Legislature:
Category:
Reset
Active:

LSAs

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta’ Learning Support Assistants (LSA) li hemm illum fl-iskejjel? Jista’ jgħid dawn humiex shared jew full? Kif jikkompara dan in-numru ma' ħames snin ilu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ LSAs illum huwa ta’ 2171. Dan in-numru jinkludi il-gradi kollha ta’ LSAs u jinkludi ukoll 149-il LSA li tinsab fuq xi forma ta’ Leave. In-numru ta’ LSAs f’Diċembru tal-2011 kien ta’ 1660 liema numru jinkludi 105 li kienu b’xi forma ta’ leave. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, waħda Primarji u l-oħra Sekondarji li jinkludu informazzjoni dwar it-tip ta’ sapport (shared, shared same class, full-time jew full-time one-to-one).

MCAST u Università ta’ Malta – korsijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’korsijiet ġodda qed jiġu offruti fl-MCAST u fl-Università ta’ Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, kif ġej: Lista 'A' - korsijiet ġodda offruti fl-MCAST Lista 'B' - korsijiet ġodda (jew oqsma ta’ studju ġodda fi ħdan korsijiet li kienu qed jiġu offruti preċedentement) offruti fis-Sena Akkademika 2015/16 fl-Università ta’ Malta.

Pixxina tal-Qroqq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża sabiex tissaħħan il-pixxina tal-Qroqq, sena b’sena, bejn l-2010 u llum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ispiża sabiex tissaħħan il-pixxina tal-Qroqq, sena b’sena, bejn l-2010 u llum kienet: 2010 – €60,830 (informazzjoni minn Novembru) 2011 – €290,640.12 2012 – €312,460.11 2013 – €479,200 2014 – €399,908.17 2015- €313,601.77 2016 -€35,000 (sal-11 ta’ Frar 2016) Sa Ottubru 2015, il-pixxina kienet tissaħħan permezz ta` boiler li jaħdem bil-fjuwil. Minn Ottubru 2015 ‘l hawn, SportMalta bdiet issaħħan il-pixxina permezz ta` heat pumps li jitħaddmu bl-energija elettrika. Għalhekk, minn Ottubru 2015, l-ispiża sabiex tissaħħan il-pixxina tal-Qroqq hija stmata mill-kont tad-dawl u l-ilma li tirċievi SportMalta għal dan il-kumpless.

Sport Malta – head office – spiża tat-telephone

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tat-telephone fil-Head Office ta’ SportMalta, sena b’sena bejn is-sena 2010 u llum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ispiża tat-telefon fil-Head Office hija inkluża fil-kont tat-telefon li tircievi SportMalta u li jinkorpora fih l-ispiża tal-erba’ faċilitajiet tagħha u tal-head office flimkien. Intant, infurmat li l-ispiża tat-telefon ta’ SportMalta, sena b’sena bejn is-sena 2010 u llum, kienet kif se nsemmi: 2010: €8,031.32 2011: €12,979.55 2012: €21,520.41 2013: €19,715.10 2014: €8,234.44 2015: € 10,630.34 2016 (sal-5 ta’ Marzu 2016): € 1,771

SportMalta — skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-assistenzi minn skemi varji ta’ SportMalta li qabżu l-għaxart elef ewro mis-sena 2010 sal-lum? Min kien li bbenefika minnhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar in-numru ta' assistenzi minn skemi varji ta' SportMalta li qabżu l-għaxart elef ewro mis-sena 2010 sal-lum, u min ibbenefika minnhom, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija Żgħażagħ – youth workers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Youth Workers jaħdmu ma’ Aġenzija Żgħażagħ u x’inhi l-funzjoni tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm erbatax (14)-il youth worker jaħdmu ma’ Aġenzija Żgħażagħ, tlieta minnhom seconded mill-MEDE. Il-funzjonijiet tagħhom huma kif se nsemmi: tlieta (3) responsabbli minn Youth Empowerment Projects wieħed (1) huwa Youth Information Officer ħamsa (5) responsabbli mill-Youth Hubs ħamsa (5) oħra responsabbli mill-Youth.Inc

Ħaddiema kuntrattjati – ġlieda kontra l-prekarjat

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif qed jiġġieled kontra l-prekarjat fil-ħaddiema kuntrattjati, speċjalment tat-tindif, fl-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-każijiet fejn jidħlu impjegati kuntrattjati, dan il-Ministeru jaċċerta ruħu li kull min jitfa’ offerta jispeċifika r-rata ta’ ħlas li biha jħallas lill-impjegati tiegħu għal kull siegħa, fit-tender specification form. Dan ikun jinkludi dettalji relatati mal-kontribuzzjoni tal-bolol (N.I), bonuses, leave u sick leave, u xogħol bix-xift. Apparti dan, qabel ma l-Ministeru jħallas għas-servizz li jkun qed jirċievi mit-tali kumpaniji, jitlob kopji tal-payslips tal-impjegati ħalli jiżgura li l-istess impjegati jkunu qegħdin jitħallsu bir-rata indikata fl-offerta.

Teknoloġija fil-klassijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-investimenti kollha li saru f’dawn l-aħħar tnax-il xahar rigward it-teknoloġija fil-klassijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-eLearning ingħatha fondi mill-proġett ESF Project 1.228 li jinkludi fih: Creative Writing, Teaching Robotics in the Early Years u Computer Literacy. Skont it-tabella murija hawn taħt l-ammont ta’ fondi li ġew investiti fis-settur tal-Primarja fil-litterizmu diġitali hu ta’ €261,822.39. Dawn l-affarijiet qegħdin jitqassmu fl-Iskejjel Primarji kollha tal-Istat f’Malta u Għawdex u qed jingħataw lill-kapijiet tal-Iskejjel biex jitqassmu fil-klassijiet. DQSE Deskrizzjoni Kwantità Total inkluż VAT - € 164/2015 BeeBots 310 22,079.69 164/2015 BeeBot Software - Site License 62 5,970.59 164/2015 Pro-Botix Site License 62 7,951.76 164/2015 Pro-Bots 310 39,758.80 164/2015 Lego MindStorms Robotics Kit 1 649.00 165/2015 Lego ducation WeDo Kits 622 73,058.38 165/2015 Lego WeDo Software Site License 70 21,234.81 166/2015 Lego StoryStarter 380 45,817.51 166/2015 StoryStarter Curriculum Software 380 45,301.85 261,822.39

Inizjattiva kontra l-obeżità

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kif sejra l-inizjattiva kontra l-obeżità li fiha ġew ingaġġati numru ta’ għalliema tal-PE?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li permezz taż-żieda fin-numru ta’ għalliema tal-PE mill-bidu ta’ din is-sena skolastika twettqu l-inizjattivi hawn taħt imsemmija bħala parti mill-kampanja tal-Gvern kontra l-obeżità u l-prevenzjoni tal-mard: 1. In-numru ta’ lezzjonijiet għal kull klassi Primarja fl-Iskejjel tal-Istat żdiedu minn waħda għal tnejn fil-ġimgħa 2. Tnieda proġett pilota fil-Kulleġġ San Benedittu u l-Kulleġġ t’Għawdex fejn sessjonijiet immexxija minn għalliema speċjalizzati tal-PE qed isiru fil-livell ta’ kindergarten ukoll 3. Qegħdin jiġu organizzati aktar festivals sportivi bejn skejjel differenti bl-għajnuna ta’ Sportmalta 4. L-għalliema tal-klassi fil-livell primarju qegħdin isegwu programm ta’ Edukazzjoni Fiżika b’temi kross kurrikulari. Dan qiegħed isir bl-assistenza tal-għalliema tal-PE.

Unit Għożża

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-Unit Għożża u kemm-il persuna ġew megħjuna b’dan is-servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Servizz Għożża huwa servizz fi ħdan id-Direttorat Għal Servizzi Edukattivi li joffri għajnuna u sapport lit-tfajliet minorenni, lill-partners u l-ġenituri tagħhom. Dan jintlaħaq permezz ta’diversi programmi li jinkludu: 1. Program speċifiku għat-tfajla tqila. 2. Grupp ta’ sapport li jiltaqa’ darba fil-ġimgħa għat-tfajla omm u t-tarbija. 3. Program ta’ appoġġ għall- ġenituri ta’ l- ommijiet u missirijiet żgħażagħ. 4. Programmi ta’ prevenzjoni għall-ġenituri fl-iskejjel sekondarji kemm ta’ l-Istat kif ukoll tal-Knisja u dawk Independenti 5. Programmi ta’ prevenzjoni għall-istudenti tal-Form 4. 6. Laqgħat ta’ Informazzjoni minn speċjalisti fil-qasam mediku, legali, edukattiv u soċjali. 7. Counselling għat-tfajla tqila/tfajla omm , il-partner u l-ġenituri tagħhom. Iktar informazzjoni u statistika ġewwa Servizz Għożża mis-sena 2014 ‘l hawn qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Programm ALP

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kif sejjer il-programm tal-Alternative Learning Programme (ALP) u x’tip ta’ taħriġ qed jingħataw din is-sena dawn iż-żgħażagħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’Jannar tal-2014 ingħata bidu għal Programm ġdid alternattiv vokazzjonali, hekk imsejjaħ il-Programm Alternattiv ta’ Tagħlim. Dan il-Programm kien intenzjonat li jilħaq lil dawk l-istudenti li sfortunatament kienu qed jintilfu fis-sistema. Ħafna minn dawn iż-żgħażagħ kienu orjentati għal Tagħlim Applikat (hands-on Learning Experience) aktar milli dak it-Tagħlim Formali Akkademiku. Dan il-Programm kien ukoll għal dawk l-istudenti fl-iskejjel Sekondarji li kienu diġà qed juru sinjal ta’ assenteiżmu u/jew ma kellhomx l-intenzjoni li joqogħdu għall-eżamijiet tal-Matsec. L-Għanijiet tal-ALP huma li · jipprovdi Edukazzjoni Vokazzjonali fil-Livell 1 u 2 ta’ Ċertifikazzjoni għal dawk l-istudenti li huma f’riskju li jħallu l-iskola mingħajr ebda kwalifiċi edukattivi; · Inħeġġu l-istudenti jkomplu l-istudji tagħhom fil-livell Post Sekondarju Vokazzjonali f’istituzzjonijiet bħal MCAST, Youth Ink u ITS. · ikabbar l-opportunitajiet ta’ xogħol għall-istudenti, speċjalment għal dawk li huma f’riskju akbar ta’ qgħad u faqar. Fis-sena skolastika kurrenti (2015-2016), l-ALP qed isir eklussivament fiċ-Ċentru ta’ Raħal Ġdid u għandu programm pjuttost dinamiku u movimentat, fejn jagħmel l-enfasi tiegħu fuq il-ħidma ta’ tagħlim hands-on. Kull student/a jieħu sett ta’ korsijiet li jinfirxu tul is-sena skolastika kollha. Dawn il-korsijiet jinkludu: · żewġ suġġetti vokazzjonali – minn għażla ta’ 21 suġġett. · suġġetti prinċipali – Matematika, l-Ingliż, il-Malti u l-Informatika (ICT) · suġġett oħra supplimentari Fis-Sena Skolastika fl-ALP, l-istudenti jkollhom diversi esperjenzi fl-eżerċizzju ta’ Xogħol bħala Esperjenza (Job Exposure), kif ukoll f’diversi korsijiet qosra oħra. L-għan ta’ dawn il-korsijiet huwa biex jgħinu fl-iżvilupp ta’ studenti għal futur personali tagħhom. L-ALP jipprovdi wkoll korsijiet għat-Tisħiħ u l-Iżvilupp Personali tal-istudenti. Bl-impenn ta’ kull edukatur, fl-ALP jidher li qed jintlaħaq l-għan tat-tfassil ta’ dan il-programm. Bla dubju numru ta’ studenti li kienu f’riskju li jiġu mitlufa, issa ngħataw opportunità.

Proġetti ta’ infrastruttura fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti ta' infrastruttura fl-iskejjel fl-2015? Jista’ jgħid kemm-il persuna se tgawdi minnhom u kemm kien l-investiment fihom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-nefqa kapitali fuq skejjel tal-istat matul l-2015 kienet ta' €18,058,263. F'dan ir-rigward inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta'proġetti li saru u n-numru ta' persuni li gawdew minn dawn il-proġetti ta' infrastruttura. Dawn in-numri huma skont il-popolazzjoni tal-istudenti u staff, tal-iskejjel u faċilitajiet rispettivi matul is-sena skolastika 2015/2016. Dawn huma faċilitajiet li sarilhom investiment kapitali li ser jibqgħu jintużaw fis-snin li ġejjin, għaldaqstant in-numru ta’ persuni li jgawdu minnhom fis-snin li ġejjin huwa akkumulattiv. Il-faċilitajiet edukattivi huma miftuħa wkoll sabiex jintużaw mill-komunitajiet rispettivi tal-lokal kif ukoll minn għaqdiet sportivi. Infurmat ukoll li l-iskejjel indipendenti u tal-knisja ingħataw għajnuna għall-proġetti tal-infrastruttura kif ġej: A) Assistenza per capita lill- Iskejjel Indipendenti fejn jidħlu Servizzi u Faċilitajiet neċessarji għall-Implimentazzjoni tar-Riformi Edukattivi - Biex Uliedna Jirnexxu Lkoll Din hija skema li għandha l-għan li tipprovdi assistenza per kapita lill-iskejjel Indipendenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi u faċilitajiet relatati ma’ xjenza, sport, apparat tat-teknoloġija tal-informazzjoni, żvilupp professjonali, fost oħrajn. Minn din l-iskema bbenefikaw tmintax (18)–il skola għal total ta’ €895,351.40. B) Għajnuna lill -iskejjel tal-Knisja u Indipendenti fuq spejjeż kapitali konnessi mal-Implimentazzjoni tar-Riformi Edukattivi - Biex Uliedna Jirnexxu Lkoll L-iskop ta’ din l-iskema, l-iskejjel tal-Knisja kif ukoll l-iskejjel Indipendenti jkunu jistgħu jingħataw għajnuna marbuta ma’ spejjeż kapitali. Minn din l-iskema bbenefikaw ħamsa u għoxrin (25) skola mill-iskejjel tal-Knisja u żewġ (2) skejjel Indipendenti b’total ta’ €636,507.89.

Nisa li daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm iktar nisa daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol f’dawn l-aħħar erba’ snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li ż-żieda fin-numru ta' nisa li daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol f'dawn l-aħħar erba' snin huwa kif ġej: Iż-żieda ta' nisa jaħdmu Settembru 2015 fuq Diċembru 2014 - 4,181 Diċembru 2014 fuq Diċembru 2013 - 4,741 Diċembru 2013 fuq Diċembru 2012 - 3,938

Persuni b’diżabilità li daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm iktar persuni b’diżabilità daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol f’dawn l-aħħar erba’ snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li ż-żieda fin-numru ta' persuni b'diżabilita' li daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol f'dawn l-aħħar erba' snin huwa kif ġej: Sena Numru ta' persuni b'diżabilita' li daħlu jaħdmu 2012 - 151 2013 - 147 2014 - 309 2015 - 543

Persuni ‘l fuq minn 50 sena li daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm iktar persuni ‘l fuq minn 50 sena daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol f’dawn l-aħħar erba’ snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li ż-żieda fin-numru ta' persuni 'l fuq minn 50 sena li daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol f'dawn l-aħħar erba' snin huwa kif ġej: Iż-żieda ta' persuni 'l fuq minn 50 sena li jaħdmu Settembru 2015 fuq Diċembru 2014 - 1,484 Diċembru 2014 fuq Diċembru 2013 - 1,808 Diċembru 2013 fuq Diċembru 2012 - 2,208

ETC – skemi ta’ taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fuq x’kienu l-iskemi ta’ taħriġ li ġew offruti mill-ETC f’dawn l-aħħar tliet snin, x’kien l-investiment marbut magħhom kif ukoll in-numru ta’ nies imħarrġa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eżamijiet tal-Università – għajnuna għall-persuni li jbatu mid-dyslexia

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’tip ta’ għajnuna tingħata lill-persuni li jbatu mid-dyslexia, awtiżmu u forom oħra ta’ diffikultajiet simili waqt l-eżamijiet tal-Università?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-arranġamenti li jingħataw għall-eżamijiet tal-Universita' huma differenti skont id-diżabilita' u skont is-severita' tad-diżabilita'. Id-dettalji jinstabu fid-dokument dwar l-arranġamenti għall-aċċess għall-Universita' li jinstab fuq is-sit http://www.um.edu.mt/_data/assets/pdf_file/0020/204419/accessbooklet2013.pdf u li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Bħalissa qed isir xogħol biex jiġi aġġornat id-dokument biex jirrifletti tibdiliet li jsiru minn żmien għal żmien skont tagħrif li jasal mir-riċerka xjentifika dwar l-aspetti relevanti tad-diżabilitajiet partikolari. Normalment, l-arranġament li jingħata għad-diżabilitajiet bħad-diżlessija u l-awtiżmu hu dak ta' 'extra time', jiġifieri l-istudenti jingħataw aktar ħin minn sħabhom. Ir-riċerka turi li dan huwa l-arranġament li dawn l-istudenti jsibu li huwa ta' l-aktar għajnuna. Arranġament ieħor ħu dak ta' venue separat fejn l-istudent jagħmel l-eżami f'post differenti minn sħabu. Pero' f'każijiet ta' diżlessija severa jista' jingħata wkoll l-użu tal-kompjuter, arranġament li jingħata wkoll għal studenti oħra, per eżempju dawk li jkollhom dyspraxia kif ukoll ta' software differenti. Importanti li ngħidu li t-talba għall-arranġamenti għall-aċċess li ssir tiġi studjata individwalment skont il-każ u allura anke l-ammont ta' ħin 'extra' li jingħata jista' jinbidel f'każijiet differenti.

Student Services

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fl-iStudent Services u kif dan is-servizz qed jitjieb permezz ta’ dawn in-nies?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2015 fid-Dipartiment Servizzi għall-Istudent ġew ingaġġati dawn il-practitioners ġodda li ġejjin: Social Workers - 7 Social Support Workers - 6 Clinical Psychologists - 2 Psychology Assistants - 2 Counsellors - 9 Trainee Councellors - 11 Career Advisors - 10 Trainee Career Advisors - 10 Għalliema tal-Autism Spectrum Support Team - 1 Għalliema tal-Anti- Substance Abuse Team - 2 Għalliema tal-Anti- BullyingTeam - 2 Għalliema taċ-Child Safety Service - 1 Għalliema tal-Career Guidance - 1 Għalliema li tagħti servizz ta' Psikoterapista - 1 Permezz ta' dawn il-practitioners ġodda li jaħdmu f'oqsma varji ssaħħew is-psycho-social teams fi ħdan il-Kulleġġi kollha biex ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar l-istudenti kollha, partikolarment dawk vulnerabbli li jkollhom bżonn xi tipi ta' sapport matul l-esperjenza edukattiva tagħhom fl-edukazzjoni obbligatorja.
Leg 12 PQ #24338 Sitting 372 2016-04-05 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Home Ownership Schemes

Question

Jista’ l-Prim Ministru jelenka ż-żoni jew postijiet fejn, bejn Awwissu 2015 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, id-Dipartiment tal-Artijiet ħallas lis-sidien oriġinali tal-plots tal-Home Ownership Schemes u jista’ jgħid kemm ħallas id-Dipartiment għal kull sena?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Awissu 2015 sal-lum, il-ħlas ta’ kumpens mogħti lis-sidien oriġinali tal-plots tal-Home Ownership Schemes huwa kif ġej: Lokalità Home Ownership Scheme Data Tal-Gazzetta tal-Gvern Valur tal-Art Interests Total Xagħra Gozo 19/08/2015 €35,092.60 €22,662.63 €57,755.23 Rabat Malta Plot A 24/09/2015 €240,000 €171,447 €411,447 Rabat Malta Plot B 24/09/2015 €60,000 €41,738 €101,738

Stipendji — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa fl-istipendji bejn l-2010 u l-2015? Fiex kienu jikkonsistu d-differenzi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa fl-istipendji bejn l-2010 u l-2014 kienet kif ġej: Year 2010 Stipends €14,700,639.04 Smart Cards 2010 - €6,339,885.04 University Level and Independent Institutions €467,388.45 Total for year €21,507,912.53 Year 2011 Stipends €14,801,374.20 Smart Cards 2011 - €6,680,296.63 University Level and Independent Institutions €451,491.36 Total for Year €21,933,162.19 Year 2012 Stipends €15,172,144.26 Smart Cards 2012 - €6,810,030.03 University Level and Independent Institutions €514,475.31 Total for Year €22,496,649.60 Year 2013 Stipends €15,553,042.95 Smart Cards 2013 - €6,727,020.27 University Level and Independent Institutions €583,021.04 Total for year €22,863,084.26 Year 2014 Stipends €16,747,029.11 Smart Cards 2014 - €2,559,175.80 One-time Grant 2014- 2015 €7,166,700.69 University Level and Independent Institutions €698,479.81 Total for year €27,171,385.41 Peress illi l-istipendji jinħadmu fuq sena akkademika, id-data għall-2015 tingħata f'seduta oħra. Id-differenzi fin-nefqa qegħdin spjegati fir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24340.