Membri tal-Korp tal-Pulizija li nstabu taħt l-effett ta’ xorb alkoħoliku eċċessiv
Question
Jista' l-Ministru jgħid bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena, kemm kien hemm każijiet fejn xi membru jew membri fil-Korp tal-Pulizija nstabu taħt l-effett ta' xorb alkoħoliku eċċessiv? X'passi ttieħdu dwar dawn il-membri tal-korp? Kien hemm minnhom li baqgħu fil-Korp tal-Pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn l-1999 u l-2012 kien hemm zewġ kazi fejn membri tal-Korp tal-Pulizija nstabu li kienu taħt l-effet ta’ xorb alkoħoliku, u t-tnejn kienu ngħataw twissija bil-miktub. It-tnejn baqghu fil-Korp.
Qorti — Persuni akkużati li attakkaw membri tal-Korp tal-Pulizija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tkun imwieġba din il-mistoqsija, akkużati li ħebbew u attakkaw membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta' dmirijiethom, sena b’sena b’mod separat? Kemm minn dawn instabu ħatja mill-Qorti? X'pieni ngħataw dawn il-persuni li nstabu ħatja?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena (2015) kien hemm 226 persuna li tressqu l-Qorti fuq akkuzi li ħebbew jew attakkaw membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Min dawn 135 persuna kellhom il-kaz tagħhom deċiz u nstabu ħatja. L-ezitu tal-kaz kien kif indikat fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Pulizija li soffrew inċident waqt il-qadi ta’ dmirijiethom
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija li sofrew minn xi inċident waqt il-qadi ta' dmirijiethom minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Persuni li ġabu d-divorzju b’deċiżjoni tal-Qrati Maltin
Question
Jista' l-Ministru jgħid, min meta daħal id-divorzju f'pajjiżna, kemm kienu l-persuni li ġabu d-divorzju b'deċiżjoni tal-Qrati Maltin, sena b’sena, sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (BONNICI, OWEN)
It-talbiet milqugħa għal divorzju deċiżi mill-Qrati Maltin, sena b’sena sal-11 ta’ Settembru 2015 huma dawn:-
SenaTalbiet għal Divorzju milqugħa
2011 (Minn Ottubru sa Diċembru)42
2012432
2013349
2014320
2015 (sal-11 ta’ Settembru)243
Total1386
It-talbiet milqugħa għal divorzju deċiżi mill-Qorti ta’ Għawdex, sena b’sena sal-11 ta’ Settembru 2015 huma dawn:-
SenaTalbiet għal Divorzju milqugħa
2011 (Minn Ottubru sa Diċembru)2
201218
201311
20147
2015 (sal-11 ta’ Settembru)12
Total50
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – tħejjija għall-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE 2017
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi tħejjijiet qed isiru min-naħa tal-Ministeru tiegħu fuq livell ta’ Trio dwar il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE 2017?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, il-Ministeru qed jaħdem bi sħiħ biex iwettaq dmirijietu u jipprepara bi ħġaru għal Presidenza. Dan il-Minsteru għandu rwol ċentrali fil-Presidenza peress li jħaddan iktar minn nofs l-EU acquis. Għaldaqstant il-Ministeru qed jipparteċipa f’laqgħat fi ħdan it-Trio kemm fuq livell ta’ esperti u kemm fuq livell ministerjali biex iħejji l-prioritajiet u jassigura li dawn isiru bl-iktar mod effiċjenti għal Malta.
Fil-fatt, saret laqgħa tat-Trio f’livell Ministerjali f’Marzu 2015 fejn iddiskutejna l-prioritajiet fuq sfond ambjentali fiż-żmien tat-twettiq tal-Presidenza. Barra minn hekk, il-ħidma għaddejja wkoll fuq livelli ta’ uffiċjali għolja mill-Ministeru fejn saru laqgħat frekwenti matul l-aħħar sena. Dawn il-laqgħat bdew f’Ottubru 2014 fis-Slovakkja u komplew permezz ta’ laqgħa fi Brussel. F’Mejju 2015, Malta ospitat laqgħa informali tat-Trio fejn tkomplew jiġu diskussi l-prioritajiet kif ukoll moduli ta’ ħidma. Dawn id-diskussjonijiet mistennija jkomplu f’Ottobru fejn Malta ġiet mistiedna għal-laqgħa informali fl-Olanda.
Jista' l-Ministru jgħid minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm ittellgħu nies il-Qorti, sena b’sena b’mod separat, fuq reati kriminali u jikkategorizza dawn ir-reati kriminali?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Membri tal-Korp tal-Pulizija li nqabdu jużaw id-droga
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu membri tal-Korp tal-Pulizija jużaw id-droga jew kienu fil-pussess ta' droga jew ittraffikaw id-droga bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena? X’tip ta’ droga kien hemm involuta f’kull każ u x’kien l-ammont? Kemm minnhom tressqu l-qorti u kemm minnhom instabu ħatja? X'rank kellhom meta seħħ il-każ? Kien hemm minnhom li baqgħu fil-Korp tal-Pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu mitlub, kien hemm erba’ membri tal-Korp tal-Pulizija li nqabdu jabbuzaw minn droga u dan kif muri mit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Membri tal-Korp tal-Pulizija mressqa l-Qorti akkużati b’reati kriminali
Question
Jista' l-Ministru jgħid, bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena, kemm tressqu l-Qorti membri tal-Korp tal-Pulizija akkużati b'reati kriminali? Jista’ jghid x’kienu dawn ir-reati kriminali? X'rank kellhom meta seħħ il-każ? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu fil-konfront tagħhom sakemm inqata’ l-każ tagħhom ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-1999 u l-2012 kien hemm mitejn u ħdax (211)-il membru tal-Korp li tressqu l-Qorti akkuzati b’reati kriminali. Tlieta w sittin (63) minnhom ġew temporanjament sospizi sakemm inqata’ l-kaz tagħhom. It-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra turi sena b’sena ir-rank ta’ l-uffiċjal li kkommetta r-reat, in-natura tar-reat u l-azzjoni li ttieħdet fil-konfront ta’ kull wieħed li tressaq il-Qorti sakemm ġie ddeterminat il-kaz tiegħu/tagħha.
Membri tal-Korp tal-Pulizija li nstabu ħatja ta’ reati kriminali
Question
Jista' l-Ministru jgħid, bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena, kemm kien hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li nstabu ħatja ta' reati kriminali u x'kienu l-pieni li ngħataw? X’kienu r-reati kriminali li nsabu ħatja fuqhom? Jista' jgħid jekk minn dawn kienx hemm min baqa’ fil-Korp wara s-sentenza tal-Qorti? X'rank kellhom meta seħħ il-każ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-1999 u l-2012 kien hemm 82 membru tal-Korp li nstabu ħatja ta’ reati kriminali. Ir-reati kriminali u l-pieni li ngħataw kif ukoll ir-reati kriminali li nstabu ħatja fuqhom huma mogħtija fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. L-istess tabella turi jekk il-membru kkonċernat baqax fil-Korp wara s-sentenza tal-Qorti u r-rank tiegħu/tagħha meta seħħ il-kaz.
Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – żjarat proattivi
Question
Tista’ l-Ministru tgħidilna kemm kien hemm żjarat proattivi fl-2014 u fl-2015, sena b’sena, mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, liema żjarat ikunu maħsuba biex jiżguraw konformità u biex tingħata aktar informazzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-OHSA topera permezz ta’ sistema fejn ta’ kull sena jkunu jdentifikati temi jew setturi partikolari li jkunu jimmeritaw aktar attenzjoni, F’dawn il-każijiet, l-OHSA torganiżża numru ta’ żjarat proattivi (jiġifieri li ma jsirux għax ikun reġistrat ilment).
Kemm
kien hemm żjarat proattivi fl-2014
mill-OHSA
, liema żjarat ikunu maħsuba biex jiżguraw konformit
à u biex tingħata aktar informazzjoni?
Matul l-2014 l-OHSA organiżżat total ta’ 1008 żjara proattiva.
Minn dawn, 391 saru bl-iskop li tinghata aktar informazzjoni, fil-waqt li 617 zjara saru sabiex tiġi żgurata konformita’ mar-regolamenti li jaqaw taħt l-Att dwar l-Awtorita’.
Kemm kien hem
m żjarat proattivi fl-201
5 mill-OHSA
, liema żjarat ikunu maħsuba biex jiżguraw konformit
à u biex tingħata aktar informazzjoni?
Matul l-2015 (sal-aħħar t’Awissu) l-OHSA organiżżat total ta’ 530 żjara proattiva.
Minn dawn, 120 saru bl-iskop li tingħataaktar informazzjoni, fil waqt li 410 zjarat saru sabiex tiġi żgurata konformita’ mar-regolamenti li jaqaw taħt l-Att dwar l-Awtorita’.
L-OHSA tipprova tilħaq l-ikbar numru possibbli ta’ operaturi fis-settur u dan tagħmlu wkoll permezz tal-korpi kostitwiti, b’mod partikolari dawk li jirrappreżentaw lill-operaturi u l-ħaddiema fis-settur. B’dan il-mod, tonqos il-ħtieġa ta’ żjarat f’dawn il-postijiet. Kif diġa ntqal, il-figuri mogħtija ma jinkludux żjarat/spezzjonijiet li jkunu saru wara li jkun reġistrat ilment.
Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – kampanji organizzati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm kampanji mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol matul l-2014 li ffukaw fuq setturi partikolari? Kemm qegħdin isiru matul l-2015? U x’hemm ippjanat aktar għall-futur?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-OHSA torganizza żewġ tipi ta’ kampanji – dawk intenzjonati li jwasslu informazzjoni jew li jikkonċernaw it-trawwim ta’ kuxjenza, u kampanji ta’ spezzjoni. Fir-rigward ta’ kampanji ta’ spezzjoni saru s-segwenti kampanji fis-snin imsemmija (jew maħsuba li jsiru matul l-2016):
Kemm kien hemm kampanji mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol matul l-2014 li ffukaw fuq setturi partikolari?
(i) Waqgħat mill-istess għoli fir-ristoranti;
(ii) Child care centres;
(iii) Kostruzzjoni;
(iv) Tower cranes (Malta);
(v) Agrikoltura;
(vi) Dental clinics.
Kemm qegħdin isiru matul l-2015?
(i) Tkomplija tal-kampanja fiċ-Child Care Centres;
(ii) Tower canes (Għawdex);
(iii) Industrija farmaċewtika;
(iv) Kostruzzjoni;
(v) Kumpaniji tal-assigurazzjoni.
X’hemm ippjanat aktar għall-futur?
Għalkemm għadhom ma ġewx inklużi fl-Annual Plan of Work tal-OHSA, s’issa kienu identifikati tlett setturi li potenzjalment jistgħu jsirulhom kampanji ta’ spezzjoni u ta’nformazzjoni. Dawn huma:
(i) Lukandi;
(ii) Industrija tal-gaming;
(iii) Tarznari.
Kampanji ta’ nformazzjoni u ta’ trawwim ta’ kuxjenza saru s-segwenti:
Kampanji flimkien mal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
1. Kampanja 2014–15: Inqas Stress għal Aktar Saħħa fuq ix-Xogħol
2. Kampanja - Premjijiet ta’ Prattika Tajba għal Postijiet tax-Xogħol li jġibu ‘l quddiem is-Saħħa 2014-2015 - “Inqas Stress għal Aktar Saħħa fuq ix-Xogħol.”
3. OiRA - Online Riskju interattiv Evalwazzjoni – Organizzazzjonijiet mikro u ¿għar.
4. Kampanja ta’ informazzjoni ġenerali.
5. NAPO
Kampanja 2014-15: Il-kampanja “Inqas Stress għal aktar saħħa fuq ix-Xogħol” tiġi fi tmiema fl-aħħar tas-sena 2015. Bħala kampanja tolqot postijiet tax-xogħol ta’ kull daqs u f’kull settur.
Kampanja - Premjijiet ta’ Prattika Tajba għal Postijiet tax-Xogħol li jġibu ‘l quddiem is-Saħħa 2014-2015 - “Inqas Stress għal Aktar Saħħa fuq ix-Xogħol.”:
Din il-kampanja ssir darba kull sentejn fejn isir rikonoxximent għal kontribuzzjonijiet straordinarji u impenn qawwi li postijiet tax-xogħol juru fl-immaniġjar ta’ fatturi speċifiċi fuq il-post tax-xogħol. Din is-sena bħala kampanja indirizzat postijiet tax-xogħol ta’ kull daqs u f’kull settur.
Kampanja 2016-17:
Il-kampanja għas-snin 2016-2017 ser tindirizza l-aspett ta’
“Healthy Ageing”
. Din il-kampanja ħa tolqot postijiet tax-xogħol ta’ kull daqs u f’kull settur.
Kampanja OiRA:
Fuq bażi lokali, il-kampanja
“OiRA”
tindirizza is-saħħa u s-sigurtà fl-uffiċji inti¿a għall-kumpaniji ¿għar u mikro. L-OiRA hi kampanja kontinwa.
NAPO:
NAPO hu karattru li jintuża fl-iskejjel biex titwassal informazzjoni ġenerali fuq saħħa u sigurtà lit-tfal li huma tal-età bejn id-9 u l-10 snin. NAPO hi kampanja kontinwa li ssir kull sena u tindirizza is-settur tal-edukazzjoni.
Kampanja ġenerali
1. Kampanja ta’ għarfien, edukazzjoni u promozzjoni
tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Kampanja ta’ għarfien, edukazzjoni u promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol: Uffiċjali mill-OHSA jieħdu sehem attiv f’diversi programmi kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televizjoni fejn titwassal informazzjoni fuq l-immaniġjar tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Apparti dawn il-programmi li jsiru fuq bażi regolari, l-OHSA toħroġ divesi artikli fuq il-gazzetti kif ukoll numru ta’ stqarriji għall-istampa li jindirizzaw diversi suġġetti relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Din hi kampanja kontinwa li tolqot diversi postijiet tax-xogħol ta’kull daqs u kull settur.
Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – linji gwida
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk inħarġux xi linji gwida mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol matul l-2014 u l-2015?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-informazzjoni ta’ natura teknika (inkluż linji gwida) qed toħroġ b’mod regolari minn diversi istituzzjonijiet internazzjonali li l-OHSA hija membru tagħhom. Fost dawn wieħed isib l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol u s-Senior Labour Inspectors Committee, li jippreparaw u jippubblikaw tali informazzjoni, anki bil-Malti. Din l-informazzjoni tiġi mqassma lokalment mill-OHSA lil kull min jeħtieġa, inkluż lill-imsieħba soċjali biex jgħadduha lill-membri tagħhom.
Uħud mill-pubblikazzjonijiet maħruġa tul il-perjodu msemmi minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet insibu:
1. Informazzjoni dwar kif tevita waqgħat fl-istess livell (
Slips, trips and falls
).
2. Problemi muskuloskeletali fuq ix-xogħol.
3. Problemi psiko-soċjali fuq ix-xogħol “
Healthy workplaces manage Stress
”.
4. Sustanzi perikolużi.
5. L-anzjanità attiva.
6. Żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol.
7. Nanomaterials.
8. Kif għandhom ikunu evitati r-riskji.
9. In-nisa u l-post tax-xogħol.
Barra minn hekk l-OHSA ippubblikat il-linji gwida dwar ix-Xogħol fis-sħana u x-xemx. Matul din is-sena ser ikunu ppubblikati dawn id-dokumenti mill-OHSA:
1. Gwida għall-Kunsilli Lokali.
2. L-asbestos fuq ix-xogħol.
3. Iċ-ċomb fuq ix-xogħol.
4. L-użu tas-
cyanides
fuq ix-xogħol.
Din is-sena wkoll, l-OHSA lestiet il-ħidma tagħha fuq l-għodda msejjħa OIRA (Online Interactive Risk Assessment Tool), li tgħin lil dak li jkun jifhem xi jkun irid isir biex jagħmel l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tar-riskju f’uffiċċju – f’dan is-sens, l-OIRA tista titqies bħala linja gwida ta’ kif għandu jsir dan l-eżerċizzju.
Barra minn hekk l-OHSA aġġornat erbatax il-fuljett li kienu ppreparati minnha biex jirriflettu tibdil leġiżlattiv li kien sar matul iż-żmien – dawn il-fuljetti jittrattaw suġġetti tekniċi (per eżempju: l-użu ta’
hoists and lifts
,
forklift trucks
, krejnijiet, l-armar għall-bini, skavar, l-ewwel għajnuna, xogħol b’sustanzi perikolużi, żmuntaġġ ta’ soqfa tax-xorok, xogħol fi spazju ristrett, xogħol b’radjazzjoni ioniżżanti, eċċ).
L-OHSA dalwaqt tlesti x-xogħol fuq il-preparazzjoni ta’ linja gwida oħra li tittratta x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq binjiet antiki.
Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – każi mressqa l-Qorti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm każi li tressqu l-qorti mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol matul l-2014 u l-2015, sena b’sena, u kemm minn dawn inqatgħu favur l-OHSA?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li matul l-2014, l-OHSA ressqet 68 każ quddiem il-Qorti, li 9 minnhom tressqu quddiem il-Qorti ta’ Għawdex, u li minnhom 64 każ inqatgħu favur l-OHSA. Matul 2015 sa issa, l-OHSA ressqet 91 każ quddiem il-Qorti (3 minnhom quddiem il-Qorti ta’ Ghawdex), u li minnhom 87 każ inqatgħu favur l-OHSA.
Ċertifikazzjonijiet ta’ lifts, cranes u makkinarju ieħor
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew ipproċessati ċertifikazzjonijiet ta’ lifts, cranes u makkinarju ieħor matul l-2014 u l-2015, sena b’sena? X’jiġri meta l-OHSA tinnota nuqqasijiet f’dawn iċ-ċertifikati?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li minn Jannar sa Diċembru ta’ l-2014 kien hemm 3717 liftijiet, 296 krejnijiet u 1721 makkinarju ieħor li ġew ipproċessati ċertifikazzjonijiet għalihom. Minn Jannar sa Awwissu ta’ din is-sena (2015) kien hemm 2855 liftijiet, 185 krejnijiet u 1186 makkinarju ieħor li wkoll ġew ipproċessati ċertifikazzjonijiet għalihom.
Infurmata li meta l-OHSA tinnota xi nuqqasijiet f’dawn iċ-ċertifikati bħal eżempju fil-każ ta’ liftijiet għall-passiġġieri weħidhom, jew intiżi li jġorru kemm passiġġieri u merkanzija, il-Korp Awtorizzat għall-Valutazzjoni ta’ Konformità (KAVK) jimla sezzjoni B taċ-ċertifikat (li trid timtela meta jinstabu nuqqasijiet serji) li jintbagħat lill-OHSA. Meta l-OHSA tirċievi dan iċ-ċertifikat tinħareġ “
stop notice
” lil min iħaddem sabiex jitwaqqaf il-lift sakemm jiġu rranġati n-nuqqasijiet. Meta jsiru t-tiswijiet neċessarji, min iħaddem jinforma lill-OHSA u jinħareġ ċertifikat ġdid mill-KAVK.
Fil-każ ta’ liftijiet tal-merkanzija biss, meta l-OHSA tirċievi ċertifikat li jkun fiħ nuqqasijiet, tintbagħat ittra lil min iħaddem, u jekk ikun hemm nuqqasijiet serji jitwaqqaf il-lift sakemm isiru t-tiswijiet neċessarji.
Fil-każ ta’ makkinarju ieħor, inklużi krejnijiet, teżisti proċedura simili.
Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fl-aħħar snin ibbenefikatx minn xi fondi tal-Unjoni Ewropea? U jekk iva, kemm kienu u x’sar permezz ta’ dawn il-fondi?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux qed isir xi ħaġa mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol biex ir-rekwiżiti dwar is-sigurtà fil-proġetti ta’ kostruzzjoni tkun magħrufa minn kulħadd? Tista’ tgħidilna wkoll jekk il-kunsilli lokali humiex qegħdin jiġu infurmati b’dawn ir-rekwiżiti?
Response (DALLI, HELENA)
Apparti l-informazzjoni vasta li l-OHSA żviluppat għas-settur tal-kostruzzjoni u li tpoġġi u tagħmel aċċessibbli (b’xejn) fuq il-website tagħha, u barra l-informazzjoni bil-Malti li tipprepara u tqassam l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà, l-OHSA torganizza diversi kampanji, kemm ta’ spezzjoni u kemm ta’ nformazzjoni li jindirizzaw lis-settur tal-kostruzzjoni jew problemi speċifiċi li jista’ jkun hemm f’dan is-settur. Barra minn hekk, l-OHSA torganizza diversi seminars li jindirizzaw problemi partikolari, jew kategoriji ta’ ħaddiema partikolari. L-OHSA tinforma wkoll lill-operaturi fis-settur dwar problemi partikolari, jew meta tinstab evidenza jew toħroġ informazzjoni dwar kawżi mhux komuni ta’ inċidenti jew korrimenti. L-OHSA twassal ukoll informazzjoni dwar is-settur tal-kostruzzjoni bil-parteċipazzjoni attiva fuq programmi tar-radju u tat-televiżjoni, u bil-kitba ta’ artikli tekniċi li jkunu ppubblikati fil-gazzetti minn ħin għal ħin.
Fl-istess ħin, l-OHSA qed tinsisti mal-MEPA li fil-permess għall-bini li jinħareġ minnha, jkunu elenkati l-obbligi lokali relatati mas-saħħa u s-sigurtà, u dan biex kull persuna li għalih ikun ser jinbena proġett (il-klijent skont il-liġi tas-saħħa u s-sigurta) ikun jaf b’ dak li jkun irid isir.
Fil-każ tal-kunsilli lokali, l-OHSA organizzat seminar is-sena li għaddiet, indirizzat lejhom, fejn kienu spjegati d-diversi obbligi u l-miżuri li jkunu jridu jittieħdu. Barra minn hekk, l-OHSA qed taħdem biex tiżviluppa linji gwida speċifikament indirizzati lill-kunsilli legali. Dawn il-linji gwida qegħdin jissuġġerixxu rwol lill-kunsilli, li għalkemm ma joħroġx mill-liġi, jkun mezz kif il-kunsilli jkunu jistgħu jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti. Apparti dawn l-inizjattivi, l-OHSA taħdem flimkien ma’ kunsilli dwar problemi li jistgħu jinqalgħu kull tant żmien.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm sar taħriġ mill-uffiċjali tal-OHSA lill-impjegati, liema kienu s-setturi milquta, u kemm intlaħqu nies b’dawn il-korsijiet?
Response (DALLI, HELENA)
L-OHSA ma torganizzax taħriġ għall-impjegati, li skont il-liġi, huwa obbligu legali ta’ min iħaddem. Min-naħa l-oħra, l-OHSA torganizza sessjonijiet ta’ nformazzjoni ġenerali (info-sessions) lil nies li jkunu ġejjin minn setturi varji, u fil-fatt, matul iż-żmien, l-OHSA ħadmet biex ikunu preżenti nies minn kull settur ekonomiku, industrijali jew ta’ ħidma. Għal dawn is-sessjonijiet, ikunu preżenti nies li jkunu ġejjin minn oqsma differenti. Temi partikolari li ġew diskussi matul iż-żmien jinkludu l-evalwazzjoni tar-riskju, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-ergonomics, l-istress, l-użu ta’ kimika, l-asbestos, it-tqandil u l-irfiegħ, u l-għoti tal-ewwel għajnuna.
L-OHSA torganizza wkoll sessjonijiet simili indirizzati għal nies li jkunu ġejjin minn settur speċifiku, bħal per eżempju, is-Segretarji Permanenti fil-Ministeri tal-Gvern, Diretturi u Diretturi Ġenerali fis-settur pubbliku, nies fl-armata, ħaddiema tal-agrikoltura, għalliema (kemm fi skejjel tal-Gvern kif ukoll fl-iskejjel privati u tal-Knisja), ħaddiema tal-kostruzzjoni, operaturi ta’ krejnijiet, operaturi ta’
fork lift trucks
, ħaddiema fil-manifattura, ħaddiema fl-ajruport, ħaddiema fl-uffiċċji, dentisti, tobba, sptarijiet u kliniċi (inkluż dawk privati), ħaddiema tad-dwana, ħaddiema f’barrieri u ħaddiema fis-settur tal-catering.
Iktar minn 10,000 persuna attendew s’issa għal dawn l-info sessions organizzati mill-OHSA.
Tista’ l-Ministru tgħid liema hija l-aktar kontravenzjoni komuni li jsibu l-uffiċjali tal-OHSA, u x’passi jittieħdu mill-OHSA?
Response (DALLI, HELENA)
Is-settur tal-kostruzzjoni jibqa’ assoċjat mal-ikbar numru ta’ kontravenzjonijiet, fejn l-iktar kontravenzjoni komuni hija in-nuqqas ta’ ħatra ta’ project supervisors mill-klijent tal-proġett. Kontravenzjoni oħra komuni tikkonċerna n-nuqqas ta’ teħid ta’ prekawzjonijiet biex jipprevenu l-waqgħat mill-għoli.
Fil-każ ta’ setturi oħra, l-iktar kontravenzjonijiet komuni huma n-nuqqas ta’ evalwar tar-riskji u li ma jkunx hemm rappreżentanti tal-ħaddiema għas-saħħa u s-sigurtà.
L-azzjoni li tittieħed mill-OHSA hija soġġetta għall-
Enforcement Policy
tal-istess Awtorità, li fost affarijiet oħra tesiġi li l-azzjoni li tkun trid tittieħed għandha tkun relatata mal-gravità tas-sitwazzjoni u l-kobor tar-riskji preżenti. F’kull każ, l-uffiċjali tal-OHSA jistgħu jużaw diversi poteri li jinkludu l-ħruġ ta’ ordnijiet, it-twaqqif tax-xogħol li jkun qed isir, u azzjoni relatata ma’ azzjoni ġuridika jew kważi-ġuridika (jiġifieri, l-ħruġ ta’ multa amministrattiva mill-OHSA).
Barra mill-azzjoni li tittieħed mill-Uffiċjali fuq il-post, l-OHSA qed tara li twassal kull informazzjoni, b’mod partikolari lill-korpi kostitwiti, dwar dawn in-nuqqasijiet, u dwar il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni li tkun trid tittieħed. Dan isir kemm permezz tal-iżvilupp ta’ linji gwida u tat-tqassim tagħhom u ta’ materjal ieħor li jkun disponibbli per eżempju materjal prodott mill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà, ħruġ ta’ stqarrijiet għall-istampa, tpoġġija ta’ materjal fuq il-
website
tal-OHSA, kitba ta’ artikli tekniċi għall-
media
, organizzar ta’ seminars eċċ.