Malta u l-Awstrija – MoU dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-impenji bejn Malta u l-Awstrija fuq l-MoU dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli li jipprovdi koperazzjoni fil-qasam ambjentali fl-afforestazzjoni u fl-immaniġġar tal-iskart?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jinsabu għaddejjin tħejjijiet intensivi bejn iż-żewġ gvernijiet sabiex dan l-MOU jiġi ffinalizzat u ffirmat fil-ġejjieni qrib.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li Malta għażlet li ma tikkultivax uċuħ tar-raba’ li jkunu ġenetikament modifikati? X’inhuma l-vantaġġi ta’ dan?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, minħabba ċ-ċokon u d-distanzi żgħar bejn ir-raba’ f’Malta, il-kultivazzjoni ta’ oġġetti ġenetikament modifikati jistgħu jikkontaminaw faċilment kultivazzjonijiet oħrajn. Għaldaqstant, biex Malta tkompli tipproteġi kultivazzjonijiet mill-possibiltà ta’ kontaminazzjoni, għażlet illi tapplika l-‘opt-out clause’ fir-regola tal-UE. Din l-għażla tagħti lok lil Malta biex tirrifjuta applikazzjonijiet biex jiġu kkultivati oġġetti ġenetikament modifikati fir-raba’ Maltin.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-proġetti li saru s’issa mill-Wasteserv biex jissaħħaħ l-ambjent u l-effiċjenza fl-immaniġġar tal-iskart? Kemm kien l-investiment totali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-proġetti li saru s’issa mill-Wasteserv biex jissaħħaħ l-ambjent u l-effiċjenza fl-immaniġġar tal-iskart huma:
L-impjant ta’ Sant Antnin
: investiment li jlaħħaq is-somma ta’ €274,326 fuq xogħol ta’ manutenzjoni tal-impjant eżistenti kif ukoll fuq titjib /
improvements
fil-makkinarju u l-impjant biex kemm jista’ jkun tiżdied l-effiċjenza u l-produttività ħalli jkun jista’ jlaħħaq mad-domanda fil-qasam tal-immaniġjar inkluż is-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart.
Magħtab:
Sar investiment ta’ €99,747 primarjament fuq l-impjant tal-gass biex nittrattaw il-gassijiet velenużi li joħorgu mill-miżbla, nikkontrollaw l-irwejjaħ u b’hekk ikollna arja aktar nadifa.
Malta North:
Bil-għan illi jkun ittrattat l-iskart f’konformità mal-miri stabbiliti mill-UE u biex jintlaħqu l-esiġenzi tal-pajjiż għaż-żmien li ġej inbeda l-proġett tal-Malta North b’investiment ta’ €42,920,547 minn Fondi Ewropej u €1,979,958 minn fondi lokali.
Autoclave
: Dan huwa proġett innovattiv għal Malta li l-iskop tiegħu huwa li jittratta skart tal-annimali peress li sal-lum m’għandniex
back-up
għat-trattament tal-iskart magħruf bħala
Animal By Product
skont id-Direttivi tal-Unjoni Ewropea. Dan se jservi biex innaqqsu l-ispiża tal-esportazzjoni ta’ skart perikoluż. L-investiment ilaħħaq is-somma ta’ €12,016,678 minn Fondi Ewropej u €80,412 minn fondi lokali.
Inċineratur
: sar investiment bl-iskop li tiżdied l-effiċjenza tal-inċineratur li jlaħħaq is-somma ta’ €44,963 minn fondi lokali.
Ta’ Qali CA Site
: Ġie inawgurat sit ieħor għal ġbir tal-iskart f’ Ta’ Qali u b’hekk komplejna noffru iktar faċilitajiet f’dan ir-rigward. L-ispiża għal dan il-proġett kienet ta’ €125,161 minn fondi lokali u €2,611,863 minn Fondi Ewropej.
Gozo Transfer Station
: sar investiment ta’ € 8,856,614 minn Fondi Ewropej u €602,668 minn fondi lokali. Dan il-proġett sar biex jintlaħqu l-miri tad-Direttivi tal-UE.
Rijabilitazzjoni tal-Landfills
: L-istadju finali tar-rijabilitazzjoni tal-
closed landfills
f’Malta u Għawdex
cioe’
Magħtab, Wied il-Għajn u Qortin Għawdex. Għal dan il-għan sar investiment ta’ € 477,071 minn Fondi Ewropej.
Barra minn hekk kienu investiti €7,991 bl-iskop li jkun ċentralizzat ix-xogħol tal-WEEE [Waste Electrical & Electronic Equipment] fis-sit ta’ Ħal Far u €500 f’installazzjoni ta’ PV fil-Qortin
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tat-tħaddir tal-komunitajiet? Jista’ jgħid kienx hemm interess għal dan il-proġett?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-proġett ta’ Tħaddir tal-Komunitajiet inbeda fl-2014 bħala proġett pilota f’erba’ lokalitajiet: il-Fgura, l-Imsida, San Pawl il-Baħar u Victoria f’Għawdex. Il-proġett intlaqa’ tajjeb ħafna kemm mill-Kunsilli nfushom u anke mill-komunitajiet ta’ dawn il-Kunsilli.
Tant intlaqa’ tajjeb dan il-proġett, li kien reġa’ ġie varat matul l-2015, din id-darba f’ħames lokalitajiet oħra: Birkirkara, il-Mosta, Ta’ Xbiex, Raħal Ġdid u Xagħra f’Għawdex. Il-lokalitajiet f’Malta lestew il-proġett u x-Xagħra f’Għawdex ser jiġi implimentat fil-ġimgħat li ġejjin.
Għall-2016 ukoll reġa’ ġie mniedi dan il-proġett f’sitt lokalitajiet: Attard, Bormla, Birżebbuġa, San Ġwann, Santa Venera f’Malta u x-Xewkija f’Għawdex. Bħalissa qed jiġu evalwati il-
proposals
tal-Kunsilli Lokali mill-Ministeru.
Id-Dipartiment tal-PARKS fi ħdan il-Ministeru jieħu ħsieb li jissorvelja dan il-proġett u s’issa nistgħu ngħidu li l-Kunsilli baqgħu jieħdu ħsieb dawn is-siġar/pjanti ġodda li kienu ġew mixtrija permezz ta’ dan il-proġett, billi nkludew il-manteniment tagħhom f’xi ftehim li diġa’ kellhom mal-kuntrattur għaż-żamma ta’ żoni mħawla fil-konfini tal-Kunsilli rispettivi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu x-xogħlijiet li saru fil-proġett ta’ tisbiħ f’Kennedy Grove? Kemm kien l-investiment li sar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li x-xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-Kennedy Grove jinkludu, xogħlijiet fuq il-passaġġi tal-konkrit, xogħlijiet ta’ stallazzjonijiet ta’ arbli u bollards tad-dawl, xiri u stallazzjoni tal-apparat tal-logħob għat-tfal u xiri u stallazzjoni ta’ apparat tal-gym għall-adulti.
Biex jikkomplimenta dan l-apparat ġdid, ġie installat ukoll tapit tal-gomma.
Sabiex is-sit ikun jista’ joffri aktar faċilitajiet għar-rikreazzjoni, ġew installati wkoll numru ta’
picnic tables
u bankijiet. Tajjeb wieħed isemmi li l-apparat kollu li ġie mpoġġi huwa inklussiv u maħsub għal diversi abbiltajiet. Huwa maħsub li matul l-2016 se jsir aktar tisbiħ fin-naħa ta’ fuq tal-
Park
tas-Salina fejn hu ppjanat li jiġi installat apparat ġdid tal-logħob, fost oħrajn.
Huwa maħsub li sakemm jitlesta l-proġett kollu is-somma allokata għall dan il-proġett se tintefaq kollha.
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dawl li kien hemm atti vandali waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet fuq it-tisbiħ u l-estensjoni ta’ Kennedy Grove, x’passi ħa l-Gvern biex dan ma jerġax isir u kemm-il camera hemm installata?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li ġew installati sitt Cameras CCTV fuq is-sit ta’ Kennedy Grove fejn għadu kif ġie inawgurat proġett ta’ tisbiħ għat-tgawdija tal-pubbliku inġenerali, speċjalment għat-tfal. Ġiet ukoll imsaħħa l-għassa mill-uffiċjali tas-sigurtà lejl u nhar u ġie ppubblikat tender sabiex jiġi installat mobile office fuq is-sit għall-bżonnijiet ta’ dawn l-uffiċjali.
Jista’ l-Ministru jispjega x’inhuma l-prospetti tal-ekonomija ċirkulari għall-pajjiżna? X’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għal dan?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea ppubblikat proposta fuq l-ekonomija ċirkulari f’Novembru tal-2015 fejn tinkludi ħames proposti leġiżlattivi fuq l-iskart. Dawn il-proposti leġiżlattivi jinkludu miri fuq l-iskart għal-perjodu sal-2030.
Il-Gvern għadu qed janalizza dawn il-proposti biex jkun jista’ jifformula l-pożizzjoni ta’ Malta f’ambitu tad-diskussjonijiet mistennija fix-xhur li ġejjin fuq l-ekonomija ċirkulari. Sadanittant Malta qiegħda taħdem bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Immaniġġjar tal-Iskart sabiex nilħqu l-miri tal-iskart tal-2020 skont id-direttivi rispettivi tal-iskart.
F’taħdidiet li kelli mad-Diretturi Ġenerali tal-Ambjent u tal-Klima tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma’ uffiċjali oħrajn tal-Gvern fosthom is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tiegħi, f’Brussell, ħareġ ċar illi għandha tingħata prijorità dejjem akbar lill-ekonomija ċirkulari, kemm minħabba l-importanza strateġika ekonomika u ambjentali tagħha kif ukoll billi hemm indikazzjoni qawwija li tista’ tkun fuq quddiem nett tal-aġenda ambjentali tal-Presidenza Maltija 2017. Dan id-‘dossier’ qed jiġi mifli u segwit b-attenzjoni kbira internament min-naħa tal-Ministeru tiegħi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-eNGOs se jkun irrappreżentati fuq il-Bord tal-Azzjoni fuq il-Klima? Jekk iva, x’se jkun l-irwol tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa minnu li bħala Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima jien tlabt lill-eNGOs sabiex jaħtru rrappreżentanti fuq il-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima. Ir-rwol huwa simili għal dak ta’ membri oħra fil-bord u huwa stipulat f’Artiklu 11 tal-Att Fuq Azzjoni Dwar Il-Klima (KAP. 543) u kif huwa mitlub minn kull membru tal-bord. Iżda hawnhekk irrid nirreferi għad-deċiżjoni ta’ wħud mill-għaqdiet ambjentali li ma jwieġbux għall-istedina li jkunu rappreżentanti fuq dan il-Bord. Filwaqt li l-Gvern jemmen li din hi opportunità unika biex l-għaqdiet ambjentali jgħassu l-isforzi ta’ pajjiżna u joffru suġġerimenti prattiċi lill-Gvern fit-twettiq tal-politika tiegħu dwar il-klima, il-Gvern jibqa’ miftuħ bħal dejjem għall-diskussjonijiet mal-istakeholders kollha. L-istess għamel u se jkompli jagħmel dwar l-istedina għall-parteċipazzjoni tagħhom fuq il-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tad-doping matul din is-sena min-National Anti-Doping Organizations (NADO)? Jista’ jgħid kemm kienul-każijiet li nstabu li kienu pożittivi u mil-liema sport kienu ġejjin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fis-sena 2015 saru 72 testijiet tad-doping minn NADO ta’ Malta. Minnhom, 61 kienu in competition u 11 kienu out of competition.
Minn dawn kien hemm:
A. Disa’ (9) Adverse Analytical Finding, li jfisser instabu sustanzi projbiti fis-
sample
tagħhom. Dawn kienu każ wieħed mill-futsal, sebgħa mir-Regatta u każ wieħed mill-Boxing. Il-każ tal-Boxing u ħamsa mir-Regatta ser jinstemgħu dalwaqt quddiem il-Bord tad-Dixxiplina.
B. Żewġ (2) Evażjonijiet, wieħed mill-Futsal u wieħed mill-Atletika.
Jista’ l-Ministru jgħid kif kien imqassam il-programm għall-istudenti tal-Youth.Inc matul dan l-ewwel term tas-sena skolastika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul l-ewwel tlett xhur, il-programm kien provdut fuq żewġ livelli:- Livell 1 u Livell 2. Bħala korsijiet obbligatorji, iż-żgħażagħ ta` Livell 1 kellhom English Drama, Malti Drama u Matematika filwaqt li ż-żgħażagħ ta` Livell 2 kellhom English Drama, ICT, Malti Drama, Malti u għal dawk li ser jersqu għall-eżami ta` SEC kellhom Ingliż, Malti, Matematika u Arti.
Matul dan il-perjodu, iż-żgħażagħ taż-żewġ livelli kellhom lista ta` suġġetti differenti li setgħu jagħżlu skont l-interessi tagħhom fosthom: Animal Care, Arts and Crafts, Auto Electric, Sports, Building & Construction, Cake Decorating, Cooking Club, Customer Care, Design & Technology, DJ, Electronics, Entrepreneurship, Film Making, Folk Guitar, Fretwork, Hairdressing, Health & Safety, Hip Hop, Home Cooking Skills, Italian, Make Up, Manicure & Pedicure, Mixed Media Cottage Craft, Mixed Media Modelling, Nail Art, Photography, Photo Editing, Skin Care, Social Care, Social Media, Upholstery, Water & Technology, Waxing & Hair Removal u Web Design filwaqt li l-kors tal-Arti seta’ jintgħażel miż-żgħażagħ ta’ Livell 1 u s-suġġetti ta` Computer Coding, HTML u Holistic Massaging seta’ jintgħażel miż-żgħażagħ ta` Livell 2.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ESPLORA li qed isir f’Bighi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Proġett taċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora, wasal fl-aħħar fażi tiegħu. Ix-xogħlijiet ta’ infrastruttura jinsabu fi stat avvanzat. Fil-fatt il-parkeġġ huwa fi stat komplut. L-esebiti li ġew immanifatturati minn kumpaniji barranin esperti f’dan il-qasam, bħalissa qegħdin jiġu installati.
F’Novembru saret attività għall-istudenti tal-iskola fl-istess sit.
CDRT, Università ta’ Malta u MCAST – Memorandum of Understanding
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti iktar dettalji dwar il-Memorandum of Understanding li sar bejn iċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u Taħriġ (CDRT) u l-Università ta’ Malta kif ukoll l-MCAST?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Iż-żewġ memoranda iqarrbu l-ħidma taż-żewġ istituzzjonijiet mas-CDRT li huwa ċ-ċentru li jieħu ħsieb it-taħriġ tal-haddiema tal-gvern, jorganizza korsijiet huwa stess u li whud minnhom huma akkreditati wkoll. Iż-żewġ memoranda jikkonċernaw korsijiet ġodda għall-haddiema tal-gvern u aċċess għal- korsijiet oħra li diga qed isiru. Il-gvern jisponsorja għadd ta’ haddiema tiegħu biex jattendu dawn il-korsijiet. Il-memoranda jahsbu wkoll ghall-placements ta’ studenti fl-edukazzjoni terżjarja ma dipartimenti governattivi kif ukoll kollaborazzjoni fuq riċerka mehtieġa fis-servizz pubbliku. Il-kunċett wara dawn il-memoranda huwa li nagħmlu l-ahjar użu mir-rizorsi disponibbli b’hidma aktar mill-qrib li nemmnu jwasslu għal rizultati ahjar.
Jista’ l-Ministru jgħid xi tħejjijiet saru u qed ikomplu jsiru fl-oqsma li jaqgħu taħtu fuq livell ta’ Trio dwar il-Presidenza ta’ Malta tal-UE 2017?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi b’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 18743, ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li f’Ottubru li għadda, delegazzjoni minn Malta, attendiet Trio level meeting f’livell ta’ Direttur Ġenerali f’The Hague. F’dan il-meeting komplew id-diskussjonijiet fuq prijoritajiet fl-ambitu tal-ambjent kif ukoll fuq koperazzjoni bejn it-tliet membri stati. Fuq dan tal-aħħar, id-diskussjonijiet kienu ffukati fuq il-laqgħat li jsiru f’ambitu internazzjonali u fejn il-Presidenzi rispettivi jridu jikkordinaw l-pożizzjoni tal-UE kemm fi Brussell kif ukoll waqt il-laqgħat internazzjonali.
L-Olanda għamlet rikjesta lil Malta biex tikkordina l-pożizzjoni tal-UE għall-COP19 tal-
Barcelona Convention
fi Frar tal-2016. Għalkemm il-Ministeru għandu riżorsi limitati ħafna f’dan il-qasam, ħadem bi sħiħ sabiex għaqqad tim ta’ uffiċjali biex Malta tkun tista’ tagħmel dan ir-rwol important fil-Greċja fi Frar li ġej bi spirtu ta’ koperazzjoni mal-Olanda.
Bormla, Birkirkara, Ħal Għaxaq, l-Imdina u Ta’ Xbiex – proġett pilota – tielet borża organika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultat ħalla l-proġett pilota tat-tielet borża organika tal-iskart fuq il-lokalitajiet ta’ Bormla, Birkirkara, Ħal Għaxaq, l-Imdina u Ta’ Xbiex? X’inhu l-pass li jmiss?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li r-riżultati s’issa fir-rigward tal-proġett pilota tat-tielet borża organika tal-iskart fil-lokalitajiet ta’ Bormla, Birkirkara, Ħal Għaxaq, l-Imdina u Ta’ Xbiex kienu pożittivi u r-rata ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku hi waħda inkoraġġanti ħafna mhux biss f'termini tal-ammonti miġbura iżda wkoll fil-kwalità tal-iskart miġbur li kien ukoll ta’ kwalità tajba.
Il-kwantitajiet ta' skart organiku miġbura s'issa għal kull lokalità huma kif ġej:
Lokalità
Piż (kg)
Birkirkara
135,140
Bormla
20,780
Għaxaq
27,300
Mdina
2,240
Ta’ Xbiex
10,400
Total
195,860
Fid-29 ta' Jannar 2016, il-proġett se jidħol fit-tieni fażi tiegħu. Flimkien ma’ dawk il-lokalitajiet li diġà qed jipparteċipaw, erba’ lokalitajiet ġodda se jibdew ukoll jipparteċipaw fil-proġett. Dawn il-lokalitajiet ġodda huma Marsaxlokk, Ħal Kirkop, l-Imġarr u s-Swieqi. Fit-tieni fażi, li se ddum tliet xhur, l-iskart organiku se jinġabar kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li pparteċipaw f’Summer on the Move, matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ persuni li pparteċipaw f’Summer on the Move sena b'sena f’dawn l-aħħar ħames snin, huwa kif se nsemmi:
2011 – 1,108
2012 – 2,967
2013 – 3,437
2014 – 3,662
2015 – 4,263
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema tal-PE u kemm kien hemm għalliema tal-PEmatul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ għalliema tal-PE fl-iskejjel tal-Istat matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena, hu kif ġej:
Sena Skolastika
Primarja
Sekondarja
2011/12
32
109
2012/13
32
101
2013/14
34
97
2014/15
34
100
2015/16
43
104
Skola Nazzjonali tal-Isport – faċilitajiet sportivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’faċilitajiet sportivi għandha l-Iskola Nazzjonali tal-Isport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Iskola Nazzjonali tal-Isport qiegħda tibbenifika mill-faċilitajiet tal-ġinnastika u tal-Isquash tagħha, flimkien ma' running track b'tul ta' 60 metru, kif ukoll faċilità għal-long jump. Eventwalment, dawn se jidhru fis-sit elettroniku fix-xahar ta' Jannar tal-2016. Is-sala prinċipali tal-isport se tkun iffinalizzata wkoll f'qasir żmien. Din is-sala se sservi bħala faċilità għall-basketball, handball, table-tennis, badminton, futsal, volleyball u numru sostanzjali ta' sports li jsiru ġewwa. L-iskola tikkonsisti wkoll minn seba' changing rooms.
Kulleġġ Santa Margerita, CSEN u Malta Judo — proġetti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien jinkludi l-proġett li sar mill-Kulleġġ Santa Margerita, iċ- Centro Sportivo Educativo Nazionale (CSEN) u anke l-Malta Judo?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett huwa wieħed pilota fejn permezz ta’ kollaborazzjoni bejn iċ-Centro Sportivo Educativo Nazionale (CSEN), id-Direttorat tal-Kurrikulu (Edukazzjoni Fiżika) u l-Kulleġġ Santa Margerita hemm il-ħsieb li żgħażagħ mill-iskejjel Sekondarji tal-Kulleġġ ikollhom laqgħat sportivi u jieħdu sehem f’logħbiet ta’ sport differenti. Din il-kollaborazzjoni tnediet fit-30 ta’ Novembru 2015 b’attività fejn ġew ippreżentati l-premjijiet għal kompetizzjoni ta’ Arti bl-isem Sports is Friendship li ttellgħet fost l-iskejjel kollha tal-Kulleġġ matul ix-xahar ta’ Novembru. Matul ix-xahar ta’ Jannar 2016 għandha titlaqqa’ laqgħa biex issa jsir pjan t’attivitajiet sportivi.
Hemm il-ħsieb ukoll li jkun hemm kollaborazzjoni fuq livell ta’ tisħiħ fil-Lingwa Taljana minħabba li ż-żgħażagħ li se jkunu qegħdin jaqsmu din l-esperjenza tagħhom huma Taljani. Ma’ dan wieħed iżid li din il-kollaborazzjoni jekk tkun suċċess, tinfetaħ għall-Kulleġġi l-oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kulleġġi/skejjel li matul dan is-sajf ħadu sehem fit-tournament tal-waterpolo?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-iskejjel li ħadu sehem fit-tournament tal-waterpolo huma kif se nsemmi:
Sacred Heart
Our Lady Immaculate
National Sports School
St Lucia Girls' Secondary
St Monica Gzira
St Francis Sliema
Mosta Girls' Secondary
St Venera Boys' Secondary
San Anton
St Albert The Great
Archbishop's Seminary
Sliema Boys' Secondary