Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aġenzija Sapport — attivitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-attività ġiet organizzata mill-Aġenzija Sapport għall-klijenti tagħha din is-sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-attivitajiet organizzati mill-Aġenzija SAPPORT għall-klijeti tagħha matul din is-sena huma li ġejjin: Servizzi Residenzjali: · 2 mawriet Għawdex · 4 weekend breaks · 2 Campings · Week Breaks f’ Farmhouse · Attivita f’ Popeye Village · Exchange visit f’ Sheffield bħala parti minn Youth in Action · Safra fi Spanja fejn numru ta’ klijenti ġew magħ¿ula biex jippartecipaw f’ konferenza tas- Self Advocacy fi Spanja · Numru ta’ klijenti li marru Ayia Napa fuq btala · Numru ta’ attivitajiet għar-residenzi kollha bħal - Halloween Party u Boat Party · Harġiet f’attivitajiet lokali fosthom; Festi, in-Notte Bianca, Mdina Grand Prix, Paqpaqli għall-Istrina, Lejl f’ Casal Paola, Lejl f’ Casal Fornaro, ir-Regatta, Żejt iż-Żejtun, l- Airshow , il-Kunċert Voices, il-Beer Festival, Festa Lapsi, Isle of MTV, Purċissjonijiet, Festa Frawli u bosta attivitajiet oħra. · Ġew organizzati wkoll numru ta’ ikliet, diversi ħarġiet għaċ- ċinema , numru ta’ Barbeques u anke logħbiet tal-futbol għall-klijenti. Servizzi Organizzati miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum: · 5 events fejn il-klijenti li jattendu iċ-Ċentri jkollhom attività kollha flimkien · 39 attività filgħaxija · 59 attivita’ ta’ matul il-jum, fejn il-membri taċ-Ċentru joħorġu għall-ġurnata. · 440 attività għall-gruppi ¿għar fejn ikun hemm numu ta’ klijenti li jagħmlu ħarġa mas- support workers .

Problema ta’ persuni li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom

Question

Jista` l-Ministru jgħidilna kif qed tiġi ndirizzata l-problema ta’ dawk il-persuni li f’każ ta’ emerġenza jispiċċaw bla saqaf fuq rashom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru daħal f’numru ta’ Private Social Partnerships (PSPs) ma’ għaqdiet non-governattivi sabiex tiġi indirizzata il-problema ta’ persuni homeless, biex jinstabilhom placement, permezz ta’ dawn l-għaqdiet. L-Aġenzija Appoġġ tirreferi persuni li jkunu avviċinawha, lill-għaqdiet u Djar, bħal YMCA, Dar Tereza Spinelli, Dar Leopoldu u Dar Osanna Pia. Intant, il-Ministeru jinsab għaddej b’ħidma biex jinfetaħ fiż-żmien li ġej, emergency drop in shelter, bi sħab ma’ entità privata u l-CARITAS Malta. Qed isir xogħol ukoll biex jiġi mniedi Residential Half Way Programme li permess tiegħu persuni f’ din is-sitwazzjoni jiġu mgħejjuna biex isibu impjieg kif ukoll għajnuna meta jiġu biex jikru residenza minn għand is-settur privat. Ngħarraf lil-Onor. Interpellant li, l-Ministeru, permezz tal-Awtorita tad-Djar ukoll jgħin, fejn jista’, nies li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. L-għajnuna li l-Awtorita’ tad-Djar toffri f’ċirkostanzi bħal dawn, u li ġieli intervjenit fihom, tikkonsisti, meta jkun possibbli, f’allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali fuq bażi temporanja.

Proġett Leap

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif, wara l-ħidma li saret permezz tal-Proġett -Leap ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea fejn ġew megħjuna nies vulnerabbli biex jintegraw fis-soċjetà , issa li l-proġett wasal fi tmiemu, x’ser jiġri mill-benefiċjarji tal-istess proġett imsemmi u nies vulnerabbli oħra fis-soċjetà tagħna?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellant illi fl-ewwel ta’ Gunju ta’ din is-sena il-Ministeru tiegħi ffirma ‘Public Social Partnership’ temporanju ghal perjodu ta sitt xhur ma NGO biex benefiċarji li kien għadhom ma’ nstabilhomx impjieg permess tal-progett Leap jgħaddu ma’ l-imsemmija Assoċjazzjoni biex jitkompla ix-xogħol magħhom. Nixtieq ngħid ukoll illi sa l-aħħar ta’ Ottubru wieħed u sebgħin persuna minn dawn il-beneficjarji nstabilhom impjieg ‘full time’ fis-settur privat filwaqt li wieħed u tletin persuna oħra qegħdin f’apprentistat mal-privat.

Sodod ta’ respite

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’kemm żdiedet il-provvista ta’ sodod ta’ respite mid-9 ta’ Marzu 2013 s’issa kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex u kemm nies ibbenifikaw minn dawn is-servizzi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-perijodu indikat, is-sodod ta’ respite żdiedu b’16; 14 f’Casa Leone u 2 f’Villa San Lawrenz, Għawdex. B’kollox kien hemm 523 persuna li bbenefikaw mis-servizzi kollha ta’ respite fil-perijodu msemmi; 501 f’Malta u 22 f’Għawdex.

Sodod għall-kura fit-tul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedet il-provvista ta’ sodod għall-kura fit-tul matul din l-aħħar sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Residenzi tal-anzjani tal-Gvern — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni sar fir-residenzi tal-Gvern għall-anzjani mis-sena 2010 sal-lum kull sena separatament, ix-xogħol kemm sewa u minn għamlu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Taħriġ għall-impjegati fis-setturi tal-anzjani u tal-persuni b’di¿abilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw persuni mit-taħriġ li sar għall-impjegati fis-setturi tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità li kien iffinanzjat minn fondi Ewropej u fiex kien jikkonsisti dan il-proġett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-proġett ko-finanzjajt mill-Unjoni Ewropea, ESF4.242 ‘Capacity Building in the Care for the Elderly and Persons with Disability’, kien proġett ta’ taħriġ speċifikament immirat għall-impjegati li jaħdmu fil-professjoni ta’ nursing u caring, fis-settur tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilita. B’kollox, kien hemm 1394 impjegat li bbenefikaw minn dan it-taħrig li huma mqassma kif ġej jinqasam kif ġej: 367 Infermiera li jaħdmu ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule; 360 Carer li jaħdmu ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule; 88 Carer li jaħdmu fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern; 74 Infermiera li jaħdmu ġewwa d-Djar tal-Anzjani tal-Gvern; 12 –il Front Liner li jaħdmu mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilita’; 10 Managers li jaħdmu mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilita’; 71 Manager li jaħdmu mal-Aġenzija SAPPORT; 412 –il persuna oħra li jaħdmu mal-Aġenzija SAPPORT Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, dan il-proġett kien jikkonsisti f’taħriġ fuq is-suġġett tas-sesswalita’ u d-dizabilita’, kif ukoll fuq kura speċjalizzata għall-anzjani fil-qasam tad-dimenzja.

Pensjoni tal-Invalidità — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm kien in-numru ta’ persuni li applikaw għall-Pensjoni tal-Invalidità fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena maqsuma xahar b’xahar? ? Kemm hu n-numru ta’ persuni f’Malta u Għawdex li qegħdin jirċievu din il-pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ persuni f’Malta u Għawdex li qegħdin jirċievu Pensjoni għall-Invalidità jammonta għal 4,123, li minnhom 3,892 jgħixu Malta u 231 pensjonant li jitħallsu barra minn Malta. In-numru ta’ persuni li applikaw għall-Pensjoni msemmija, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, xahar b’xahar, huwa skont kif qiegħed jidher fit-tabella t’hawn taħt: Applikazzjonijiet Jannar Frar Marzu April Mejju Ġunju Total IP 17 17 22 19 37 22 134 IIP 36 34 22 32 13 12 149 Total 53 51 44 51 50 34 283 IP – Invalidity Pension IIP – Increased Invalidity Pension

Kumpens — Anzjani li jinżammu fid-djar tal-qraba tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna jekk hemmx il-ħsieb kif jiġu kkumpensati b’mod aktar attraenti u ġust dawk il-persuni li jagħżlu li jżommu lill-ġenituri anzjani fi djarhom minflok ma jdaħħluhom fid-Djar Residenzjali fosthom fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif imħabbar fil-Baġit 2016, iż-żewġ skemi li hemm preżenti, jiġifieri il-Pensjoni tal-Wens (Carers Pension) u l-Għajnuna Soċjali għal Carers (Social Assistance for Carers), se jiġu riveduti u amalgamati f’qafas wieħed. L-eliġibbilità tal-iskema l-ġdida wkoll se tiġi riveduta u miftuħa iżjed ħalli iktar nies li jieħdu ħsieb anzjani d-dar ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din ir-reviżjoni u b’hekk ngħinu biex aktar anzjani jibqgħu jgħixu fi djarhom. Id-dettalji ta’ din ir-reviżjoni għadhom qed jiġu diskussi se nkunu qed inħabbruhom fil-ġimgħat li ġejjin. Dan apparti l-proġett pilota ta’ live in carer fejn familja tiġi mgħejjuna sostanzjalment jekk timpjega carer kwalifikata biex tieħu ħsieb il-qarib/a tagħha.

Awtorità tad-Djar – investigazzjonijiet dwar persuni li jimmeritahom akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-ammont ta’ persuni li skont l-investigazzjonijiet li tagħmel l-Awtorità tad-Djar, jitqiesu bħala tassew li jimmeritahom akkomodazzjoni soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Awtorita’ tad-Djar, sal-lum, 420–il applikant qed jitolbu li jbiddlu l-post mikri lilhom b’kera tal-Gvern għal ma’ post ieħor tal-Gvern għal raġunijiet varji, filwaqt li 2620 –il applikant qegħdin fil-lista ta’ stennija biex jiġu mgħotija post tal-Gvern. Minn dawn l-applikazzjonijiet pendenti, 1104 jaqgħu taħt il-kategorija ta’ prijorita’ ogħlja u dan jiġi determinat wara li ssir l-investigazzjoni meħtieġa.

Awtorità tad-Djar – lifts installati fi blokok ta’ appartamenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġew installati lifts fi blokok ta’ appartamenti tal-Awtorità tad-Djar fl-2011 u 2012? Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġu nstallati lifts fl-2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fl-2011 u l-2012, l-Awtorita’ tad-Djar installat 16-il lift fi blokki ta’ appartamenti tal-Gvern, waqt li fl-2015 diġa’ ġew installati 12-il lift u għaddej xogħol fuq l-installar ta’ 11-il lift ieħor u inħarġet sejħa għall-offerti għal 2 lifts oħra. Mistenni li, sal-aħħar ta’ din is-sena, jkunu tlestew 23 lifts ġodda.

Skema Kiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed igawdu mill-iskema Kiri li nħarġet mill-Gvern preċedenti? Kemm hi l-ispiża annwali għal din l-iskema?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorita’ tad-Djar għandha 412-il familja li qed igawdu minn skema kiri. L-ispiża għal din is-sena tammonta għal madwar €1.7M. Il-kera tkun riveduta kull sena skont in-National Statistics Office Property Price Index.

Servizzi ta’ programm residenzjali mid-droga mmirat għaż-żgħażagħ

Question

Jista` l-Ministru jispjega jekk illum jeżistix servizz ta` programm residenzjali mid-droga mmirat għaż-żgħażagħ ta’ taħt it-tmintax- il sena? Jekk fin-negattiv, hemm xi pjanijiet biex tiġi ndirizzata din il-problema?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sa issa, pajjiżna għad ma għandux faċilità ta’ rijabilitiazzjoni residenzjali mmirat għaż-żgħażagħ taħt it-18-il sena li huma vittmi tal-abbuż ta’ sustanzi. Tajjeb li jkun innutat ukoll li, l-Onor. Membri tal-Ġudikatura ilhom jiġbdu l-attenzjoni tal-Amministrazzjoni, speċjalment dik preċedenti, biex isir l-investiment meħtieġ ħalli pajjiżna jkollu t-tali faċilità li hija tant meħtieġa. Fid-dawl ta’ dan, il-Gvern ħa nota tal-parir tal-Ġudikatura u l-imsieħba soċjali u beda bil-ħidma tiegħu lejn it-twaqqif ta’ faċilità ta’ rijabilitiazzjoni residenzjali għaż-żgħażagħ taħt it-18-il sena li huma vittmi tal-abbuż ta’ sustanzi, inklużi d-drogi. Hu mistenni li din l-faċilita’ tinfetaħ fil-futur qarib.

Pensjoni kontributorja

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif kemm huwa n-numru ta’ persuni li qed jirċievu l-pensjoni kontributorja? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni qed jirċievu l-pensjoni tar-romol? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif ta’ kemm swiet l-ispiża għall-pensjonijiet kontributorji tul l-aħħar tliet snin, skont l-aħħar ħlas li sar din is-sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ persuni li fil-preżent jirċievu pensjoni kontributorja jammonta għal 81,191, li minnhom, 16,219 qegħdin jirċievu pensjoni tar-romol. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-ispiża għall-pensjonijiet kontributorji fl-2012, 2013, 2014 u 2015 (sal-aħħar ta’ Settembru) kienet tammonta għal €2,121,826,757 skont kif qed jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjonanti li jirċievu ħlas ta’ mhux aktar minn €620

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm hemm pensjonanti li qed jirċievu ħlas ta’ mhux aktar minn €620 kull erba’ ġimgħat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bħalissa hemm 36,813 pensjonant (minn total ta’ madwar 88,500 pensjonant kontributorju u non-kontributorju) li individwalment jirċievu pensjoni waħda ta’ mhux aktar minn €620 kull erba’ ġimgħat. Dawn jikkonsistu f’29,670 persuna li jirċievu pensjoni kontributorja (12,385 irġiel u 17,285 nisa) u f’7,143 persuna li jirċievu pensjoni tal-eta’ non-kontributorja (2,560 irġiel u 4,583 nisa). Huwa importanti li tali statistika ma tiġix interpretata strettament fit-termini taċ-ċifri mogħtija. Per eżempju l-istatistika pprovduta tinkludi każi fejn l-irġiel u n-nisa imsemmija jkunu miżżewġin lil xulxin (allura bejniethom ikollhom aktar minn €620 kull 4 ġimgħat) iżda statistikament qed jidhru bħala żewġ persuni individwali b’pensjoni ta’ anqas minn €620 kull 4 ġimgħat. L-istatistka tinkludi wkoll nisa (jew irġiel f’xi każi) fejn żwieġhom (jew marthom) għandhom pensjoni li hi ogħla minn €620 kull 4 ġimgħat u allura anke f’dawn il-każi bejniethom ikollhom ħafna aktar minn €620 kull 4 ġimgħat iżda statistikament wieħed jew waħda mill-koppja qed jidhru bħala persuna individwali b’pensjoni ta’ anqas minn €620 kull 4 ġimgħat.

Persuni b’diżabilità li qed jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità li qed jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għal Persuni b’Diżabiltà qed jagħtu s-servizzi tagħhom lil 481 klijent li jattendu f’dawn iċ-Ċentri .

Single parents – għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm hemm single parents li qed jirċievu għajnuna soċjali u sadanittant iżżewġu jew daħlu f’unjoni ċivili, u li bis-saħħa tal-miżura fil-baġit tal-2015 baqgħu jgawdu din l-għajnuna fil-forma ta’ tapering li jitnaqqas fuq medda ta’ tliet snin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ single parents li kienu jirċievu l-Għajnuna Soċjali u li żżewġu jew daħlu f’Unjoni Ċivili u għalhekk ġew intitolati għat-tapering tal-benefiċċju bis-saħħa tal-miżura li ttieħdet fl-aħħar Bagit 2015 kien ta’ 56.

Adozzjoni tat-tfal — diskussjonijiet ma’ pajjiżi terzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu diskussjonijiet/ftehim ma’ pajjiżi terzi fuq l-adozzjoni tat-tfal?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fejn huma kkonċernati adozzjonijiet tat-tfal, saru diskussjonijiet ma’ ħdax (11)-il pajjiż differenti, li minnhom intlaħaq ftehim ma’ tnejn (2). Ta’ min jenfasiżża li d-diskussjonijiet ma’ disa’ (9) pajjiżi min-numru ta’ pajjiżi ndikat aktar ‘l fuq għadhom għaddejjin, bil-possibilita’ li jintlaħaq ftehim ma’ uħud minnhom fix-xhur li ġejjin.

Kontribuzzjonijiet nieqsa — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ persuni li applikaw biex iħallsu kontribuzzjonijiet nieqsa skont il-miżura mħabbra fl-aħħar Baġit, u hekk tjiebet il-pensjoni tagħhom? Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ persuni li diġà bbenefikaw minn din il-miżura?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ persuni li applikaw sabiex iħallsu kontribuzzjonijiet nieqsa jammonta għal 871. Minn dawn kien hemm 469 persuna illi inħarġilhom kont filwaqt li 173 persuna ġew irrifjutati hekk kif ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali għadu għaddej bix-xogħol tiegħu fuq 229 talba oħra li mhux imsemmijin ma’ dawk li diġa’ inħarġilhom kont u dawk li ġew irrifjutati.

Children’s allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jirċievu ċ-Children’s Allowance u kemm kienet l-ispiża fuq din l-allowance sal-aħħar pagament li sar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt : Benefiċċju Ottubru 2015 Familji Nefqa Children’s Allowance (CA) - dħul anqas minn €24620 17,186 €6,121,655.84 Childrens’ Allowance Flat Rate (CAFR) – dħul aktar minn €24620 23,197 €3,862,544.62 Disabled Child Allowance (DCA) 1,062 €313,820.53 Foster Child Allowance (FCA) 189 €225,878.02