Legislature:
Category:
Reset
Active:

Belt Valletta – Venda tal-karozzi tal-linja — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-estensjoni tal-venda tal-karozzi tal-linja tal-Belt Valletta? Kemm se tkun takkomoda karozzi tal-linja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel fażi tax-xogħlijiet fuq l-estensjoni tal-venda tal-Belt Valletta tlestiet skont il-pjan. Din l-estensjoni takkomoda 14-il bus bay operattivi addizzjonali. Bħalissa Transport Malta għaddejja bl-evalwazzjoni ta’ tender sabiex jitwaħħlu railings sabiex jitnaqqas r-riskju ta’ inċidenti bejn il-karozzi tal-linja u passiġġieri li jagħmlu użu mil-venda. Dan filwaqt li qed jitħejjew disinni biex eventwalment tiġi nstallata tinda mat-tul tal-venda bħala protezzjoni għall-pubbliku mill-elementi naturali, kif ukoll faċilitajiet sanitarji għall-pubbliku in ġenerali. Qed jitħejjew ukoll disinni għat-tieni fażi li tikkonsisti fi pjani għal aċċess aħjar għall-pubbliku mill-venda lejn Pjazza Kastilja.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka t-tip ta’ rikjesti li jaslu għandu minn Ministeri oħra kif ukoll minn Kunsilli Lokali? Jista’ jelenka x’azzjoni tittieħed meta jasal complaint għand il-Ministeru, speċjalment f’każ ta’ toroq, fejn ir-responsabilità ma tkunx tal-Ministeru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rikjesti li jaslu għand il-Ministeru tiegħi minn Ministeri oħra jvarjaw minn irranġar ta’ toroq, tisbieħ ta’ postijiet pubbliċi, parir tekniċi kif ukoll manutenzjonijiet f’dipartimenti differenti, fost oħrajn. Dawn ir-rikjesti jgħaddu għand l-uffiċjali responsabbli fi ħdan il-Ministeru tiegħi biex jiġu segwiti. F’każ ta’ toroq li r-responsabilità ma tkunx taqa’ taħt il-Ministeru tiegħi, dawn it-talbiet jiġu mgħoddija lill-Ministru kkonċernat, u min ikun qed jagħmel it-talba jiġi mgħarraf b’dan.

Toroq fiż-żoni rurali — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fiex waslu x-xogħlijiet ta’ toroq fiż-żoni rurali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fiż-żoni rurali li kienu qed isiru minn Transport Malta taħt il-miżura 125 tar-Rural Development Programme 2007-2013 (EAFRD – Axis 1) “Improving the Competitiveness of the Agricultural Sector” tlestew skont il-pjan.

Proġett ta’ Triq il-Kosta

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif il-proġett ta’ Triq il-Kosta rnexxielu jitlesta b’suċċess minkejja l-ostakli kollha li kien hemm u dan b’kuntrast qawwi ta’ kif il-proġetti taħt gvernijiet preċedenti kienu jaqgħu lura drastikament?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda biex nirringrazzja lill-Onor. Interpellant għall-kumpliment tiegħu u nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil kull min kien involut, b’xi mod jew ieħor f’dan il-proġett, inkluż il-pubbliku in ġenerali għall-paċenzja u kooperazzjoni tul ix-xogħlijiet. Ta’ min iżid li f’din l-amministrazzjoni ma kienx il-proġett tal-Kosta biss li tlesta fil-ħin, iżda kien hemm proġetti oħra maġġuri li kienu qed isiru minn Transport Malta, bħal preparamenti għac-CHOGM u xogħlijiet fuq toroq rurali. Dan kien biss possibli permezz ta’ koordinazzjoni sħiħa bejn Transport Malta u l-kuntratturi nvoluti f’kull livell, ukoll permezz ta’ ppjanar adekwat u tqassim ta’ riżorsi b’mod effiċjenti minn kull parti nvoluta. Wara l-ammont konsiderevoli ta’ xogħol infrastrutturali li kien għaddej fil-pajjiż f’dawn l-aħħar xhur, speċjalment fuq proġetti kbar li diġà semmejna, Transport Malta tibqa’ mpenjata fuq programm ta’ xogħlijiet u prioritajiet u dan speċjalment fejn jikkonċerna toroq b’kostruzzjoni għall-ewwel darba fil-lokal u manutenzjoni tat-toroq arterjali u distributorji, filwaqt li fix-xhur li ġejjin mistenni li jitlestew proġetti bħalma huma l-MODUS u jinbeda x-xogħol fuq il-junction tal-Kappara.

Birżebbuġa – xogħlijiet fuq il-pitch tal-waterpolo u l-grawnd tal-futbol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-pitch tal-waterpolo u l-grawnd tal-futbol f’Birżebbuġa? Jista’ jgħid kemm kien l-investiment fuq dawn iż-żewġ proġetti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pitch ta' Birżebbuġa tlesta fis-Sajf li għadda, waqt li x-xogħol fuq il-bini tal-club house issa qabad ir-rittmu u għandu jkun lest wara s-Salf li ġej. Il-grawnd jinsab fi stadju avvanzat u għandu jitlesta sas-Sajf. L-investiment li qed isir fuq dawn iż-żewġ proġetti hu ta' madwar €3.85 miljun.

Proġett għat-tisbiħ tal-promenade tal-Kalkara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti fuq il-proġett għat-tisbiħ tal-promenade tal-Kalkara? Jista’ jispjega wkoll x’inhu r-rwol tal-Projects Implementation Directorate fi ħdan il-Ministeru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett għat-tisbiħ tal-promenade tal-Kalkara se jkun inkorporat f’proġett konġunt bejn il-Kunsilli Lokali Kalkara u l-Ministeru tiegħi. Bħalissa qed isir xogħol preparatorju biex jitfassal masterplan għal dan is-sit bil-ħsieb li ssir applikazzjoni għall-fondi Ewropej għal dan il-proġett. Ninfurmah ukoll li l-Project Implementation Directorate(PID) fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet fil-Ministeru li għalih jien responsabbli, hu nvolut f’dawn ix-xogħlijiet: 1. Xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’żoni turistiċi u spazji pubbliċi li jaqgħu fir-responsabilità tal-Gvern Ċentrali. 2. Jimplimenta numru ta’ proġetti żgħar, l-aktar xogħlijiet ta’ tisbih f’żoni urbani u anke turistiċi f’isem il-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura. 3. Jamministra l-barriera tal-Gvern f’tar-Robba. 4. Jagħmel xogħol ta’ waterproofing membrane f’bini u propjetajiet tal-Gvern.

Proġett tas-Salini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tas-Salini biswit Triq il-Kosta u x’se jiġri wara li jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tar-Riabilitazzjoni tas-Salini tal-melħ fis-Salini limiti ta’ San Pawl il-Baħar biswit triq il-Kosta hu fil-maġġoranza tiegħu lest. Dan il-proġett jibqa’ jaqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħi sakemm jitlesta.

Dipartiment tal-Cleansing Directorate

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x-xogħlijiet li saru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Cleansing Directorate fl-aħħar sentejn u nofs u jispjega kif dan id-Direttorat għamel avvanzi kbar anki fl-image tiegħu mal-pubbliku inġenerali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għat-Tindif huwa responsabbli minn tindif f’dawn is-setturi: · Tindif ta’ Toroq arterjali u distributorji · Tindif ta’ spazji pubbliċi li huma fir-responsabbilta’ tal-Gvern Ċentrali · Tindif ta’ żoni turistiċi f’dawk iż-żoni maqbula bejn il-Ministeru tiegħi , il-Ministeru tat-Turiżmu u Kunsilli lokali konċernati · Tindif ta’ bajjiet · Tindif ta’ Latrini Pubbliċi li jaqgħu f’żoni tal-Gvern Ċentrali · Tindif ta’ sistemi ta’ kanali li jilqgħu l-ilma tax-xita fit-toroq arterjali u distributorji Apparti dan kollu jsir tindif regolari f’każijiet ta’ emergenza bħal wara maltempati, konkos u materjal tal-kostruzzjoni li jaqa’ f’diversi toroq minn trakkijiet, ġbir ta’ annimali mejta, tindif f’żoni fejn tintalab assistenza minn diversi Kunsilli Lokali, żoni fejn għadu jintrema ammont ta’ skart illegali, kif ukoll f’postijiet li jaslu minn talbiet ġenerali tal-pubbliku. Matul dawn l-aħħar sentejn, ġie ntrodott freephone ġdid 1718, saret website ġdida garbyandtidy.org.mt, ġew introdotti mobile apps għal sistemi ta’ ios u android, kif ukoll sar investiment għal sistema ta’ IT interna sabiex l-ilmenti li jaslu mingħand il-pubbliku jiġu ndirizzzati fl-iqsar żmien possibli. Ġew irreġistrati mal-3,500 lment tul dawn l-aħħar 18- il xahar , fejn ġew solvuti 97% tal-każijiet kollha. Il-każijiet li baqa’ għadhom qed jiġu segwiti, u d-dewmien huwa dovut għal każijiet li jikkonċernaw artijiet privati. Kien hemm każijiet , fejn l-ilment kien ilu jiġi mwassal snin twal u qatt ma ttieħdet azzjoni. Il-proċedura li qed nattwaw bħalissa, għandha skop wieħed biss, dak li nisimgħu u nsolvu l-weġgħat ta’ min jagħmel l-ilment. Dan kollu jorbot ma’ inizjattivi li ttieħdu mal-kampanja edukattiva ‘Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek?’, li preżentament qed issir ħidma kbira speċjalment fl-iskejjel permezz t’ messaġġi edukattivi bil-preżenza ta’ Garby and Tidy li huma ż-żewġ mascots uffiċjali in konnessjoni ma’ din il-kampanja. Ġie disinjat ktejjeb apposta li qed jitqassam lit-tfal, u bi pjaċir ngħid li anke kumpanija privata iffinanzjat l-ispiża tal-istampar tiegħu. Sar investiment qawwi fil-ħaddiema, billi qed jiġu organizzati korsijiet interni ta’ kif għandu jsir tindif, ingħatat uniformi lill-ħaddiema kollha, kif ukoll sar rebranding promozzjonali fuq il-vetturi kollha tad-Direttorat. Ġew imħejjija u żviluppati diversi TV spots, li juru realtajiet li jiltaqgħu magħhom il-ħaddiema waqt il-ħidma tagħhom. L-iskop, huwa li jitwassal messaġġ edukattiv permezz ta’ dawn il-promos. Għal darba oħra matul is-sena 2015 rajna żieda fl-iskart miżbur mit-toroq arterjali u bajjiet. Dan juri biċ-ċar, li l-ħaddiema qed iwettqu x-xogħol tagħhom, pero’ sfortunatament għad baqa’ parti mill-pubbliku li mhux qed tikkopera kif wieħed għandu jiddisponi minn rimi ta’ skart. Għal dawn l-aħħar sentejn kien hemm żieda sostanzjali fil-produttivita fix-xogħol tad-Direttorat, fejn fis-sena 2014 kien hemm żieda ta’ 51% fuq is-sena preċedenti, kif ukoll fis-sena 2015 reġa’ kien hemm żieda oħra ta’ 5% fuq is-sena 2014. Li jinġabru ‘l fuq minn 15,000 tunellata ta’ skart minn din l-entita’ governattiva, fl-opinjoni tiegħi, l-figuri jitkellmu weħidhom. Is-sezzjoni ta’ ħaddiema tat- tindif tat- toroq arterjali tieħu ħsieb ukoll li jsir tindif wara li jżarma l-monti f’diversi lokalitajiet, kif ukoll isir tindif u ħasil ta’ subways li għandna f’pajjiżna. Ħidma oħra hija dik ta’ tneħħija ta’ chewingum minn diversi żoni pedonali. Ix-xogżol kollu minn dawn il-żaddiema jsir b’mod manwali, kif ukoll addizzjonali jsir il-knis mekkaniżżat minn vetturi apposta. Ħidma oħra importanti, hija t-tneħħija ta’ alka minn fuq il-bajjiet, li nistgħu ngħidu li l-ħidma fis-sena 2015 saret bi programm estensiv fejn intlaħqu l-miri stabbiliti oriġinarjament. Żdiedet konsiderevolment l-infrastruttura ta’ slielem tal-baħar fejn matul is-sena 2015 kien hemm żieda ta’ 35 sellum ġdid f’postijiet mitluba mill-pubbliku. B’hekk, issa għandna madwar 270 sellum li jitwaħħlu qabel l-istaġun tas-sajf tul il-kosta Maltija. Uħud minn dawn is-slielem, jibqgħu mwaħħla matul ix-xhur tax-xitwa sabiex jiġu akkomodati dawk il-persuni li jibqgħu jgħumu matul is-sena kollha, kif ukoll għal dawk l-għaddasa li jipprattikaw dan l-isport fix-xhur tax-xitwa. Ovvjament matul ix-xhur tas-sajf issir ħidma kontinwa bi frekwenzi addizzjonali fuq il-bajjiet kollha, b’attenzjoni partikolari tingħhata lill-bajjiet li għandhom status ta’ blue flag. Suċċess ieħor, kien dak ta’ tindif f’żoni turistiċi, fejn għall-ewwel darba, taħt din l-amministrazzjoni, ingħatat għajnuna lill-Kunsilli Lokali f’dak li jirrigwarda tindif, li qegħda twassal f’ammont ta’ €1.2 miljun ewro fis-sena. Dan huwa kollu addizzjonali ma’ dak li jsir mill-Kunsilli Lokali, u nista’ ngħid li għandna diversi talbiet mill-Kunsilli Lokali stess, sabiex iż-żoni stabbiliti li jitnaddfu mill-ħaddiema ta’ dan id-direttorat jiġu estiżi iktar. Dan għaliex huwa evidenti, li qed toħroġ d-differenza fejn isir tindif minn ħaddiema tal-Gvern kontra dak li jsir minn ħaddiema ta’ kuntratturi. Ta’ min jgħid li ma qagħdnix naraw u nagħżlu liema żoni ser innaddfu, bħal ma kien isir qabel. Inkludejna kull żona fil-pajjiż kemm in-naħa ta’ fuq, kif ukoll għall-ewwel darba l-irħula fin –naħa ta’ isfel. Qed nirreferi għal M’Scala, M’Xlokk, B’Buġia, Wied iż-Żurrieq u ż-żoni tal-Kottonera. Matul ix-xhur tas-sajf jsir ħasil regolari matul il-lejl fuq il-promenades u żoni turistiċi kollha. Inizjattiva li qed tħalli l-frott tagħha. Il-programm t’a tindif ta’ sistemi ta’ kanali tal-ilma tax-xita fis-sena 2015, ħalla l-frott tiegħu ukoll. Ġew indirizzati dawk iż-żoni fejn jkun hemm għargħar meta tagħmel ix-xita. Fis-snin preċedenti kienu jitnaddfu biss l-ispralli tal-ilma tax-xita. Illum qegħdin innaddfu wkoll il-pajpijiet li jikkollegaw minn sprall għall-ieħor. Ħidma li ħalliet l-frott tagħha f’dawn l-aħħar xhur. Matul is-sena 2015, sar investiment ta’ tisbieħ fil-latrina li tinsab fil-ġnien tal-Barrakka ta’ fuq. F’dawn l-aħħar sentejn, sar investiment f’makkinarju speċjaliżżat li żgur qiegħed jgħin sabiex il-ħidma tkompli titjieb. Żidna l-kontenituri tal-iskart fit-toroq tagħna, fiż-żoni turistiċi kif ukoll fuq il-bajjiet.Tul dawn l-aħħar sentejn inxtraw diversi tipi ta’ kontenituri tal-iskart. Intefqu madwar € 120,000 f’kontenituri. Matul din is-sena dawn ser ikomplu jiżdiedu. Dan li elenkajt hawn fuq huwa biss parti mill-inizzjativi u l-ħidma li ssir ta’ kuljum. Hemm rieda qawwija li nnaqqsu l-abbużi kemm jista jkun. Għal dan il-għan ukoll investejna f’CCTV cameras li twaħħlu f’postijiet li għadhom jattiraw rimi ta’ skart illegali. Fil-ġranet li ġejjin ser inkunu qed nżidu dawn il-faċilitajiet. Nistgħu ngħidu li fejn twaħħlu dawn il-cameras, is-sitwazzjoni tjiebet u għalhekk dan qed ikompli jimlina b’kuraġġ ħalli nagħmlu monitoraġġ ta’ iktar żoni. Ninsab perswaz, li l-operat effiċċjenti ta’ kif qed jitmexxa u l-inizjattivi li qed jittieħdu f’dan id-direttorat, tejjeb konsiderevolment l-opinjoni pubblika dwar il-ħidma ta’ kif qed isir it-tindif. Dan huwa direttorat li sal-lum iħaddem miegħu 470 ħaddiem.

Direttorat tal-Marine, Storm Water and Valley Management

Question

Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni dwar ix-xogħlijiet li għaddejjin mid-Direttorat tal-Marine, Storm Water and Valley Management Unit f’dan l-istaġun tax-xitwa u xi proġetti oħra f’diversi rħula madwar Malta huma fil-pipeline?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti li qed isiru jew li hemm il-ħsieb li jsiru fis-snin li ġejjin mill-Marine, Storm Water and Valley Management Unit għall-Ministeru tiegħi kif ukoll proġetti għall-Ministeri oħra huwa kif ġej; Sezzjoni Marittima (1) Bini ta’ Watepolo Pitch ġdid f’Marsaskala (f’isem l-OPM/MEDE) (2) Bini ta’ Breakwater f’Marsaxlokk (f’isem l-MSDEC) (3) Tiswija u estensjoni ta’ moll fix-Xatt ta’ Santa Marija, Għajn Żejtuna, il-Mellieħa (4) Xogħlijiet fuq skal ħdejn il-Maċina, l-Isla (5) Tiswija tax- Chalet Sezzjoni għall-Kontroll tal-Ilma tax-Xita (1) Xogħol ta’ bini u finishes fuq uffiċini u mħazen fil-Mosta biex jintużaw għall-manutenzjoni tal-Proġett għat-Taffija tal-Għargħar (2) Bini ta’ culverts f’Ħal Qormi u Ħaz-Zabbar b’rabta mal-Proġett għat-Taffija tal-Għargħar (3) Bini ta’ culverts fi Triq il-Kapuċċini, Triq Santa Filumena u fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja, il-Kalkara. (4) Bini ta’ culverts fi Triq is-Salina, Marsaskala Sezzjoni għall-Immaniġġjar tal-Widien (1) Studji għal riabilitazzjoni ta’ Wied Blandun, il-Fgura (2) Pjan Integrat għat-Tisbieħ u l-Protezzjoni tal-Widien f’Malta (3) Xogħlijiet ta’ konservazzjoni ambjentali f’Wied il-Qlejgħa, Rabat u Wied Għajn Rihana, Burmarrad (b’kollaborazzjoni mal-MEH) (4) Xogħlijiet ta’ konservazzjoni tal-ilma f’Wied ir-Rum, Rabat (5) Xogħolijiet ta’ konservazzjoni ambjentali f’Wied tal-Imselliet, Mġarr (6) Xogħlijiet ta’ konservazzjoni ambjentali f’Wied Sant’Antnin, Marsaskala (7) Xogħlijiet ta’ konservazzjoni f’Wied Liemu, Rabat

Direttorat tal-Projects Implementation Direcorate — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ xogħlijiet li għaddejjin mid-Direttorat tal-Projects Implementation Directorate fi ħdan il-Ministeru, inkluż lista ta’ proġetti nazzjonali li bħalissa għaddejja l-manutenzjoni tagħhom wara li dawn kienu lesti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ xoghlijiet li għaddejjin mid-Direttorat tal-Projects Implementation Directorate fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Barra dan ix-xogħol dan id-Direttorat jagħmel ukoll xogħol ta’ routine maintenance l-aktar fiż-żoni turistiċi li jaqgħu fir-responsabilità tal-Gvern ċentrali, fosthom; 1.Promenades ta’ Buġibba, Xemxija, Qawra, M’Xlokk, Sliema, San Ġiljan, Xgħajra, B’Buġia u Marsascala. 2. Il-proġett tad-Dock No.1 ġewwa Bormla.

Rehabilitation Projects Office – proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ proġetti li huma taħt l-uffiċċju tar-Rehabilitation Projects Office u li huma għaddejjin bħalissa u proġetti oħrajn li huma fil-pipeline?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-proġetti kollha li saru, qed isiru u ppjanati li jsiru mill-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Riabilitazzjoni matul din il-leġiżlatura. Il-lista tinkludi proġetti ta’ dan il-Ministeru kif ukoll proġetti għal Ministeri oħra.

Project Design and Engineering Directorate — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ proġetti kurrenti u oħrajn li se jsiru li huma taħt l-uffiċċju tar-Project Design and Engineering Directorate fi ħdan il-Ministeru?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-proġetti kollha li saru, qed isiru u ppjanati li jsiru mill-Project Design & Engineering Directorate matul din il-leġiżlatura. Il-lista tinkludi proġetti ta’ dan il-Ministeru kif ukoll proġetti għall- Minsteri oħra.

Xogħlijiet li saru fuq znieter tal-knejjes

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet li saru fuq znieter ta’ knejjes minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, u fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet u liema parroċċi bbenefikaw? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-proġetti kollha taz-znieter li saru, qed isiru u ppjanati li jsiru mill-Project Design & Engineering Directorate matul din il-leġiżlatura. Ix-xogħol ġeneralment jikkonsisti fil-bidla ta’ pavimentar, ballavustrar u dawl dekorattiv.

Proġett ta’ Triq il-Kosta – miżuri ta’ sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett ta’ Triq il-Kosta jaħsibx għall-miżuri sabiex tiġi mħarrsa s-saħħa u s-sigurtà tas-sewwieqa? Jekk fl-affermattiv, x’inhuma dawn il-miżuri?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-proġett ta’ Triq il-Kosta kien sa mill-bidu tad-disinn ppjanat li jkollu diversi aspetti li jħarsu b’mod aħjar is-saħħa u s-sigurta’ tas-sewwieqa u nies oħra li jużaw it-triq. Dawn jinkludu d-disinn innifsu ta’ allinjament tat-triq, livelli, karreġġjati, safety barriers, tabelli tat-traffiku, pedestrian crossings, linji u sinjali tat-traffiku, etc.

Il-proġett tal-Junction tal-Addolorata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Junction tal-Addolorata fil-Marsa? X’benefiċċji mistenni jġib miegħu dan il-proġett għal dak li għandu x’jaqsam mat-traffiku tan-naħa t’isfel ta’ Malta? Jista’ jgħid jekk dan il-proġett hux se jibbenefika mill-Fondi Ewropej? U jekk iva, kemm se jammontaw dawn il-fondi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-Marsa Junction ġie maqsum f’żewġ fażijiet. Ix-xogħlijiet tal-ewwel fażi se jkunu qed jiffaċilitaw it-traffiku li min-naħa tal-ajruport (minn Triq Garibaldi) imur lejn il-Belt Valletta. Ix-xogħlijiet tat-tieni fażi se jiffaċilitaw it-traffiku għaddej fid-direzzjoni opposta kif ukoll il-junction ta’ ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata. L-Unjoni Ewropeja approvat l-ewwel fażi tal-proġett u se tkun qed toħroġ Eur38.8m li jirrapreżenta 85% ko-finanzjament. Bħalissa il-proġett qiegħed fil-proċess tal-MEPA filwaqt li qed isiru preparazzjonijiet għal tenders għal studji oħra li hemm bżonn.

Promozzjoni ta’ mezzi alternattivi tat-trasport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir mill-Gvern preżenti biex mezzi alternattivi tat-trasport, fosthom dak bil-baħar jingħataw promozzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar snin ittieħdu diversi miżuri u inizjattivi u fejn jidħlu mezzi oħra ta’ trasport alternattiv inkluż varji proġetti u proġetti pilota li saru fl-aħħar xhur in konnessjoni mal-attivitiajiet tal-Ġimgħa Ewropea dwar il-Mobilita’ u l-kampanja Do The Right Mix. Dawn il-proġetti pilota għadhom fi stadju ta’ implimentazzjoni f’dawk il-lokallijiet li diversi Kunsilli Lokali applikaw għad-diversi skemi rispettivi, fosthom l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ Transport on Demand għall-anzjani. Ninforma wkoll li Transport Malta qiegħda fi studju ta’ riċerka għall-possibilita tal-introduzzjoni ta’ Mass Transort System għal-gżejjer Maltin kif ukoll bi preparament għal proġetti varji li se jiġu sottomessi għall-finanzjament tal-Fondi Strutturali Ewropej 2014-2020. Dawn jinkludu: Numru ta’ Proġetti Ġodda 1. Proġett Nazzjonali għall-introduzzjoni tal-kunċett ta’ Electric Bicycle Sharing. 2. Disa’ proġetti pilota li jagħmlu parti minn sottomissjoni għal Fondi Ewropej taħt il- programm CIVITAS fosthom li jinkludu ġarr ta’ merkanzijja organizzata fil-Belt Valletta b’użu ta’ vetturi elettriċi u proġett pilota li jagħmel użu minn mini buses li jiġu kkonvertiti biex jaħdmu bil-gass u ttestjar ta servizz ċirkulari urban. 3. Riċerka u studju għal progett li jtejjeb l-aċċess minn Marsamxett għaċ-Ċentru Storiku tal-Belt Valetta għal min juża s-servizz tat-trasport pubbliku tal-baħar minn tas-Sliema għall-Belt 4. Proġett sabiex titkompla l-installazzjoni tan- Network ta’ Charging Points madwar il-pajjiż kollu għall-użu tal-Vetturi Elettriċi li jlaħħaq l-ammont indikat mid-direttiva Ewropea rispettiva, inkluż l-installazzjoni tal-aħħar Rapid Charging Stations li hawn fis-suq suq b’kapaċita’ li jiċċarġjaw l-aħħar vetturi elettriċi fis-suq f’anqas minn 30 minuta. 5. L-introduzzjoi ta’ diversi Sustainable Intermodal Transport Hubs f’diversi żoni madwar il-portijiet rispettivi. 6. Tfassil tat-tieni fażi għall-installazzjoni ta’ aktar miżuri magħrufa bħala Intelligent Transport Systems, inkluż aktar b oards elettroniċi, xogħol fuq in- network ta’ CCTV cameras fit-toroq kollha arterjali u distributorji kif ukoll f’siti u infrastruttura relatati mas-servizzi tat-trasport pubbliku kif ukoll miżuri oħra li jtejbu s-saħħa u s-sigurta fir-toroq kif ukoll miżuri addizzjonali għat-titjieb fl-immaniġġjar tat-traffiku (it-tieni fażi). 7. Tfassil ta’ proġett pilota għall-introduzzjoni ta-użu tal-gass idroġenu bħala fuel alternattiv għat-trasport, bi proġett pilota li jinkludu hydrogen station u vetturi li jaħdmu b’din it-teknoloġija. Introduzzjoni ta’ Sevizzi Ġodda Tfasslet ukoll policy interna u sejħa għall-offerti għall-introduzzjoni tal-kunċett ta’ car sharing madwar il-pajjiż kollu kif ukoll inċentivi għall-kumpaniji li jippromwovu il-kunċett ta’ car pooling. Nirreferi wkolll lill-Onorevoli Interpellant għall-miżuri addizzjonali mħabbra fl-aħħar budget, inkluz id-diversi grants li se jingħataw kemm lill-individwi kif ukoll NGOs u kumpanniji privati għal min juza vetturi li jagħmlu użu minn forom nodfa ta’ trasport.

Priority lane

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-vetturi li jistgħu jagħmlu użu mill-priority lane?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vetturi li jistgħu jużaw il-priority lane huma muturi, taxis, vetturi li jaħdmu bl-elettriku, vetturi LPG, roti, vetturi tat-trasport pubbliku u vetturi bi tlieta minn nies jew aktar ġo fihom.

Malta National Electromobility Platform

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-funzjoni u l-għanijiet tal-Malta National Electromobility Platform (MNEP) li twaqqfet matul din il-leġislatura? Jista’ jgħid ukoll x’ħidma jew inizjattivi twettqu s’issa li jippromwovu mezzi ta’ trasport alternattiv favur il-ħarsien tal-ambjent?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta National Electromobility Platform (MNEP) hija inizjattiva konġunta bejn il-Ministeru tiegħi u Transport Malta li l-għan prinċipali tagħha huwa li tippromwovi l-użu ta’ teknoloġija elettrika u għaldaqstant iktar nadifa f’dak li jirrigwarda trasport bl-art. Permezz tal-politika tal-Gvern preżenti li jiżviluppa u jippromwovi ġenerazzjoni alternattiva tal-elettriku favur il-ħarsien tal-ambjent, il-MNEP qed jikkontribwixxi f’dan ir-rigward permezz ta’ inizjattivi li jippromwovu l-użu ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku u teknoloġija foto-voltajika permezz ta’ infrastruttura PV għall-enerġija solari. Bit-twaqqif tal-MNEP, hemm rapreżentazzjoni u parteċipazzjoni wiesa’ tas-settur u stakeholders konċernati li jikkollaboraw flimkien għal impenn sħiħ favur bidla fil-kultura f’dak li jirrigwarda mobilita’ u trasport in ġenerali. Għat-tieni parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 22064.

Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili – ajruplani reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ajruplani li ġew reġistrati mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fl-2015? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għas-sentejn preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant fl-2013, kien hemm 35 ajruplan li kienu reġistrati Malta, filwaqt li fl-2014 kien hemm 48 u fl-2015 kien hemm 61 ajruplan.

Sigurtà fi-toroq tagħna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-sistemi li qed ikunu studjati sabiex is-sigurtà fit-toroq tagħna tiżdied?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, Transport Malta, b’kollaborazzjoni mal-Malta Road Safety Council (MRSC), f’dawn l-aħħar xhur nehdiet kampanja estensiva ta’ informazzjoni u edukazzjoni mmirata lejn il-pubbliku li tirrigwarda sigurta’ fit-toroq. Permezz ta’ programmi ta’ filgħodu fuq ir-radju u mobile phone application, sewwieqa qed jiġu nfurmati rigward kundizzjonijiet tat-toroq attwali, kundizzjonijiet tat-traffiku, għeluq ta’ toroq kif ukoll inċidenti. B’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, l-MRSC beda eżerċizzju sabiex jinġabru ideat u prioritajiet f’dak li jirrigwarda sigurta’ fit-toroq mill-istess kunsilli li jixtiequ li jiġu mplimentati. Wara li tinġabar din l-informazzjoni, dawn l-ideat se jiġu evalwati u possibilment implementati fejn hu vijabbli. Hemm ukoll ippjanat li titnehda skema għat-tfal mill-ħruġ tagħhom mill-iskejjel. Din għandha tinkludi miżuri ta’ arranġamenti tat-traffiku adekwat inkluż miżuri li jassiguraw li t-tfal jitgħabbew fuq it-trasport provdut b’mod iktar sikur. L-MRSC hija wkoll involuta fil-formulazzjoni ta’ Pjan Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu, permezz tal-Bicylcle Advisory Group li huma parti mill-kunsill. Qed issir promozzjoni ta’ road sharing speċjalment f’akwati fejn il-preżenza ta’ ċiklisti hija iktar evidenti, kif ukoll huwa maħsub li titniehda kampanja għaċ-ċiklisti, sewwieqa in ġenerali u dawk ta’ vetturi ta’ roadside assistance sabiex jiġi promoss l-użu ta’ lbis high visibility. Biex tikkumplimenta din l-inizjattiva, l-MRSC huwa wkoll impenjat li jippromwovi kampanja t’edukazzjoni li tindirizza mhux biss sewwieqa ta’ vetturi, mututi u ċiklisti, iżda wkoll il-pubbliku in ġenerali fuq il-kunċett ta’ road sharing. Apparti minn hekk, l-MRSC flimkien ma’ Transport Malta, qed ikomplu jikkollaboraw ma’ entitajiet u dipartmenti oħra f’kampanji fuq skala nazzjonali bħalma huma “Don’t Drink and Drive Campaign” kif ukoll jipprovdu sapport għal inizzjattivi ta’ taħriġ fl-ewwel għajnuna (first aid) għal sewwieqa sabiex jipprovdu assistenza neċessarja f’każ ta’ bżonn ta’ inċidenti fit-triq. Qed tiġi wkoll proposta sistemata’ red light cameras, li huma mmirati sabiex jipprovdu statisttika fuq movimenti ta’ vetturi kif ukoll sabiex jindirizzaw il-problema t’abbuż fl-użu ta’ traffic lights kemm minn sewwieqa u pedonali. Din il-proposta għadha qed tiġi evalwata u hekk tiġi mplimentata għandha tgħin fil-viġilanza tat-traffiku u għal iktar sigurta’fit-toroq.