-patrunaġġ u dan grazzi għall-ħidma ta’ dan il-Gvern, li minkejja li ma nefaqx ewro f’konsulenzi, wettaq ċertu bidliet fir-rotot biex is-servizz reġa’ beda jlaħħaq mad-domanda.
Din is-sena, hekk kif is-servizz beda jitħaddem mill-kumpanija l-ġdida, il-patronaġġ reġa’ beda jirpilja. Ta’ min jgħid ukoll li n-numru ta’ passiġġieri s-sena li għaddiet, meta s-servizz kien immexxi mill-Gvern u Transport Malta kien l-għola f’ 25 sena.
Institute for Climate Change and Sustainable Development — Studju dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li minn studju li sar fl-2012 mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Università ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea sar magħruf li s-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna fi żmien Gvern preċedenti kienet ħafna aktar imwiegħra milli kienet tingħata l-impressjoni? Jikkonferma l-Ministru li waħda mill-persuni li għamlu dan l-istudju llum tmexxi wieħed mid-disa’ fora maħtura mill-Partit Nazzjonalista?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudju kkonferma li f’Malta, il-medja ta’ sekondi f’delays għal kull kilometru kien ta’ 16.93 sekonda meta l-medja fl-Unjoni Ewropeja kienet ta’ 5.74. Din iċ-ċifra turi li s-sitwazzjoni fl-2012 kienet waħda allarmanti.
Ir-riżultati wrew li kien hemm deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni tal-konġestjoni tat-traffiku f’Malta.
Iż-żieda fin-numru ta’ vetturi ħalliet impatt fuq l-ambjent ta’ Malta u fuq is-saħħa pubblika, l-ekonomija u l-‘overall business climate’.
L-istudju ippropona miżuri immirati biex jitnaqqas it-traffiku, fosthom li tiżdied l-effiċjenza fit-trasport pubbliku u dan meta fl-istess perjodu s-servizz offrut mill- Arriva ma kienx wieħed sodisfaċenti.
L-istudju, li fost oħrajn sar minn persuna li illum tagħmel parti minn wieħed mill-fora tal-Partit Nazzjonalista, ppropona wkoll li l-ħinijiet tal-iskejjel u tax-xogħol għandhom jiġu mifruxin fuq ħin itwal. Ironikament, il-Partit Nazzjonalista, dak iż-żmien il-Partit fil-Gvern, ma wera ebda oġġezzjoni għal din il-proposta. Dan jikkontrasta bil-kbir mal-kritika kbira li preżentament qed issir mill-istess Partit għal suġġeriment simili li sar biex jitressaq għall-opinjoni pubblika li sar ftit jiem ilu f’dan l-istess rigward.
Studju mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development
Question
Fl-2012 kien sar studju mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Università ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. B’riżultat ta’ dan ir-rapport, jista’ l-Ministru jgħid x’għamel u x’qed jagħmel il-Gvern preżenti u x’passi ħa, kemm short-term, medium-term u long-term?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel u l-aktar ħaġa importanti hija li dan il-Gvern qatt ma ċaħad li l-problema tat-traffiku teżisti. It-traffiku kien u għadu problema.
Il-kawżi prinċipali sfortunatament huma n-numru eċċessiv ta’ vetturi, in-nuqqas ta’ ‘capacity investment’ li sar matul is-snin, ix-xogħlijiet infrastruttural li jridu jsiru bil-fors u n-nuqqas ta’ dixxiplina fost is-sewwieqa.
Sa mill-ewwel ġranet dan il-Gvern beda jaħdem biex itaffi l-problema, fosthom l-ewwel waħda kruċjali li sab ma’ wiċċu, li ried iġib it-trasport publiku lura fuq saqajh, wara li l-poplu kien tilef il-fiduċja kollha fih.
Il-prijorita hija li jiżgura li l-poplu jkun moqdi bi trasport pubbliku effiċjenti. L-istudju mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Universita ta’ Malta, qal li qabel ma jkun hawn trasport pubbliku effiċjenti, il-problema tat-traffiku ma tistax tonqos. Anke L-Oppożizzjoni ammettiet fir-rapport tat-telfa li meta kienet fil-Gvern tilfet il-kontroll tas-sitwazzjoni fit-trasport pubbliku. Kienet din is-sitwazzjoni li sab ma’ wiċċu dan il-Gvern. Dan il-Gvern ottimist li bin-numru ta’ vetturi ġodda li waslu biex ikopru r-rotot li ntalbu mill-poplu u bis-sistema l-ġdida li biha jinxtraw il-biljetti, intiża biex jintilef inqas ħin, se jwasslu biex fil-ġimgħat li ġejjin, it-trasport pubbliku jkun irpilja.
Ġie mwaqqaf it-Traffic management committee kompost minn entitajiet differenti tal-Gvern fosthom Transport Malta, Pulizija, GRTU u fejn ikun hemm bżonn, ninvolvu lill-Kunsilli Lokali. Dan l-kumitat jiltaqa’ regolarment fejn janalizza miżuri li jkollom jittieħdu, partikolarment dawk short u medium term.
Ġew upgraded il-junctions ta’ Ħ’Attard u Birżebbuġa
Ġew implimentati numru ta’ Priority Lanes, fosthom:
· Triq Aldo Moro, il-Marsa
· Msida Pjazza, Msida
· Triq ix-Xatt, Pieta’
· Triq ix-Xatt, Gżira
· Triq ix-Xatt, Sliema
Se jiġi implimentat disinn ġdid għal junctions fosthom:
· Bieb is-Sultan, Birgu,
· Triq Burmarrad c/w Triq Wardija, Burmarrad
· Triq il-Missjoni Taljana c/w Triq Santu Rokku
· Triq Mattew Sultana c/w Triq Sienja Kalkara
· Triq Napuljun Caruana Dingli c/wDawret Ħal Għaxaq
· Triq Ħal Farruġ c/w Triq Ħal Luqa, Luqa
· Triq Mdina c/w Triq l-Iljun, Qormi
· Triq Blajjiet c/w Triq Żonqor, Marsaskala
· Telgħa tas-Saqqajja, Rabat
·
Alignment
ta’ Triq il-Kappillan Mifsud c/w Triq Reġjonali, Santa Venera
· Sar id-disinn mill-ġdid ta’ Triq Sant Andrija c/w Triq Villa Rosa, San Ġiljan
Xogħlijiet fit-toroq qed jiġu ssorveljati aħjar biex jiġi żgurat li l-arranġamenti temporanji tat-traffiku fuq is-sit ikunu skont l-iskemi approvati u biex Transport Malta tkun tista’ tidentifika n-nuqqasijiet li jkun hemm u tiżgura mal-kuntrattur li dan jindirizzahom immedjatament. Kemm jista’ jkun, ħafna mix-xogħlijiet qed isiru bil-lejl biex inqas vetturi jiġu affetwati kif ukoll qed tingħata informazzjoni minn qabel fuq toroq li jkun ser isir ix-xogħol fuqhom u dettalji fuq devjazzjonijiet.
Barra minn hekk, il-Gvern qed jaħdem fuq mezzi alternattivi għall-vetturi privati, fosthom trasport bil-baħar.
Bil-għan li aktar nies jitħajru jirkbu r-rota għax-xogħol u b’hekk, ikunu qed jonqsu n-numru ta’ vetturi fit-toroq, allura inqas traffiku, fix-xhur li ġejjin, l-MTU u l-GHRC se joħorġu sejħa għall-offerti biex jitwaħħlu 6 bicycle racks ġodda f’postijiet differenti fil-Belt Valletta.
Bit-tlestija ta’ Triq Diċembru 13, li Gvern preċedenti ħalla nofs xogħol bħal proġetti oħrajn li kienu f’riskju kbir li jintilfu l-fondi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll bit-tlestija ta’ Triq il-Kosta fil-ġimgħat li ġejjin, diġa’ se jibda jidher it-titjib fit-traffiku.
Barra minn hekk, is-sena d-dieħla mistenni jibda x-xogħol fuq il-Junction tal-Kappara li meta jitlesta, se tara t-tnaqqis fil-konġestjoni ta’ traffiku, kif ukoll aktar ‘l-quddiem, il-proġett tal-Addolorata Junction li mistenni jtaffi mhux ftit il-problema tat-traffiku fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Institute for Climate Change and Sustainable Development – rapport dwar l-emissjonijiet mit-trasport
Question
Fl-2012 kien sar studju mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Università ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, liema rapport jittratta l-impatt li l-emissjonijiet mit-trasport qed iħallu fuq l-ambjent. Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel dan il-Gvern f’dan ir-rigward?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar snin, pajjiżna rreġistra żieda konsiderevoli fin-numru ta’ vetturi reġistrati għall-użu fit-toroq tagħna, b'konsegwenza ta' żieda fil-konġestjoni tat-traffiku. Sfortunatament kien hemm żmien fejn amministrazzjonijiet preċedenti kienu jiftaħru bin-numru ta’ vetturi li dejjem qed jiżdiedu u flok irrealizzaw x’se jkunu l-konsegwenzi, kienu jabbinaw dawn il-figuri ma’ kwalita aħjar li qed ikollu l-poplu Malti.
Il-konġestjoni tat-traffiku twassal ukoll għal nuqqas fl-effiċjenza u b'hekk taffetwa b'mod negattiv il-produzzjoni tal-pajjiż.
Ninsabu mpenjati li mhux biss nipprovdu u nipromwovu servizzi ta' trasport pubbliku li jkunu aktar effiċjenti u b'hekk ikunu aktar aċċettati u użati mill-pubbliku, iżda wkoll li nipromwovu servizzi u mezzi ta' trasport differenti u nnovattivi, li huma effiċjenti, sostennibli u li jħammġu anqas.
Il-politika tagħna mhix waħda li neliminaw l-użu tal-karozza privata, iżda li nħajjru lill-publiku juża mezzi tat-trasport differenti skont il-ħtieġa, u partikolarment skont id-distanza.
Nidejna skema ex gratia li provdiet ghall-għotja ta’ darba għall vetturi reġistrati u liċenzjati għall-użu personali bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2008, kif ukoll erġajna daħħalna skema għall-iskrappjar tal-vetturi qodma u li jħammġu. Permezz ta’ din l-iskema tajna għotja ta’ bejn 500 u 900 ewro għal kull vettura.
Nedejna skema li tinċentiva x-xiri ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku u kwadriċikletti li jaħdmu bl-elettriku u fl-istess waqt jitnaqqas in-numru ta’ vetturi bil-mutur qodma mit-toroq.
Nedejna ukoll Car pooling biex inqas persuni jużaw il-vettura personali tagħhom u allura jkun hemm inqas vetturi u inqas emissjonijiet fit-toroq
Inċentivajna l-użu tar-roti billi se jsiru bicycle racks li joffru alternattiva effiċjenti għal dawk li jaħdmu l-Belt Valletta.
Il- Ferry services huma ukoll alteranttiva għal min jaħdem il-Belt Valletta u Tas-Sliema
Huwa importanti li l-pubbliku wkoll jagħmel il-parti tiegħu. Ladarba n-nies iħarsu lejn mezzi u differenti ta’ trasport b'mod aktar pożittiv, ikunu qed jikkontribwixxu biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq kif ukoll fl-istess waqt ikunu qed jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja.
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lil Onor. Interpellant li wara li l-Kunsill Konsultattiv Għan-Nofsinhar ta’ Malta (KKNM) lesta l-proċess ta konsultazzjoni ma l-entitajiet konċernati, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-pubblikazzjoni tat-tender u l-permessi tal-MEPA.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont f' termini finanzjarji ta' enerġija prodotta mill-power station li jmur biex jinxtegħel id-dawl ta' barra fit-toroq u fiż-żoni residenzjali ta' Malta u Għawdex kollu? Hux vijabbli li dan id-dawl jiġix prodott minflok bl-enerġija tal-power station bl-enerġija tad-dawl tax-xemx (enerġija solari - bil-panelli voltaiċi) anke biex Malta tilħaq il-miri tal-enerġija fi 2020? Hemm xi pjan imfassal biex dan iseħħ? X'inhuma t-time lines?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.