Jista’ l-Ministru jagħti statistika, sena b’sena, tal-kumpaniji li waqgħu lura fis-sottomissjonijiet tal-accounts, u li ilhom iktar minn tliet snin biex irrettifikaw il-pożizzjoni tagħhom u reġgħu bdew jissottomettu accounts b’mod regolari?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid minn dawk il-kumpaniji li waqgħu lura għal aktar minn sentejn biex jissottomettu l-accounts tagħhom, kemm hemm minnhom li qed juru profitti u għalhekk mhumiex f’riskju ta’ falliment? Kemm hemm minnhom li jistgħu jkunu f’riskju ta’ falliment? Dawk li jistgħu jkunu f’riskju ta’ falliment, f’liema data ssottomettew l-aħħar accounts tagħhom?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji li ssottomettew l-accounts ta’ sena u nofs jew sentejn f’daqqa, jew b’xi mod ieħor għal perjodi itwal, minflok sena b’sena mill-2008 ‘l hawn?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Qasam tal-Ambjent – proġetti ffinanzjati mill-Fondi Ewropej
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jsemmi xi proġetti fil-qasam tal-ambjent, li qed jiġu kkunsidrati biex ikunu ffinanzjati mill-Fondi Ewropej 2014-2020?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li s-settur ta’ l-ambjent se jkun qed jibbenefika minn madwar 200 miljun ewro b’mod dirett taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.
Fost il-miżuri jew proġetti li mistennija jsiru għall-ġid ta’ l-ambjent hemm :-
(1) Interventi biex tiġi mtejba s-sistema ta’ seperazzjoni w riċiklaġġ ta’ l-iskart;
(2) Infrastruttura sabiex jinħażen l-ilma tax-xita;
(3) Investiment fl-impjant tad-desalinazzjoni.
Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea – laqgħat tekniċi
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk l-impjegati f’Dar Malta, li se jkunu qed jippresiedu l-laqgħat tekniċi tal-Kunsill fi Brussell waqt il-Presidenza Maltija, humiex se jingħataw taħriġ?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-impjegati konċernati f’Dar Malta se jkunu qed jirċievu programmi ta’ taħriġ organizzati mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill Ewropew kif ukoll mill-Ecole Nationale d’Administration li rebħet it-tender għal dan il-għan. Qed ukoll isir taħriġ ieħor skont il-bżonn inkuż per eżempju taħriġ minn uffiċċjali tal-Parlament Ewropew, kif ukoll attachments qosra ta’ diversi uffiċċjali ma direttorati differenti tal-Kummissjoni Wwropea. Aktar kmieni s-sena l-ohra kien hemm taħriġ fil-lingwi, inkluz il-Franciż, u dan se jitkompla fix-xhur li gejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid x’laqgħat kellu dan l-aħħar f’Malta kif ukoll barra minn Malta, kemm hu jew is-Segretarju Parlamentari, bħala preparazzjoni għal meta Malta se jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li fix-xhur li għaddew saru bosta laqgħat bilaterali kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta bi preparazzjoni għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fl-2017. Filfatt saru fost l-oħrajn laqgħat ma delegazzjonijiet Taljani, Irlandiżi, Rumeni, Bulgari, Svediżi w Slovakki.
Fost l-affarijiet li ġew diskussi kien hemm il-Programm tal-ħidma tat-Trio kif ukoll il-preparamenti w l-prijoritajiet marbuta mal-Presidenza Maltija.
Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea – laqgħat u attivitajiet
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm laqgħat u attivitajiet oħra waqt il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll mal-European Economic and Social Committee, żewġ kumitati li fuqhom hemm rappreżentanti Maltin bħala membri?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li preżentament qed isiru taħditiet kemm mal-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll mal-European Economic and Social Committee biex isiru laqgħat konġunti għal waqt il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fl-2017. Qed isiru wkoll konsultazzjonijiet biex jintgħażlu numru ta’ temi li sussegwatament kemm il-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll il-European Social Commitee jkunu jistgħu jagħtu advisory opinions fuqhom lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħala preparazzjoni għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew fl-2017.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid x’ser jsir mill-għamara li kien hemm fis-sala tal-Parlament l-antik issa li dan qiegħed ji¿¿arma?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-għamara li kien hemm fis-sala tal-Parlament l-Antik ġiet mgħoddija lil Heritage Malta għall-preservazzjoni w azzjoni neċessarja skont il-policy tagħhom rigward heritage nazzjonali.
Fondi Ewropej 2014-2020 – flus allokati għall-NGOs
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk fil-programmi tal-Fondi Ewropej 2014-2020 hux se jkun hemm flus allokati għall-NGOs?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-sena li għaddiet harġu erba’ sejħiet għall-proġetti miftuħa għall-NGOs. Is-sejħiet ħarġu taħt l-Aslyum Migration and Integration Fund 2014/2020, darbtejn taħt l-Interreg Europe 2014-2020 w taħt l-Operational Programme II – Cohesion Policy 2014 2020 – Investing in the Human Capital to create more opportunities and promote the well-being of society.
Din is-sena ħarġet sejħa oħra għall-proġetti miftuħa għall-NGOs taħt l-Interreg 2014/2020. Din se tibqa’ miftuħa sat-13 ta’ Mejju 2016.
Ninsab infurmat wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ sejħa oħra għall-proġetti miftuħa għall-NGOs taħt l-Operational Programme I – Cohesion Policy 2014-2020 – Fostering a Competitive and Sustainable Economy to meet our challenges.
Jista' d-Deputat Prim Ministru jagħti update ta’ meta huma maħsuba li jkunu fis-suq skemi ġodda minn Fondi Ewropej li jinċentivaw l-użu ta’ pannelli fotovoltajiċi fid-djar? Kif se jkunu qed jaħdmu dawn?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li huwa previst li fil-programm ERDF 2014/2020 se jkun hemm skemi li jinċentivaw l-użu ta’ pannelli fotovoltajċi fid-djar. Ninsab infurmat wkoll li bħalissa hemm applikazzjoni li qed tiġi evalwata.
Fondi Ewropej – skemi ta’ sussidji għal min għandu għelieqi
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk bdewx ħerġin skemi ta’ sussidji minn Fondi Ewropej għal dawk li għandhom l-għelieqi?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali fi ħdan dan il-Ministeru ħarġet erba’ sejħiet għall-applikazzjoni taħt il-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014/2020 indirizzati għal dawk li għandhom l-għelieqi. Fost l-għanijiet ta’ dawn is-sejħiet hemm:
a) il-kontroll tal-ħaxix ħażin f’egħlieqi tas-siġar tal-frott u l-vinji b’metodi mekkaniċi, minflok kimiċi;
b) Il-protezzjoni, manuntezjoni w tisħiħ tas-siġar indiġeni Maltin;
c) Il-prevenzjoni tal-abbandun ta’ l-art agrikola.
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk hemmx skemi ppjanati minn Fondi Ewropej li jinċentivaw il-biedja organika?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali fi ħdan dan il-Ministeru inkludiet miżura fil-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014/2020 biex tgħin u tħeġġeġ lill-bdiewa jadottaw sistema ta’ biedja organika. Din il-miżura tinkludi għajnuna lill-bdiewa fil-fażi ta’ konverżjoni għall-prattiċi organiċi kif wkoll għall-manuntezjoni ta’ dawn il-prattiċi fis-snin ta’ wara li ssir il-konverżjoni.
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid x’inhuma l-prijoritajiet ewlenin li fuqhom huwa bba¿at il-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-prijoritajiet tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014/2020 jindirizzaw l-oqsma tal-ilma, skart u l-enerġija, l-prodott ta’ kwalità Malti, is-sostenibilità tas-settur tal-bhejjem, il-pajsaġġ u l-ambjent kif ukoll l-ekonomija rurali w kwalità ta’ ħajja aħjar. Dawn se jiġu indirizzati peremezz ta’ 12–il miżura li jvarjaw minn miżuri agro ambjentali, investimenti għall-bdiewa u r-raħħala u investimenti oħra ċentrali, żieda fil-biedja organika, titjieb fil-kwalità ta prodott Malti u kif ukoll titjieb fiż-żoni rurali permezz tal-miżura LEADER.
Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea – impjegati taċ-ċivil
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-impjegati taċ-ċivil jingħataw opportunità biex ikunu nvoluti fix-xogħol tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea 2017?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-impjegati taċ-ċivil se jingħataw opportunità biex inkunu nvoluti fix-xogħol tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fl-2017. Għal dan il-għan ħarġet sejħa għall-applikazzjoniet fi Frar ta’ din is-sena indirizzata kemm għall-public officers kif ukoll għall-impjegati li qegħdin jaħdmu fis-Settur Pubbliku.
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat u jekk hux qed isir xi tip ta’ taħriġ għall-Ministri li se jkunu qed jattendu l-laqgħat tal-Ministri matul il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li sa mill-bidu ta’ din is-sena, ġew organizzati briefings u coaching sessions individwali għal kull Ministru. Dawn il-briefings u coaching sessions saru minn membri tas-Segretarjat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. F’dawn it-tip ta’ laqgħat jingħata taħriġ kemm fuq l-aspetti prattiċi tal-ħidma tal-Presidenza fil-Kunsill tal-Ministri kif ukoll fuq is-suġġetti w l-issues fil-qasam tal-Ministru konċernat.
Ninsab infurmat wkoll li l-Ministri se jkunu qed jingħataw ukoll taħriġ relatat mal-media. Dan huwa kors ta’ taħriġ li se jingħata mis-Segretarjat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea – strateġija ta’ komunikazzjoni
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija ta’ komunikazzjoni li qed tiġi ppjanata sabiex il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea tkun suċċess u tkun miftehma minn kulħadd?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li beda x-xogħol marbut mat-tfassil u l-implimentazzjoni tas-strateġija ta’ komunikazzjoni relatat mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew fl-2017. Huwa mistenni li din l-istrateġija tiġi varata fit-tieni nofs tal-2016. Huwa maħsub li jsir xogħol kemm mal-midja lokali kif ukoll ma' dik internazzjonali biex jitwassal il-messaġġ bl-aħjar mod possibli. Primarjament, din l-istrateġija se tkun marbuta direttament mal-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija fosthom il-Mediterran, l-Immigrazzjoni w il-Qasam Marittimu.
Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea – kampanja ta’ informazzjoni lill-pubbliku
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk hemmx ippjanati kampanji ta’ informazzjoni li jispjegaw liċ-ċittadini l-irwol ta’ pajjiżna matul is-sitt xhur tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li se jsiru kampanji ta’ informazzjoni indirizzati lejn il-pubbliku sabiex jiġu spjegati l-irwol u l-obbligi li se jkollha Malta meta tkun fit-tmun tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fl-2017.
Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea – użu ta’ studenti tal-Università
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk hux se jkun qed jagħmel użu mis-servizzi tal-istudenti tal-Università matul is-sitt xhur tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-istudenti tal-Università se jkunu jistgħu jagħtu s-servizzi tagħhom bħala liaison officers matul il-perjodu tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fl-2017. Filfatt ħarġet sejħa għall-applikazjonijiet f’dan is-sens. L-applikazzjoni għalqet fil-15 t’April.