Legislature:
Category:
Reset
Active:

Scientific Advisory Council for the Environment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ s-Scientific Advisory Council for the Environment? Min huma l-membri tiegħu u kemm jitħallsu għal dan ix-xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li s-Scientific Advisory Council for the Environment iltaqa 9 darbiet mis-16 ta’ Diċembru 2014 il’hawn. Il-Bord hu magħmul min Prof. Victor Axiak, Prof. Alfred Vella, Dr. Charles Galdes, Dr. Elizabeth Conrad, Dr. Noel Aquilina, Dr. Sandro Lanfranco u Ms. Paula Grech Bonnici u li l-ebda persuna minn dawn il-membri ma jitħallas għal dan ix-xogħol.

Waste Management Plan

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-obbligi fejn jirrigwarda l-immaniġġar tal-iskart skont il-Waste Management Plan għas-snin 2014 – 2020 qed jitwettqu skont l-istrateġija adottata? Jista’ speċifikament jgħid jekk il-ġbir tal-batteriji, ir-riċiklaġġ tal-apparat elettroniku, ir-riċiklaġġ tal-karta, tal-plastik, tal-ħġieġ u tal-metall sal-lum hux qed jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-istrateġija skont il-pjan? Jekk inhu hekk, jista’ jagħti l-figuri li jissostanzjaw dan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-Gvern huwa kommess li jintlaħqu l-obbligi kif stabbiliti fil-Pjan ġħal-Immaniġjar tal-Iskart ġħas-Snin 2014 – 2020. Fir-rigward tal-batteriji, il-mira indikata fil-Pjan hi rata ta' ġbir għall-iskart ta' batteriji portabbli ta’ 25% sa l-2012. Din għandha titla' għal 45% sa l-2016. Fil-waqt li din r-rata ta’ ġbir giet milħuqa fl-2013, l-aħħar data ġħas-2014 tindika li din ir-rata ma intlaħqietx. Huwa għalhekk importanti li, kif dejjem sħaqt anke pubblikament, jkun hemm infurzar iżjed qawwi u aħna mpenjati li fir-riforma tal-MEPA l-qasam tal-infurzar jissaħħaħ sabiex nassiguraw li l-miri jintlaħqu. Il-rati ta' ġbir u riċiklaġġ tal-apparat elettroniku kif stabbiliti fil-Pjan ma ntlaħqux. Minħabba f’hekk, il-Gvern dan l-aħħar nieda riforma fil-leġiżlazzjoni marbuta ma’ dan is-settur. Din ir-riforma hija mistennija li twassal ġħall-progress sostanzjali fir-rata ta' ġbir u ta' irkupru ta’ apparat elettroniku. Fir-rigward tal-karta, tal-plastik, tal-ħġieġ u tal-metall, il-mira skond il-Pjan hi rata ta’ riċiklaġġ ta’ 50% sa sena 2020. Madankollu, ir-rata attwali ta' riċiklaġġ, li fl-2013 kienet tlaħħaq 21.7%, jagħmluha diffiċli biex jinkiseb dan l-objettiv. Minkejja dan, il-Gvern hu kommess li jagħmel kull sforz biex jintlaħaq dan il-għan.

Skart – użu tal-borża organika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk issa li ġiet introdotta l-borża organika taħt skema esperimentali, x’inhuma r-riżultati li ħargu minn din l-iskema s’issa u x’inhu l-ħsieb tal-Gvern biex jintroduċi din l-iskema madwar Malta u Għawdex? Meta se tibda titwettaq?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija llili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-kampanja edukattiva “door to door” dwar il-borża organika ġiet konkluża fil-ħames lokalitajiet li se jieħdu sehem fil-proġett pilota li huma Birkirkara, Bormla, l-Imdina, Ħal Għaxaq u Ta' Xbiex. Bħalissa r-reċipjent u boroż apposta fiex jinġabar l-iskart organiku bdew jiġu mwassla bieb bieb lir-residenti f'dawn il-lokalitajiet. Il-ġbir ta' dan l-iskart hu ppjanat jibda nhar il-Ġimgħa 30 ta' Ottubru u ser isir darbtejn fil-ġimgħa, nhar ta' Tnejn u nhar ta' Ġimgħa Hu ppjanat moniteraġġ li jkopri l-perjodu kollu tal-proġett. Hekk kif jitlesta l-proġett pilota, l-Gvern ikun f’pożizzjoni li janalizza r-riżultati u mbagħad ikun jista’ jieħu deċiżjoni finali dwar l-introduzzjoni tal-borża organika.

WasteServ – inizjattivi dwar l-immanniġġjar tal-iskart u favur l-ambjent sostenibbli

Question

Jista’ l-Ministru jelenka lista ta’ inizjattivi li ħadet il-Wasteserv mill-2013 ‘l hawn bħala kampanji edukattivi dwar l-immaniġġar tal-iskart u favur l-ambjent sostenibbli?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti kienu bosta l-inizjattivi edukattivi li ħadet il-WasteServ mill-2013 ‘l hawn. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

WasteServ – investiment dwar tisħiħ fl-operat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar mill-Wasteserv mill-2013 sal-lum fejn jirrigwarda t-tisħiħ tal-operat kemm fl-impjant ta’ Sant’ Antnin kif ukoll fis-siti l-oħra li għandha l-kumpanija? Kemm kienet in-nefqa, jekk u liema investiment kien iffinanzjat minn fondi tal-UE u x’kienet ir-raġuni għal dan l-investiment?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti mill-2013 sal-lum l-investiment li sar mill-WasteServ biex jitjieb l-operat kemm fl-impjant ta’ Sant’ Antnin kif ukoll fis-siti l-oħra tal-kumpanija, kien jikkonsisti f’dawn l-inizjattivi u l-proġetti li ġejjin: L-impjant ta’ Sant Antnin: Matul it-tliet snin li għaddew sar investiment li jlaħħaq is-somma ta’ €274,026 fuq xogħol ta’ manutenzjoni tal-impjant eżistenti kif ukoll fuq titjib (improvements) fil-makkinarju u l-impjant biex kemm jista’ jkun tiżdied l-effiċjenza u l-produttività ħalli jkun jista’ jlaħħaq mad-domanda fil-qasam tal-immaniġġjar inkluż is-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart. Għal dan l-investiment ma kienx hemm għajnuna minn Fondi Ewropej. Il-Magħtab: Sar investiment ta’ €99,747 primarjament fuq l-impjant tal-gass biex nittrattaw il-gassijiet velenużi li joħorġu mill-miżbla, nikkontrollaw l-irwejjaħ u b’hekk ikollna arja aktar nadifa. Ma kien hemm ebda għajnuna minn Fondi Ewropej. Malta North: Bil-għan li jkun ittrattat l-iskart f’konformità mal-miri stabbiliti mill-UE u biex jintlaħqu l-esiġenzi tal-pajjiż għaż-żmien li ġej inbeda l-proġett tal-Malta North b’investiment ta’ €38,124,850 minn Fondi Ewropej u €1,979,958 minn fondi lokali. L-Autoclave: Dan huwa proġett innovattiv għal Malta li l-iskop tiegħu huwa li jittratta l-iskart tal-annimali peress li sal-lum m’għandniex back-up għat-trattament tal-iskart magħruf bħala Animal By Product skond id-direttivi tal-Unjoni Ewropea. Dan se jservi biex innaqqsu l-ispiża tal-esportazzjoni ta’ skart perikoluż. L-investiment ilaħħaq is-somma ta’ €73,865 minn fondi lokali u €10,720,796 minn Fondi Ewropej. L-Inċineratur: Sar investiment bl-iskop li tiżdied l-effiċjenza tal-inċineratur li jlaħħaq is-somma ta’ €32,463 minn fondi lokali. Ta’ Qali CA Site: Ġie inawgurat sit ieħor għall-ġbir tal-iskart f’Ta’ Qali u b’hekk komplejna noffru iktar faċilitajiet f’dan ir-rigward. L-ispiża għal dan il-proġett kienet ta’ €127,161 minn fondi lokali u €2,611,863 minn Fondi Ewropej. Gozo Transfer Station: Sar investiment ta’ €7,778,694 minn Fondi Ewropej u €466,243 minn fondi lokali. Dan il-proġett sar biex jintlaħqu l-miri tad-direttivi tal-UE. Rijabilitazzjoni tal-Landfills: L-istadju finali tar-rijabilitazzjoni tal-‘closed landfills’ f’Malta u Għawdex cioè l-Magħtab, Wied il-Għajn u l-Qortin f’Għawdex. Għal dan il-għan sar investiment ta’ €205,588 minn Fondi Ewropej. WEEE: Barra minn hekk, kienu investiti €7,991 bl-iskop li jkun ċentralizzat ix-xogħol tal-WEEE (Waste Electrical & Electronic Equipment) fis-sit ta’ Ħal Far u €500 f’installazzjoni ta’ PV fil-Qortin.

Wasteserv – ftehim kollettiv – benefiċċji lill-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika x’kienu l-benefiċċji li gawdew minnhom il-ħaddiema tal-WastServ permezz tal-ewwel ftehim kollettiv tagħhom li ġie ffirmat sena ilu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti illi wara ħafna snin li kien ilu mwiegħed Ftehim Kollettiv lill-ħaddiema tal-WasteServ minn mindu twaqqfet il-kumpanija, dal-Gvern, permezz tal-ewwel Ftehim Kollettiv iffirmat fl-1 ta’ Diċembru 2014, żgura li l-ħaddiema gawdew, u ser jibqgħu jgawdu minn dawn il-benefiċċji: · It-tneħħija tal-anomaliji li kienu jeżistu fil-gradi, skali u salarji tal-impjegati biex issa ġew iffissati skali ġodda li jagħtu stabbilità fl-istruttura organizzattiva. · L-introduzzjoni ta’ ħinijiet tax-xogħol realistiċi, li fost affarijiet oħra jirrispekjaw l-miżuri favur il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-familja. · L-introduzzjoni ta’ proċeduri dwar is-saħħa u s-sigurtà, il-korrimenti u l-każi ta’ mard, u kodiċi ta’ etika u dixxiplina. · Għoti ta’ żieda fil-pagi u s-salarji kif ukoll ġew riveduti għadd ta’ allowances li jibbenefikaw minnhom l-maġġoranza tal-impjegati. · L-introduzzjoni ta’ benefiċċji addizzjonali għall-impjegati bħalma huma urgent family leave, Adoption leave u Career breaks.

WasteServ – ristrutturar intern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-benefiċċji immedjati li ggwadanjat il-kumpanija WasteServ permezz tar-ristrutturar intern li sar fi ħdan l-organizzazzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-benefiċċji immedjati li ggwadanjat il-kumpanija WasteServ permezz tar-ristrutturar intern kienu dawn: Bit-twaqqif ta’ units ġodda u l-ħatriet tal-kapijiet rispettivi ta’ dawn id-dipartimenti, l-kumpanija setgħet tfassal strateġija aktar dinamika dwar l-operat ewlieni tagħha. Id-dipartimenti li twaqqfu ġodda huma dak tal-Implimentazzzjoni tal-Istrategija u Komunikazzjoni, id-Dipartiment tal-Finanzji, dak tas-Servizzi Korporattivi u id-Dipartiment tal-Operations u tal-Proġetti. Wara din il-fażi ġew riorganizzati d-dipartimenti nfushom biex ikunu konformi mal-ħtiġijiet tal-kumpanija speċjalment fit-tfassil tal-viżjoni tagħha u fuq kollox fl-implimentazzjoni tar-rwol tagħha prinċipalment fis-servizz li tagħti dwar l-immaniġġjar tal-iskart. Taħt it-tmexxija tal-Kap Eżekuttiv u l-linja ta’ Direzzjoni tal-Bord tad-Diretturi f’dawn l-aħħar sentejn il-Kumpanija irnexxielha tikkonsolida l-operat tagħha billi tmantni u ttejjeb l-effiċjenza fl-operat kif ukoll tidħol għal-proġetti ġodda bħalma huma l-Malta North fl-Għallis, l-impjant f’Tal-Kus, l-Autoclave biswit l-inċineratur tal-Marsa u l-ftuħ tas-sit għall-iskart goff f’Ta’ Qali. Barra minn hekk, ir-ristrutturar kien ikopri wkoll introduzzjoni ta’ proċeduri ġodda kif ukoll taħriġ għall-impjegati kollha. Sa mill-bidu tal-ħidma tiegħu l-maniġment tal-kumpanija għaraf il-ħtieġa tat-taħriġ u waqqaf akkademja ta’ taħriġ li minnha qed jibbenefikaw numru sostanzjali ta’ impjegati. Introduċa ‘policies’ dwar is-saħħa u s-sigurtà minbarra li waqqaf ‘unit’ speċjalizzat f’dan il-qasam. Barra minn hekk, permezz tar-ristrutturar, inqatgħu ċerti prassi antikwati u l-impjanti bdew jitmexxew fuq linji moderni. Għal dan il-għan sar ukoll investiment biex ikun imtejjeb l-apparat u l-inġenji li jintużaw fl-operat tal-kumpanija.

Ġbir ta’ skart kummerċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjani tal-Ministeru tiegħu għall-ġbir regolat tal-iskart kummerċjali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-Pjan għal-Immaniġjar tal-Iskart għas-Snin 2014 – 2020 jenfasizza l-impenn tal-Gvern li jirriforma l-metodi attwali tal-ġbir ta' l-iskart inkluż il-ġbir ta’ l-iskart mill-entitajiet kummerċjali. Dawn ir-riformi ser jiġu introdotti biss wara, fost affarijiet oħra, li l-Ministeru jniedi u jikkonkludi il-konsultazzjonijiet mill-aktar wiesgħa meħtieġa mas-settur kummerċjali inklużi stakeholders ewlenin, il-Ministeri kollha u l-oppożizzjoni nnifisha.

Għawdex – ħidma mill-WasteServ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-WasteServ f’Għawdex f’din il-leġiżlatura?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, WasteServ se tkun lestiet żewġ proġetti maġġuri f’Għawdex. Dawn jirrigwardaw ir-rijabilitazzjoni tal-miżbla fil-Qortin b’metodi rikjesti mid-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea. Flimkien ma’ dan ix-xogħol ġie abbinat it-tisbiħ tas-sit b’xogħol ta’ “landscaping” kif ukoll inbnew bjar li jiġbru l-ilma tax-xita għat-tisqija tal-istess sit. Saru wkoll xogħlijiet biex tittejjeb is-sistema ta’ “gas extraction” sabiex jitnaqqsu l-irwejjaħ u l-possibiltà ta’ nirien. Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u sewa madwar 3 miljun Ewro. Proġett ieħor hu dak fejn inbniet il-facilità, magħrufa bħala Tal-Kus Transfer Station . Dan il-proġett għandu jibda jilqa’ l-iskart ta' Għawdex fejn tibda l-ewwel fażi ta’ trattament. Finalment l-iskart jiġi imballat ġo kontenituri għat-trasport lejn il-faċilitajiet ta’ trattament f'Malta. Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u sewa madwar 10 miljun Ewro.

Rapport dwar l-iskart mill-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar minnu r-rapport dwar l-iskart mill-ikel?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ir-rapport dwar l-iskart mill-ikel huwa mistenni li jservi ta’ bażi għax-xogħol li ser jagħmel il-Ministeru fl-2016, meta se jinbdew diskussjonijiet biex naraw għandhiex twassal għat-tfassil tal-ewwel liġi f’Malta kontra l-ħela tal-ikel minn stabbilimenti kummerċjali. Dan ir-rapport qed jikkontribwixxi wkoll għall-isforzi li diġà qed isiru biex jiġi sseparat l-iskart organiku u għal inizjattiva ġdida fuq l-iskart minn stabbilimenti kummerċjali.

Ta’ Qali — CA site

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mal-ftuħ tas-CA site f’Ta’ Qali kienx hemm żieda fil-ġbir ta’ skart goff? Kien hemm żieda fl-esportazzjoni b’riżultat ta’ dan l-operat ġdid? Hemm ħsieb li jiżdiedu CA sites oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ Tabelli komparattivi tal-ammont ta’ vetturi u l-ammont ta’ skart li ddaħħal fis-CA Sites tal WasteServ, ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni mogħddijja lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-WasteServ jirriżultalha li mal-ftuh tas-CA site f’Ta’ Qali kien hemm żieda fil-ġbir ta’ skart goff. Dan huwa evidenti mill-fatt li minn Mejju sa Awwissu 2015 kien hemm 7,000 vettura li għamlu użu minn dan is-sit, waqt li s-siti l-oħra żammew l-istess ammont ta’ vetturi li jżuruhom. Barra minn hekk jirriżulta li fis-siti tal-iskart goff bejn Jannar u Awwissu kien hemm żieda ta’ madwar 2,000 tunellata aktar mis-sena ta’ qabel. Minn dan l-ammont is-sit ta’ Ta’ Qali rregistrat 952 tunellata ta’ skart goff. Ta min wieħed jiċċara li s-sit f’Ta’ Qali twaqqaf speċifikament biex jinġabar skart agrikolu u dak domestiku minn żona partikolari u għaldaqstant ma hux mistenni, tal-anqas f’dan l-istadju, li l-attività f’dan is-sit taffettwa daqstant l-esportazzjoni tal-materjal mill-WasteServ. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa m’hemmx pjanijiet li jinfetħu C ivic Amenity Sites ġodda għalkemm il-WasteServ ser tibqa’ risponsiva għal ħtiġijiet kif jistgħu jiżviluppaw.

Akkademja tal-WasteServ — korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha li twaqqfet l-akkademja ta’ taħriġ fil-WasteServ, kemm organizzat korsijiet, x’tip ta’ korsijiet u kemm kienu l-impjegati tal-WasteServe li bbenefikaw minn dan it-taħriġ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-Akkademja ta’ Taħriġ fil-WasteServ ġiet imwaqqfa fit-23 ta’ Jannar 2015 u ġew organizzati 31 kors f’diversi suġġetti u f’livelli differenti u pparteċipaw 262 impjegat f’dawn il-korsijiet.

WasteServ — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-proġetti ġodda li daħlet għalihom il-WasteServ mill-2013 ‘l hawn, fiex waslu, u jekk humiex on target skont il-pjanijiet oriġinali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-informazzjoni qed tingħata fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ekonomija ċirkulari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern fuq l-ekonomija ċirkulari li qiegħda fuq quddiem nett fl-aġenda tal-UE u tal-Ministri Ewropej tal-Ambjent?

Response (BRINCAT, LEO)

Il-Gvern jappoġġja l-għan ġenerali ambjentali tal-proposta fuq l-ekonomija ċirkulari u jirrikonoxxi li din tista’ toħloq opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp, għal aktar produttività tar-riżorsi u ekonomija kompettitiva, kif ukoll għal aktar tnaqqis tal-iskart u tal-impatti ambjentali li jirriżultaw minn xejriet ta' produzzjoni u konsum. Il-Gvern kien esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-miri ambizzjużi żżejjed għall-użu mill-ġdid ta’ materjali u riċiklaġġ, kif ukoll l-għan li jillimitaw ‘landfilling’ għall-iskart residwu fil-proposta li ġiet. Madankollu, Malta tirrikonoxxi l-importanza li tissimplifika u ttejjeb aktar il-qafas attwali tal-leġislazzjoni Ewropea dwar l-iskart, kif ukoll l-importanza biex tintlaħaq żieda ta’ ċarezza fuq l-ekonomija ċirkulari – kunċett li jista’ jmur lil hinn mill-qafas tal-leġislazzjoni Ewropea dwar l-iskart fih innifsu. Għaldaqstant il-Gvern jittama li r-reviżjoni tal-Proposta tal-Kummisjoni fuq l-ekonomija ċirkulari, li mistenniha tiġi addottata sa l-aħħar ta’ din is-sena, tqis aħjar ir-realitajiet u d-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri sabiex ikun hemm bilanċ globali u livell ta’ ambizzjoni b’miri realistiċi għall-fini ta’ kredibbilità u implimentazzjoni effettiva. Il-Gvern huwa impenjat biex ipoġġi l-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-qalba tad-deċiżjonijiet biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostennibli u ekonomiku.

MoU ambjentali bejn Malta u l-Iżrael

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa mill-MoU ambjentali bejn Malta u l-Iżrael?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-MoU li qed issir referenza għalih jittratta diversi oqsma ambjentali fosthom id-diversità bioloġika u l-protezzjoni tan-natura. Fil-qasam tal-afforestazzjoni nġiebu żewġ esperti Iżraeliti fejn qasmu ma' uffiċjali Maltin l-esperjenzi tagħhom ġewwa Iżrael u wara li raw u analiżżaw l-ambjent forestali Malti, iddiskutew u rrakkmandaw best practices f’dan il-qasam, fejn ingħataw bosta suġġerimenti rigward tkabbir ta’ siġar u pjanti indiġeni, l-użu aħjar tar-risorsi tal-ilma u kif dan jista’ jerġa jiġi riċiklat u kif għandu jitfassal pjan kontra l-inċidenza ta’ nirien. Ninsab imgħarraf li bosta minn dawn il-proposti diġà ddaħħlu fis-seħħ, filwaqt li oħrajn, bħal protezzjoni għall-tħawwil ta’ siġar ġodda u l-użu ta’ qsari li joffru aktar vantaġġ għas-siġar meta jitħawlu fil-post qegħdin fil-fażi ta’ implimentazzjoni.

Pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp sostenibbli fil-Mediterran

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien is-sehem ta’ Malta fil-pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp sostenibbli fil-Mediterran?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mgħoddi lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, f’Ġunju 2013 Malta ħadet il-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Kummissjoni Mediterranja għall-Iżvilupp Sostenibbli. Tant li b’din il-ħatra kiber ir-rwol ta’ Malta, li fi Frar tal-2014 saret konferenza f’pajjiżna biex jiġi diskuss l-ewwel abbozz tal-Istrateġija l-Ġdida. Sabiex fil-15 -il laqgħa tal-istess Kumitat Mexxej tal-Kummissjoni, li saret f’Ġunju tal-istess sena f’Malta, tnieda il-proċess ta’ reviżjoni tal-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli fil-Mediterran, fejn ġew approvati l-viżjoni u l-istruttura tal-istrateġija l-ġdida. Bħala parti mill-Presidenza, Malta kellha rwol ewlieni fit-tmexxija tal-proċess tar-reviżjoni, kif ukoll permezz ta’ finanzjament għal-laqgħat li saru f’Malta. Il-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Kummissjoni Mediterranja għall-Iżvilupp Sostenibbli ittemmet f’Ġunju ta’ din is-sena 2015. Huwa mistenni li l-istrateġija l-ġdida ser tiġi approvata fl-2016 waqt il-Konferenza tal-pajjiżi firmatarji għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran.

WasteServ — Proġett tal-impjant fl-Għallis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-impjant tal-WasteServ fl-Għallis magħruf bħala l-Malta North?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandi mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-proġett tal-Malta North qiegħed fil-fażi fejn jibda il-“commissioning” tiegħu. Għaldaqstant il-proġett qiegħed fil-ħin u din il-faċilità ser tibda taċċetta l-iskart sa l-aħħar ta’ din is sena.

Skart mill-fliexken tal-plastik u bottijiet tal-aluminju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet il-proposta tal-Gvern tal-Budget 2015 biex tiġi indirizzata l-pjaga ambjentali li ilha tkarkar ħafna dwar l-iskart mill-fliexken tal-plastik u tal-bottijiet tal-aluminju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-ġimgħat li ġejjin ser tinħareġ is-sejħa għall-proposti dwar ġbir ta’ skart ta’ fliexken tal-plastik u bottijiet tal-metal li jintużaw għax-xorb hekk kif ġie imwiegħed fil-Budget 2015.

Proġett tal-Autoclave tal-WasteServ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett tal-Autoclave tal-WasteServ u x’inhuma l-vantaġġi tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-proġett tal-Autoclave għandu jitlesta sa l-aħħar ta’ din is-sena. Il-faċilità tal-Autoclave għandha tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont ta’ fjuwil, u għaldaqstant l-emissjonijiet, li illum qed jintuża biex jiġi inċinerat l-iskart tal-Biċċerija.

Uffiċjali tal-Pulizija li telqu mill-Korp

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena, kemm kien hemm uffiċjali tal-pulizija li telqu mill-Korp? Jista' f'kull każ jindika l-grad tal-uffiċjali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.