Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li jirċievu l-għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rċevew l-għajnuna soċjali sa tmiem l-2014 u kemm kien hemm persuni fuq l-istess għajnuna sal-aħħar ta’ Awwissu 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sal-aħħar tas-sena 2014 kien hemm 15,182 persuna jirċievu l-għajnuna soċjali filwaqt li skont l-aħħar statistika (sal-aħħar ta' Ottubru 2015) kien hemm turi 13,375 persuna fuq għajnuna soċjali. Dettalji jinsabu fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rċevew il-benefiċċju tal-qgħad sa tmiem l-2014 u kemm kien hemm persuni fuq l-istess benefiċċju sal-aħħar ta’ Awwissu 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-persuni li rċevew il-benefiċċju tal-qgħad kien kif qed ikun indikat fit-tabelli t'hawn taħt: Sal-aħħar ġimgħa ta’ Diċembru 2014: Benefiċċju għal Diżimpjieg (UB) 472 Benefiċċju Speċjali għal Diżimpjieg (SUB) 87 Sal-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru 2015 Benefiċċju għal Diżimpjieg (UB) 246 Benefiċċju Speċjali għal Diżimpjieg (SUB) 48

Benefiċjarji fuq il-benefiċċju tal-qgħad bit-tapering

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm benefiċjarji fuq il-benefiċċju tal-qgħad bit-tapering sa tmiem Diċembru 2014 u kemm kien in-numru ta’ benefiċjarji sa tmiem Awwissu 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sal-aħħar ta' Diċembru 2014, kien hemm 497 benefiċjarju li kien qed jirċievi l-benefiċċju tal-qgħad bit-tapering, filwaqt li sal-aħħar t'Ottubru 2015 kien hemm 1635 benefiċjarju li rċevew il-benefiċċju tal-qgħad bit-tapering.

Ċentri tal-LEAP

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm infetħu ċentri tal-LEAP f’pajjiżna fl-aħħar sena u x’inhuma s-servizzi li qed jingħataw fihom? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn iċ-Ċentri humiex iservu sabiex nikkumbattu l-faqar f’pajjiżna?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, minbarra ċ-Ċentri tal-Qawra, Kottonera u l-Belt li qabel kienu jissejħu ċ-Ċentri Aċċess, din is-sena nfetħu ħames Ċentri oħra li huma, iż-Żurrieq, Ħal Kirkop, Msida, Ħal Qormi u Xewxika Għawdex. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jinfetħu Ċentri oħra. Dawn iċ-Ċentri qed iservu biex isir xogħol soċjali mal-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjeta kif ukoll żvilupp komunitarju. Numru ta’ professjonisti se jiġu assenjati lilhom numru ta’ familji li jinsabu taħt il-linja tal-faqar biex jingħataw sapport, taħriġ u kull għajnuna oħra neċessarja biex fejn hu possibbli jintegraw fid-dinja tax-xogħol.

Ministeru għall-Familja u Soidarjetà Soċjali – memorandum of understanding ma’ pajjiżi barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru Memorandum of Understanding marbuta mad-dekasteru tiegħu ma’ pajjiżi barranin? Kemm minn dawn l-MoU kienu ma pajjiżi li mhumiex fl-UE?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-Ministeru tiegħi iffirma 4 Memorandum of Understanding ma’ pajjiżi barranin. Wieħed minn dawn l-MOU kien ma’ pajjiż li mhuwiex fl-Unjoni Ewropea. Żewġ Memorandum of Understanding li ġew iffirmati mill-Gvern Malti jikkonċernaw l-addozzjonijiet ta’ tfal għall-koppji Maltin, filwaqt li t-tnejn l-oħra jittrattaw l-ġlieda kontra l-faqar u esklużjoni soċjali, u r-relazzjonijiet internazzjonali fl-ambitu ta’ familja u politika soċjali.

Youth Guarantee

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li daħlu għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ jew kif inhija magħrufa bħala Youth Guarantee? Jista’ jagħti wkoll stima ta’ kemm ġew iffrankati flus f’Għajnuna Soċjali li kienu jieħdu dawn il-persuni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar ta’ Diċembru 2014, kien hemm 205 benefiċjarju taħt it-23 sena li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali u li kienu potenzjalment eliġibbli li jidħlu għall-Garanzija għaż-Żagħżagħ filwaqt li fl-aħħar ta’ Settembru, 2015 kien hemm 68 benefiċjarju taħt it-23 sena li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali. L-ammont ta’ Għajnuna Soċjali li tħallas fl-aħħar ġimgħa ta’ Diċembru, 2014 kien ta’ €18,988.43 filwaqt li fl-aħħar ġimgħa ta’ Settembru, 2015 l-ammont imħallas bħala Għajnuna Soċjali kien ta’ €6,459.03. Għalhekk jista’ jingħad li potenzjalment, l-ammont ta’ flus f’Għajnuna Soċjali li ġew iffrankati fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena kien ta’ €488,646.60, jiġifieri €12,529.40 fil-ġimgħa. Pero l-aktar ħaġa importanti m’hijiex kemm ġew iffrankati flus fuq Għajnuna Soċjali imma li dawn iż-żgħażagħ qed noffrulhom futur aħjar milli jista’ jkollhom jekk jibqgħu dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.

Tapering — Benefiċjarji single parents

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm benefiċjarji single-parents li gawdew mis-sistema tat-Tapering fejn minflok ma jieħdu l-benefiċċju tal-qagħad dan jibda jonqos gradwalment filwaqt li huma jidħlu fid-dinja tax-xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-ammont ta’ benefiċjarji Single Parents li gawdew mis-sistema tat-Tapering kien ta’ 508.

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – persuni li ammettew li qarrqu fil-benefiċċji soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li resqu ’l quddiem u ammettew mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li kienu jqarrqu għax jieħdu xi benefiċċju li ma kinux intitolati għalih? Jista’ jgħid kemm iffranka flus mit-taxxi tal-poplu permezz ta’ din l-inizjattiva bejn Jannar u Lulju 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ persuni li resqu lejn id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bejn Jannar u Frar 2015, biex jirregolarizzaw ruħhom, kien ta’ 236. It-total ta’ kemm se jkunu ġew iffrankati flus sal-aħħar tas-sena permezz ta’ din il-miżura, jammonta għal €623,700.

Anzjani li bbenefikaw mill-għotja ta’ €300 fis-sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom 75 sena jew aktar li baqgħu jgħixu fi djarhom u allura bbenefikaw mill-għotja ta’ €300 fis-sena? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm kienet in-nefqa fuq din il-miżura għal din is-sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s’issa kien hemm 28,851 persuna li għandhom 75 sena jew aktar u li għadhom jgħixu fi djarhom li bbenefikaw mill-għotja ta’ €300 fis-sena. In-nefqa s’issa fuq din il-miżura kienet ta’€ 8,489,935.

Pensjonanti tas-servizz li gawdew mill-miýura ta’ £200

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm hemm pensjonanti tas-servizz li din is-sena gawdew mill-miżura ta’ żieda ta’ €200 biex titjieb il-pensjoni taż-żewġ terzi b’mod gradwali? Jista’ l-Ministru jgħid għal din is-sena kemm kienet l-ispiża s’issa fuq din il-miżura?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ pensjonanti li jirċievu wkoll pensjoni ta’ servizz li din is-sena bbenefikaw mill-miżura ta’ żieda ta’ €200 fil-pensjoni kien ta’ 4,830 bi spiza ta’ €966,000.

Persuni li gawdew mill-miżura ta’ €100 u €200

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni ta’ età bejn 62 u 74 sena li din is-sena gawdew mill-miżura ġdida ta’ €100 u €200 separatament u b’hekk ingħataw rikonoxximent għall-ħames jew għaxar snin kontribuzzjonijiet imħallsa li qabel l-2015 ma kenux ikkalkulati mill-Gvern? Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq dan il-benefiċċju l-ġdid?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 11,912-il persuna ta’ bejn l-età ta’ 62 sena u l-74 sena li gawdew mill-miżura l-ġdida ta’ €100 u €200 bħala rikonoxximent tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali li ħallsu imma ma kienux biżżejjed biex jintitolawhom għal pensjoni kontributorja. Kien hemm 5,098 persuna li rċevew €100 u kien hemm 5,706 persuni li rċevew €200. Barra minn dawn kien hemm ukoll min irċieva parti mill-€100 jew €200 minħabba li jew għalqu t-62 sena jew il-75 sena matul din is-sena. Minn dawn kien hemm 436 persuna li rċevew parti mill-€100 u kien hemm 672 persuna li rċevew parti mill-€200.

Neutering campaigns għall-klieb u l-qtates

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta bdew isiru n-neutering campaigns għall-klieb u l-qtates? Jista’ wkoll jgħid kemm kienu l-ispejjeż involuti għal kull kampanja?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Animal Welfare – talbiet għall-assistenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba għall-assistenza daħlet lid-Dipartiment tal-Animal Welfare fl-aħħar ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti? Minn meta beda jopera l-Helpline 1717 tal-Animal Welfare kemm-il telefonata daħlet u kemm minnhom ingħatat assistenza? Jekk hu possibbli, jista’ jelenka mil-liema lokalitajiet daħlu dawn it-telefonati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari d-Dipartiment ma sabx rekords ta’ kemm -il talba għall-assistenza daħlet lill-Animal Welfare fl-aħħar 5 snin tal-amministrazzjoni preċedenti. Minn mindu beda jopera s-servizz tal-Helpline 1717 fl-2013, daħal ammont konsiderevoli ta’ telefonati fuq materji varji relatati mal-welfare tal-annimali fosthom 12,763 każ fejn id-Dipartiment ta l-assistenza tiegħu permezz tal-ambulanza jew tal-involviment dirett tal-ħaddiema tiegħu.

Dog friendly beaches

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta tniedet il-kampanja ta’ dog friendly beaches? Jista’ jgħid kemm hemm minnhom fil-prattika llum u fejn jinsabu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-kampanja tad-Dog Friendly Beaches tniedet f’Awwissu tal-2013 u hemm 10 bajjiet. Dawn huma l-Bajja ta’ Wied il-Għajn, wara Splash & Fun f’Baħar iċ-Ċagħaq, il-Fortina f’Tas-Sliema, il-Bajja tar-Rinella l-Kalkara, il-Bajja ta’ Xatt is-Sajjieda Marsaxlokk, Daħlet ix-Xmajjar Mellieħa, il-Bajja tat-Torri l-Abjad Mellieħa, Bajja tal-Imġiebaħ Selmun, Il-Bajja ta’ Daħlet Imġarr ix-Xini Għawdex, il-Qbajjar Marsalforn f’Għawdex.

Persuni b’diżabilità li bbenefikaw mill-miżura tal-Baġit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’diżabilità li bbenefikaw mill-aħħar miżura tal-Baġit fejn dawk li jaħdmu minbarra li jieħdu l-paga sħiħa baqgħu jirċievu wkoll il-benefiċċju sħiħ għad-diżabilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, in-numru ta’ persuni b’diżabilità li jirċievu pensjoni ta’ diżabilità skont kif stabbilit fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali, li bbenefikaw mill-aħħar miżura tal-Baġit, fejn jistgħu jaħdmu u jieħdu paga sħiħa, kien ta’ 210.

Bonus addizzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ benefiċjarji li bbenefikaw mill-Bonus Addizzjonali mhux taxxabbli ta’ €35? Kemm kienet l-ispiża tal-Gvern fuq dan il-benefiċċju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ benefiċjarji li tħallsu l-Bonus Addizzjonali ta’ €35 kien ta’ 226,899. L-ammont li tħallas kien ta’ €7,175,416.05. Ta’ min jgħid li l-pagamenti ħarġu mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni, mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni kif ukoll mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi.

In-Work-Benefit — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għall-In-Work Benefit, skont il-proposta mressqa fl-aħħar baġit, u allura ġiet imtejba l-qagħda ta’ tant familji fejn iż-żewġ ġenituri qed jaħdmu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kien hemm 1,962 applikazzjoni. Minn dan it-total ikkwalifikaw 1,270 li minnhom kien hemm 529 koppji fejn it-tnejn jaħdmu u kien hemm ukoll 741 persuni waħidhom li kienu jaħdmu.

Biċċerija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir biex tingħata dehra aħjar lill-biċċerija, li spiss kienet assoċjata ma’ ambjent degradanti u li partijiet minnha llum għandhom madwar 120 sena?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 18778, 18779, 18781 u 18782. Inżid ngħid illi meta jitlestu dawn ix-xogħlijiet essenzjali ta’ natura infrastrutturali, tingħata mportanza wkoll sabiex il-Biċċerija tingħata dehra aħjar permezz ta’ tħawwil ta’ siġar, flowerbeds , eċċ. li jsebħu l-ambjent. Dan jikkuntrastja bil-kbir mat-telqa li sab dan il-Gvern wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013.

Biċċerija – infiq fuq titjib tal-infrastruttura u l-operat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża kapitali li saret biex titjieb l-infrastruttura u l-operat tal-biċċerija biex tkun konformi mar-regolamenti tal-Kummissjoni Ewropea, minn Marzu 2013 sad-data li tingħata r-risposta? Jistgħu jingħataw dettalji tax-xogħlijiet li saru?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari minn Marzu 2013 sa llum il-Gvern kompla bil-programm estensiv ta’ ristrutturar u r-rinnovament tal-Biċċerija Pubblika. Dan bħala parti minn programm ħolistiku li għandu l-mira li, fuq medda ta’ snin, jittrasforma l-Biċċerija f’vetrina tal-kwalità tal-prodott Malti. L-investiment matul dan il-perjodu kien jinkludi l-bini u t-tgħamir ta’ faċilitajiet ġodda għall-impjegati tal-Biċċerija. Intemm ix-xogħol fuq il-faċilitajiet għall-ħassiela waqt li tlestew l-ewwel żewġ fażijiet minn tlieta tal-faċilitajiet għall-biċċiera – dawn mistennija jitlestew kompletament sa Marzu 2016. Sar ukoll xogħol estensiv ta’ tiswija u manutenzjoni tal-linji tal-qatla. Dan kien jinkludi investiment f’xi makkinarju ġdid, il-bidla tal-armar li qed iwieżen l-istruttura kollha tas-swali tal-qatla u li kienu bdew juru sinjali preokkupanti ta’ corrosion , it-trattament apposta ta’ partijiet oħra tal-linji biex waqt li tkun salvagwardjata l-integrità tagħha tkun żgurata ukoll l-iġene fuq l-impjant u l-kwalità tal-laħam li joħroġ mill-Biċċerija, kif ukoll xogħol fuq iċ- chillers . Dan il-Gvern investa ukoll f’xogħlijiet fuq parti estensiva tal-partijiet esterni tal-Biċċerija li jinkludu tqassim aħjar tat-toroq interni, xogħol ta’ landscaping u faċilità ġdida għall-ħasil ta’ trakkijiet li fuqhom jinġiebu l-bhejjem għall-qatla. Tlesta ukoll proġett ta’ modernizzar fis-sistema tad-dranaġġ fosthom ir-ripożizzjonar tas- silt-trap . Barra minn hekk, ġew immodernizzati l-faċilitajiet li fihom jiġu milqugħa l-bhejjem għall-qatla biex ikun imsaħħaħ il- welfare ta’ dawn il-bhejjem. Dan il-programm ta’ tiġdid twettaq b’investiment ta’ madwar €500,000 fl-2013, madwar €600,000 fl-2014, u madwar €800,000 din is-sena.

Biċċerija — Pjani għall-effiċjenza fl-operat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjani/xogħlijiet għandu l-Gvern għas-sena li ġejja biex titjieb l-effiċjenza fl-operat tal-biċċerija? Kemm hija stmata l-ispiża għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Intepellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari matul is-sena li ġejja il-Gvern mistenni jkompli l-proċess ta’ ristrutturar u r-rinnovament tal-Biċċerija Pubblika permezz ta’ numru ta’ proġetti li jkomplu jibnu u jikkonsolidaw dak li nkiseb sa issa mill-2013 sa llum. B’żieda ma dak li ntqal f’din il-Kamra f’Tweġibiet Parlamentari oħra fuq din il-faċilità, dawn jinkludu t-tlestija tal-faċilitajiet il-ġodda għall-impjegati responsabbli mid-diversi fażijiet tal-qatla, xogħol fuq il-bdil ta’ soqfa tal-asbestos u tiswija ta’ soqfa oħra. Barra minn dan ix-xogħol, ser isir xogħol fuq is-sistema elettrika tal-biċċerija, l-installazzjoni ta’ tlett Air Handling Units biex jiżguraw li t-temperatura fuq il-linji tal-qatla tkun tali li tipprovdi ambjent ideali għall-iproċessar tal-karkassi kif ukoll li tkun komda għall-impjegati tal-biċċerija; u t-tindif u r-restawr ta’ żewġ ġwiebi biex jilqgħu l-ilma tax-xita. Fil-ġimgħat li ġejjin ser joħorġu wkoll sejħiet għall-offerti għax-xiri ta’ apparat ġdid għal fuq il-linji tal-qatla. B’kollox dan ix-xogħol ser isarraf f’investiment ta’ madwar €1.5 miljun, hekk kif indikat fl-estimi finanzjarji għas-sena d-dieħla (2016).