Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li fil-pitkalija l-ġdida kien previst li minħabba l-kontijiet tad-dawl u l-ilma kien se jkun hemm 10% żieda fuq il-kontijiet lill-pitkala? X’inhu l-ħsieb tal-Gvern f’dan ir-rigward? Se jimponi premium fuq dawn il-kontijiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-Pitkala jħalssu kirja annwali tax-‘sheds’ tagħhom li jwassal ukoll għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma li jiġi kkunsmat mil-Pitkala stess. Peress li dawn il-kontijiet jintbagħtu direttament lill-Pitkala, il-Gvern m'għandu l-ebda jedd fuq dawn il-kontijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-restrizzjonijiet fil-pjanti approvati li setgħu jxekklu l-operat tal-pixkerija? X’kienet l-ispiża stmata u kemm fil-fatt se tiġi tqum il-Pixkerija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-pjanti approvati ma kienux jirriflettu l-operat ta’ ċentru ta’ rkant għall-ewwel bejgħ tal-ħut żbarkat f’Malta skond l-eżiġenzi stipulati fir-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea. Meta x-xogħlijiet infrastrutturali kif kienu definiti fit-tender maħruġ mill-Gvern preċedenti kienu konklużi, anke wara li kienu ffaċċjati u solvuti numru ta’ imprevvisti, ħareġ b’mod ċar li kien hemm restrizzjonijiet li jxekklu l-operat tal-Pixkerija.
Dawn kienu jinkludu wkoll restrizzjonijiet strutturali u li għalihom id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura kellu jsib soluzzjonijiet tekniċi biex dawn ikunu megħluba jew mitigati. Fosthom wieħed jista’ jsemmi l-fatt li l-kuritur ta’ wara, li jservi ta’
service corridor
minn fejn suppost għandu jiddaħħal il-ħut, tant huwa dejjaq li
palletizer
manwali ma jistax jintuża u għalhekk kellhom jinħadmu “trolleys” addattati biex il-ħut ikun jista’ jitwassal għall-post tal-bejgħ. Nuqqas ieħor huwa li fil-pjanti ma kien hemm ebda provviżjoni għall-post adekwat fejn ikunu stivati l-kaxxi nodfa li jużaw is-sajjieda, u lanqas uffiċini minn fejn isir ix-xogħol ta’ amministrazzjoni tal-operat tal-post. Biżżejjed ngħid ukoll li lanqas kien maħsub fit-
tender
li jkun hemm kanċell għad-dħul u ħrug ta’ l-istruttura.
Tajjeb li wieħed jgħid li joħroġ b’mod ċar il-fatt li l-Gvern Preċedenti ma kellu l-ebda pjan għall-operat ta’ din l-istruttura. Meta żvolġa x-xogħol, ħarġu nuqqasijiet fejn jidħlu
standards
rikjesti mill-liġi għal stabbilimenti ta’ l-ikel. Ukoll ma kienet ingħatat ebda konsiderazzjoni għall-ħtiġijiet biex ikunu sodisfatti l-obbligi fir-rigward ta’ sistema ta’ tikketjar jew traċċabiltà. Nista’ nibqa sejjer bil-lista ta’ nuqqasijiet. Dawn in-nuqqasijiet qed jiġu ndirizzati b’mod xieraq u bil-kollaborazzjoni ta’ l-entitajiet rispettivi anke bl-introduzzjoni ta’ teknonolġija informatika żviluppata minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan minnbarra l-problemi operattivi li joħorġu mill-fatt li l-pixkerija ġiet mibnija fuq sit li huwa l-bogħod mill-postijiet fejn jinħatt il-ħut minn fuq il-bastimenti tas-sajd.
Infurmat ukoll li filwaqt li l-istima inizjali tal-proġett kienet ta’ €3,333,125 illum, biex kienu indirizzati dawn in-nuqqasijiet, l-ispiża totali telgħet għal €3,502,383. Dawn il-figuri ma jinkludux VAT dovut.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew installati shelters għall-karozzini fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti u kemm ġew installati f’din l-amministrazzjoni, u fejn jinsabu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-implimentazzjoni ta’ dak kollu propost fil-liġi dwar it-tibdil fil-klima li l-Parlament approva unanimament? Xi strutturi għandu l-Ministeru tiegħu biex jindirizza l-iżvilupp sostenibbli?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara l-pubblikazzjoni tal-Att fuq Azzjoni Dwar Il-Klima (Kapitolu 543), biex jistabbilixxi qafas għal azzjoni dwar tibdil fil-klima li ġie ppublikat fis-7 ta’ Lulju 2015, fil-Ministeru tiegħi qed iseħħu taħdidiet interni li waslu fi stadju avvanzat sabiex jiġu stabbiliti mekkaniżmi dwar il-funzjonijiet tal-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima. Meta l-bord jiġi mwaqqaf għandu jigi mfassal pjan għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Att kif ukoll il-Fond tal-Azzjoni dwar il Klima li għandu jiġi stabbilit skond l-Att. Fl-istess waqt beda xogħol tekniku biex jibdew l-istudji li ser iwasslu għall-ewwel Low Carbon Development Strategy f’Malta.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – strutturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi strutturi għandu l-Ministeru tiegħu biex jindirizza l-iżvilupp sostenibbli?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed titħejja struttura sabiex nassiguraw li l-Gvern Malti jkompli jsaħħaħ u jferrex l-prinċipji tal-Iżvillupp Sostenibbli fis-setturi kollha. Għaldaqstant għall-ewwel darba fi ħdan il-Ministeru responsabbli mill-ambjent, bħalissa għaddej proċess sabiex ikunu ngaġġati Direttur Ġenerali għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti kif ukoll Direttur għall-Iżvilupp Sostenibbli. Dan ser ikun responsabbli milli jassigura li l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli jkunu implimentati effettivament, partikolarment l-‘mainstreaming’ tal-prinċipji fil-politika tal-Ministeri kollha. Il-proċess ta’ strutturar jitkompla hekk kif ikunu appuntati dawn iż-żewġ pożizzjonijiet sabiex jinħatru pożizzjonijiet oħra fi proċess li huma stess ikunu responsabbli li jmexxu.
Jista’ l-Ministru jgħid hux il-ħsieb tal-Gvern li jerġa’ jorganizza wirja fotografika ambjentali kif sar din is-sena?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara s-suċċess li kellha din il-wirja, anki fejn għandu x’jaqsam it-trawwim kulturali lejn l-arti tal-fotografija, nikkonferma li huwa l-ħsieb li s-sena d-dieħla ser terġa’ tiġi organizzata wirja fotografika ambjentali oħra fejn ser inwessgħu l-parteċipazzjoni biex tinkludi ukoll sottomissjonijiet artistiċi inklużi l-pittura u l-iskultura.
Biċċerija – klassifikazzjoni tal-kwalità tal-laħam taċ-ċanga u tal-majjal
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-biċċerija ssirx klassifikazzjoni tal-kwalità tal-laħam taċ-ċanga u tal-majjal?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-laħam kollu taċ-ċanga u tal-majjal li joħroġ mill-Biċċerija Pubblika huwa kklassifikat skond il-kwalità tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir biex l-ilma tax-xita mis-soqfa estensivi tal-biċċerija ma jiġix mormi iżda jintuża biex jitnaqqas ftit mill-konsum estensiv ta’ ilma fl-istess impjant?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fil-Biċċerija għaddej proċess biex ikun jista’ jinġabar l-ilma kollu tax-xita li jinżel fuq il-bjut estensivi ta’ dan l-impjant. Bil-għan li tkun żgurata l-kwalità tal-ilma, tnieda proċess biex jinbidlu s-soqfa qodma tal-asbestos li jgħattu xi bini fil-Biċċerija. Barra minn hekk, fix-xhur li għaddew, tqiegħdet sistema ta’ pajpijiet biex l-ilma mid-diversi bjut tal-Biċċerija jkun jista’ jinġabar u jittieħed f’ġibjun antik li jinsab taħt partijiet minn din il-faċilità u li ilu snin twal ma jintuża. Tnieda wkoll il-proċess biex dan il-ġibjun imdaqqas jiġi rrestawrat bil-għan li jkun jista’ jilqa’ dan l-ilma.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir fil-biċċerija biex tkun salvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fid-dawl tal-fatt li diversi strutturi f’dan l-impjant ġew installati bosta snin ilu u jinstabu fi stat ħażin ta’ konservazzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari bħalissa fil-Biċċerija għaddej xogħol biex strutturi li setgħu jirrappreżentaw riskju għall-ħaddiema jinbidlu. Fl-istess ħin, strutturi li bdew juru sinjali ta’ corrosion qed isirilhom xogħol estensiv ta’ tiswija u manutenzjoni bil-għan li jkun evitat li ssirilhom iktar ħsara u hekk tkun issalvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati kollha. Fost l-oħrajn qed jinbidel l-armar li qed iwieżen l-istruttura kollha tas-swali tal-qatla billi dawn kienu bdew juru sinjali pre-okkupanti ta’ corrosion. Dawn qed jinbidlu b’armar tal-istainless steel biex waqt li jkun evitat kwalunkwe periklu, jitnaqqas sostanzjalment ir-riskju ta’ corrosion fil-futur. Barra minn hekk, struttura oħra tal-ħadid fil-biċċerija qed tingħata trattament b’żebgħa food grade biex waqt li tkun salvagwardjata l-integrità tagħha tkun żgurata ukoll l-iġene fuq l-impjant u l-kwalità tal-laħam li joħroġ mill-Biċċerija.
L-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija l-ħadra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-Gvern dwar l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija l-ħadra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, il-Ministeru fassal abbozz ta’ strateġija u pjan ta’ azzjoni li jwassal għat-tkabbir tal-ekonomija l-ħadra u kkonkluda proċess ta’ konsultazzjoni inter-ministerjali fejn l-Ministeri individwali għaddew il-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom. Dan sar għal żewġ raġunijiet ewlenin; waħda sabiex jiġi assigurat l-mainstreaming tal-ekonomija l-ħadra kif ukoll sabiex nikkonfermaw li l-pjan ta’ azzjoni jimmassimizza l-valur miżjud ekonomiku waqt li jħares l-ambjent. Issa li ġie konkluż dan il-proċess, il-Ministeru ser iniedi konsultazzjoni pubblika matul dan ix-xahar sabiex il-pubbliku inġenerali jkun jista’ jgħaddi l-kummenti u s-suġġerimenti tiegħu. Wara li jingħalaq dan il-proċess, il-Ministeru jibda jħejji l-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni billi jikkordina l-inizzjazzjoni ta’ dan mal-Ministeri kkonċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid hux il-ħsieb tal-Gvern li jiġu kummerċjalizzati ċerti faċilitajiet fil-Park tal-Familja permezz ta’ kirjiet li joffru għażla aktar wiesgħa għall-viżitaturi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti peress li dan il-Ministeru ilu xi żmien li bagħat l-affarijiet lid-Dipartiment tal-Artijiet biex terġa’ tinħareġ sejħa għall-offerti, nitlob lill-Onor. Interepellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-estensjoni fil-park ta’ Kennedy Grove?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti x-xogħlijiet tal-proġett tal-estenzjoni ġewwa Kennedy Grove huma għaddejjin b’ritmu ħafif biex ifittex jitgawda mill-bosta ċittadini li jfittxuh f’dan iż-żmien tas-sena. Barra xogħol ta’ concrete li tlesta dawn il-ġranet, inbeda x-xogħol tad-dwal li huwa stmat jitlesta lejn l-aħħar t’Ottubru, flimkien ma’ Gazebo tal-injam li qegħda tiġi immanifatturata min-nies tal-PARK stess. Intant, sabiex aktar jagħti lok ta’ divertiment għat-tfal, fil-Park saret stallazzjoni ta’ tagħmir ta’ logħob addattat li jkompli jagħmel il-post aktar imfittex.
Jista’ l-Ministru jgħid minn din is-sena kemm kien hemm kumpaniji privati li ngħaqdu mal-Gvern flimkien mal-NGOs għat-tħawwil tas-siġar? Kien hemm sponsors li nkisbu mill-Ministeru stess?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti matul din is-sena kien hemm sitt kumpaniji privati li sponsorjaw siġar taħt l-iskema Tree for You. Dawn kienu kollha sponsors li avviċinaw direttament lid-Dipartiment tal-PARKS fi ħdan il-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu maħsub għat-tisbiħ fil-qasam tal-parks? Qed isir manteniment regolari fl-attrezzaturi? Hemm maħsub tħawwil ta’ aktar siġar speċjalment fl-estensjoni ppjanata ta’ Kennedy Grove?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-manutenzjoni, kemm fuq l-apparat tal-logħob kif ukoll fuq funtani u attrezzaturi oħra tal-ilma issir regolarment kemm minn ħaddiema tal-PARK stess kif ukoll minn kuntratturi privati. Huwa ppjanat li din is-sena jiġu mħawwla madwar 150 siġra indiġena u arbuxxelli oħra ġewwa l-park ta’ Kennedy Grove, flimkien ma’ xogħol ieħor ta’ tisbiħ f’dan il-lok kif spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18770. Hemm ukoll pjan biex jiġi stabbilit Park ieħor ġewwa l-foss ta’ Ħaż-Żabbar, fejn hemm il-ħsieb li jitħawwlu aktar siġar indiġeni u jitwaħħal ukoll apparat tal-logħob tat-tfal.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tlestiex ix-xogħol maħsub fil-Water Park ta’ Buġibba sabiex il-bankijiet ikunu mgħottija b’aktar tined għall-ilqugħ mill-elementi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, matul das-sajf 2015 numru ta’ umbrelel ġew installati ġewwa l-Water Park ta’ Bugibba kif ukoll twaħħlet bi prova tinda fuq bank lejn l-aħħar t’Awwissu, fejn ninsab infurmat li ntlaqgħet tajjeb mill-pubbliku. Għaldaqstant huwa ppjanat li għas-sena d-dieħla jitwaħħlu aktar bħal din it-tinda għal kumdità akbar tal-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien it-titjib li sar fl-aħħar kuntratt li ngħata permezz ta’ tender lill-kuntrattur tal-labour hire meta mqabbel mal-kuntratti li kienu jingħataw qabel?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti t-titjib li sar fl-aħħar kuntratt li ngħata permezz ta’ tender lill-kuntrattur tal-‘labour hire’ jikkonsisti fit-tnaqqis tar-rata pagabbli għal dan is-servizz minn 5.8% għal 4.25%. Din ir-rata, li hija across the board fejn kien hemm pagi u allowances differenti, mal-kuntratti huma applikabbli fuq il-paga bażika tal-impjegati u mhux fuq il-paga gross kif kienet qabel. Dan ifisser iffrankar ta’ spejjeż fuq l-istess servizz. Kontra kif kien stipulat fil-kuntratti preċedenti, din id-darba l-kuntrattur huwa obbligat li jagħmel tajjeb għall-ħlasijiet ta’ mard u korriment tal-impjegati. Skond il-kuntratt il-ġdid, l-impjegati tal-kuntrattur għandhom jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet u benefiċċji bħall-impjegati tal-WasteServ. Il-bidla fundamentali f’dan il-kuntratt hija li issa l-impjegati tal-kuntrattur qegħdin bl-istess kundizzjonijiet u benefiċċji bħall-impjegati tal-WasteServ u din naqset mill-animożità li seta’ kien hemm bejn l-impjegati li jagħmlu l-istess xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-bejgħ tal-kumpanija WasteServ f’dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-bejgħ għal dawn l-aħħar ħames snin jammonta għall-€33,621,888.
Proġett tal-Autoclave u l-proġett tal-impjant f’Tal-Kus Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Autoclave biswit l-inċineratur tal-Marsa u l-proġett tal-impjant f’Tal-Kus Għawdex? Jista’ jispjega x’inhuma l-benefiċċji għall-kumpanija WasteServ u meta dawn il-proġetti se jiġu fis-seħħ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-proġett tal-Autoclave wasal fil-fażi ta’ "commissioning" u għandu jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena. Il-faċilità tal-Autoclave għandha tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont ta’ fjuwil li jintuża, u għaldaqstant l-emissjonijiet, li llum qed jintuża biex jiġi inċinerat l-iskart tal-biċċerija. Il-proġett tal-Kus wasal fil-fazi ta’ "commissioning" u għandu jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena. Dan il-proġett għandu jibda jilqa’ l-iskart ta' Għawdex fejn tibda l-ewwel fażi ta’ trattament. Finalment l-iskart jiġi imballat f’kontenituri għat-trasport lejn il-faċilitajiet ta’ trattament f'Malta. Din il-faċilità se tkun qed tirregolarizza l-immaniġġjar tal-iskart f’Għawdex kif ukoll tnaqqas l-ammont ta’ trasport meħtieġ, dan b’riżultat ta’ inqas emisjonijiet u spejjeż attribwiti.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — management agreements of protected areas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm management agreements of protected areas li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Liema huma?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-Management Agreements ta’ Protected Areas jammontaw għal sitta. Dawn is-siti fil-Majjistral, Ramla il-Ħamra, Għajn Tuffieħa, Wied Għollieqa, Simar u Għadira, għalkemm Xrobb l-Għaġin m’għandux l-istess designation ta’ Protected Area bħas-sitta l-oħra, dan huwa ukoll kopert b’ management agreement simili.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm alloka fondi s’issa l-Ministeru tiegħu taħt l-iskema pilota tat-tħaddir tal-komunitajiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-fondi li ġew allokati għall-Proġett ta’ Tħaddir fil-Komunità s’issa laħqu is-somma ta’ €350,000. Minn din l-iskema diġà bbenefikaw disgħa Kunsilli Lokali.