Legislature:
Category:
Reset
Active:

Flag State – spetturi – spezzjonijiet fuq vapuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn spetturi tal- Flag State madwar id-dinja fuq vapuri reġistrati Malta matul is-sena 2015? Kemm minn dawn il-vapuri nżammu għax ma kenux skont l-istandard mitlub?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2015, saru 712-il spezzjoni fuq vapuri li huma reġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili madwar id- dinja. Minn dawn kien hemm 30 vapur li ma tħallewx joperaw sakemm ma ttieħdu l-passi neċessarji mill-operaturi.

Emenda fil-Liġi biex jirregola l-użu ta’ annimali fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ emenda fil-liġi biex tirregola l-użu ta’ annimali fit-toroq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi r-Regolamenti dwar l-Użu fit-Triq ta’ Bhejjem u Vetturi Miġbuda minn Bhima huma fis-seħħ u qed ikunu implimentati. Fir-rigward tal-proċess tal-liċenzjar, twettaq xogħol ta’ preparazzjoni b’koordinazzjoni mad-Dipartimenti tas-Servizzi Veterinarji u mal-Veterinarian Surgeons’ Council, kif ukoll saru diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni u informazzjoni mas-settur; u f’Ġunju li għadda l-Awtorità bdiet tilqa’ l-applikazzjonijiet għad-diversi tipi ta’ Liċenzji ta’ vetturi u bhejjem, kif ukoll ta’ Liċenzji tas-Sewqan skont kif provdut f’dawn ir-regolamenti. S’issa l-Awtorità rċeviet numru ta’ applikazzjonijiet kif ġej: · 181 applikazzjoni għal-Liċenzji ta’ vetturi miġbuda minn bhima għal użu privat (srieken u xarretti); · 20 applikazzjoni għal-Liċenzji ta’ bhejjem ta’ rkib bis-sarġ; · 248 applikazzjoni għal-Liċenzji tas-sewqan ta’ bhejjem u vetturi miġbuda minn bhejjem.

Ajruplani reġistrati — statistika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati ajruplani matul is-sena 2015? Jista’ jagħti l-istess statistika għas-sena 2013 u 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru t’ajruplani li ġew reġistrati matul is-snin 2013, 2014 u 2015 huwa kif muri hawn taħt: Sena Ajruplani reġistrati 2013 35 2014 48 2015 61

Pjazza tat-Tritoni – tender għall-pavimentar

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk sa Marzu 2013 kienx inħareġ tender għall-pavimentar tal-Pjazza tat-Tritoni u jekk kienx ġie aġġudikat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2012 kienet ħarget tender riferenza GHRC BT2-2012 BT Phase 2 Hard and Soft Landscaping Works. Din it-tender ma ġietx mgħotija minħabba limitazzjoni ta’ budget. Barra minn hekk ma kien hemm ebda pjan lest biex il-pjazza tkun rilaxxata mill-vetturi tat-trasport pubbliku biex seta jsir ix-xogħol.

Foss fid-Daħla tal-Belt Valletta — tisbiħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm huwa maħsub li se jiswa t-tisbiħ tal-Foss fid-daħla tal-Belt Valletta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ tisbih tal-Foss fid-daħla tal-Belt Valletta mistenni jiġi jiswa madwar €3 miljuni.

Ċentru tal-Baħħara — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm sewa l-proġett taċ-Ċentru tal-Baħħara fil-binja biswit ta' Liesse?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett mistenni jiġi jiswa’ €300,000 ( vat eskluż ). Infurmat ukoll li għad irid jiġi nstallat il-lift li huwa nkluż fl-ispiża imsemmija.

Strateġija Nazzjonali tat-Trasport — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ewwel miżuri li hemm il-ħsieb li jiġu attwati hekk kif l-Istrateġija Nazzjonali tat-Trasport u l-Master Plan jiġu finalizzati minn Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-National Transport Strategy 2050 u l-abbozz tat-Transport Master Plan 2025 qegħdin pre¿entament jiġu ppubblikati bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fuq l-Strategic Environmental Assessment (SEA). Din hija l-ewwel darba li għandna quddiemna pjan komprensiv, b’miżuri fattibbli li ġew ippre¿entati għall-konsultazzjoni pubblika, pjan li jservi ta’ gwida għall-politika nazzjonali fuq it-trasport aktar fit-tul, u biex deċiżjonijiet f’dan ir-rigward jistgħu jittieħdu b’mod koerenti u fil-kuntest ta’ strateġija aktar wiesa’ u studjata. Transport Malta ħolqot national transport model, li hija sistema ta’ computer simulation li tħares lejn il-futur biex inkunu nistgħu nidentifikaw il-problemi li se niltaqgħu magħhom fil-futur, b’hekk inkunu nistgħu nippreparaw għalihom jew aħjar minn hekk, nevitawhom. Minn din ir-riċerka ħloqna 2 dokumenti li se jkunu l-mudell għat-trasport għat-30 sena li ġejjin, għax se jiggwidawna f’kull deċiżjoni relatata mat-trasport li tittieħed fil-futur. In-National Transport Strategy u l-Master Plan fasslu l-istampa ċara biex tingħata direzzjoni dwar kif it-trasport se jkun esperjenza aħjar mil-lum sas-sena 2050. Qatt ma kien hawn pjan ta’ dan il-kalibru. Transport Malta analizzat is-sitwazzjoni: · 66% tal-vetturi kollha fl-2013 – kellhom iżjed minn 10 snin. · 4% biss kellhom inqas minn sentejn. · Pajji¿na huwa fost l-aktar pajjiżi b’densita għolja fid-dinja · 93% tal-popolazzjoni qatt ma saqet rota Il-problema tal-peak hija waħda maġġuri għax qed tpoġġi pressjoni tremenda fuq kemm tiflaħ l-infrastruttura e¿istenti. 10% tal-vjaġġi li jsiru fil-peak hours jinvolvu l-Belt jew Floriana. Dan jissarraf fi 30,000 persuna għaddejjin minn dawn il-lokalitajiet fil-peak hours biss. Bħala medja, kull sewwieq, jagħmel medja ta’ tliet vjaġġi jew aktar kuljum. Il-konġestjoni tat-traffiku se tiswa lil pajjiżna 1.28 biljun ewro kull sena fl-2050 – jekk ma nbiddlux il-policies eżistenti tat-trasport. Transport Malta tqis li din il-figura se tkun tfisser 8.2% tal-Prodott Gross Domestiku. In-National Transport Strategy identifikat għadd ta’ nuqqasijiet li saru fil-passat f’dak li huwa ippjanar għal quddiem u nuqqas ta’ pjan nazzjonali u ħolistiku. Fil-pajji¿ kien hawn nuqqas ta’ strateġija ħolistika dwar il-parkeġġ – il-provvista ta’ parkeġġ hija fil-parti l-kbira fit-toroq u ma te¿istix sistema komprensiva. Għalhekk is-sistema mhijiex irregolata. Iż-żieda fid-domanda għat-traffiku f’żoni residenzjali qed ikollha impatt negattiv fuq iċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku. Kien hemm toroq fejn minħabba l-parkeġġ, kellhom isiru one-way u allura jitwal il-vjaġġ. Dejjem qiegħda tiżdied il-pressjoni fuq l-infrastruttura eżistenti. Il-falliment minn Gvern preċedenti li jimmodernizza s-servizz tat-trasport pubbliku kkontribwixxa għal tnaqqis sinifikanti tal-patronaġġ minn 40 miljun passiġġier fl-1990 għal 31 miljun fl-2010. Matul dawn l-aħħar sentejn, kien hemm ħafna inizjattivi importanti, bħal car sharing u promotion tat-teleworking għas-settur pubbliku, sewwieqa li jistgħu jużaw il-priority lanes jekk ikunu car pooling u anke dawk li jużaw vetturi b’emissjonijiet baxxi jew tal-elettriku. F’dawk li huma mi¿uri medium-term, il-Gvern ħa diversi inizjattivi, fosthom saħħaħ it-trasport bil-baħar, ħa mi¿uri fejn ¿wiemel ma jibqgħux jinstaqu f’toroq arterjali u distributorji f’ħinijiet peak tal-ġurnata, u ffinalizza l-proġett MODUS, fejn saru priority lanes apposta biex il-karozzi tal-linja jingħataw prijorita u ma jinqabdux fit-traffiku u ħoloq diversi inċentivi lis-sewwieqa, fosthom li jkunu jistgħu jgħaddu mill-priority lanes meta jkunu qed iġorru iżjed minn passiġġier wieħed jew meta jagħmlu użu minn vetturi elettriċi. Barra minn hekk, tnieda r-Road Safety Strategy li l-prijorita’ tagħha hija s-sigurta’ fit-toroq tagħna. Dan l-istudju jiffoka kif se nnaqqsu l-inċidenti fit-toroq tagħna, inħarsu lejn kif ser intejbu l-infrastruttura tat-toroq arterjali u distributorji, nagħtu attenzjoni lis-sewwieqa żgħażagħ u sewwieqa tal-muturi, nindirizzaw l-atteġġjament illegali ta’ ċertu sewwieqa kif ukoll intejbu l-għarfien dwar kif isiru toroq iżjed siguri. Nidejna skema ex gratia li provdiet għall-għotja ta’ darba għall vetturi reġistrati u liċenzjati għall-użu personali bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2008, kif ukoll erġajna daħħalna skema għall-iskrappjar tal-vetturi qodma u li jħammġu. Permezz ta’ din l-iskema tajna għotja ta’ bejn 500 u 900 ewro għal kull vettura. Nedejna skema li tinċentiva x-xiri ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku u kwadriċikletti li jaħdmu bl-elettriku u fl-istess waqt jitnaqqas in-numru ta’ vetturi bil-mutur qodma mit-toroq. Inċentivajna l-użu tar-roti billi se jsiru bicycle racks li joffru alternattiva effiċjenti għal dawk li jaħdmu l-Belt Valletta kif ukoll raħħasna b’mod drastiku l-liċenzja ta’ muturi b’magna żgħira biex inħajru kemm jista’ jkun persuni jużawhom. Introduċejna kunċett ġdid għal pajjiżna, dak tat-Tidal Lane fi Vjal Sir Paul Boffa, Raħal Ġdid, li diġa’ qed iħalli r-riżultati mixtieqa u l-pjan huwa li dan il-kunċett jiġi implimentat ukoll f’lokailitajiet partikolari. Fuq bażi aktar long-term, dan il-Gvern ta prijorita lil għadd ta’ proġetti maġġuri, fosthom kompla u lesta Triq Diċembru Tlettax, beda u lesta Triq il-Kosta, beda l-proġett tal-Kappara u beda l-proċeduri biex kif jitlesta l-proġett tal-Kappara, jinbeda l-proġett tal-Addolorata Junction fil-Marsa. Il-Pjan Nazzjonali jidentifika numru ta’ miżuri konkreti li jridu jiġu implimentati fuq perjodu qasir, oħrajn fuq perjodu medju jew aktar fit-tul u li jkopru l-modi kollha ta’ trasport – kemm dak tal-art, tal-arju, marittimu u intermodali. Il-Pjan jidentifika wkoll numru ta’ proġetti varji li hemm bżonn jiġu implimentati li jinkludu interventi maġġuri f’toroq, investiment f’faċilitajiet portwali u studji ta’ proġetti iktar fit-tul bħalma huma l-link permanenti bejn Malta u Għawdex u sistema ta’ trasport tal-massa u veloċi. Il-pjan jinkorpora master plan għal Paceville, kif ukoll isejjaħ għall-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali dwar iċ-ċikliżmu. Dan huwa pjan maħsub ukoll biex jiġu introdotti aktar inċentivi fiskali biex tonqos l-eta medja tal-karozzi. Waħda mill-proposti hija l-introduzzjoni ta’ żoni b’emissjonijiet baxxi. L-aċċess għal dawn iż-żoni jkun regolat billi jew karozzi b’emissjonijiet għoljin ma jitħallewx jidħlu inkella jintalbu jħallsu jekk iridu jidħlu. Hemm impenn qawwi lejn Intelligent Transport Systems biex ikun hemm immaniġġjar aħjar tat-traffiku, sigurta’ u effiċjenza fuq rotot strateġiċi. Il-pjan għandu l-iskop ukoll li jippromwovi ċ-ċikliżmu mhux biss bħala passatemp imma bħala mezz alternattiv u mezz kredibbli. Tiżdied il-preżenza ta’ pulizija tat-traffiku, tiġi riveduta s-sistema tal-ispeed cameras, jiżdiedu road-side checks u testijiet tal-karozzi, u l-multi. Fl-aħħar mill-aħħar l-aktar soluzzjoni effettiva hija dik li nnaqqsu l-vetturi mit-toroq tagħna u għaldaqstant, il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli biex il-poplu jingħata servizz ta’ trasport pubbliku li jixraqlu, b’hekk iħajjar aktar nies biex jużawh, pjan li wkoll qed iħalli r-riżultati. Jista’ jkun li ċertu deċiżjonijiet, mhux kulħadd qabel magħhom, iżda jekk huma deċiżjonijiet li huma tajbin għall-pajjiż, il-Gvern kellu r-responsabbilta li jwettaqhom, abbażi ta’ dak li jkunu studjaw u fasslu l-esperti u b’kollaborazzjoni mas-sħab soċjali. Huwa importanti li l-pubbliku wkoll jagħmel il-parti tiegħu. Ladarba n-nies iħarsu lejn mezzi differenti ta’ trasport b'mod aktar pożittiv, ikunu qed jikkontribwixxu biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq kif ukoll fl-istess waqt ikunu qed jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja.

Transport Malta – Master Plan tat-Trasport – lista ta’ proġetti maġġuri

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ proġetti maġġuri li huma elenkati li jridu jsiru fil-Master Plan tat-Trasport li ġie mniedi minn Transport Malta u jindika liema minnhom mistennija jiġu ffinanzjati minn fondi Ewropej?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti li ġew identifikati għal ko-finanzjament taħt l-Operational Programme (2014-20) Priority Axis 7 u 11 huma elenkati fid-dettall fit-Transport Master Plan 2025 li qed tiġi ppubblikata bħala parti mill-Strategic Environmental Assessment (SEA).

Cruise Liners — żjarat

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika ta’ kemm cruise liners żaru Malta, sena b’sena, bejn l-2012 u l-2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija hekk kif ġej: Sena Cruise Liners Cruise Passengers 2011 318 557,585 2012 335 611,757 2013 297 484,183 2014 309 519,297 2015 324 678,270

Transport Malta – Taqsima tal-Infurzar — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fuq il-baħar mit-Taqsima tal-Infurzar ta’ Transport Malta matul ix-xhur tas-sajf? Jista’ jipprovdi statistika dwar kemm ġew spezzjonati opri tal-baħar matul dan il-perjodu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Taqsima tal-Infurzar Marittimu fi ħdan Transport Malta wettqet numru ta’ spezzjonijiet u ħidma t’infurzar li jinkludu patrols madwar il-kosta u fil-portijiet, skorta ta’ vapuri, spezzjonijiet u nfurzar fuq opri tal-baħar, koordinazzjoni ta’ port closures waqt attivitajiet nazzjonali, spezzjonijiet ta’ swimmers’ zones, kif ukoll ġiet provduta assistenza lil aġenziji u entitajiet oħra t’infurzar. Statistika marbuta ma’ din il-ħidma hija kif murija hawn taħt: Bċejjeċ tal-baħar spezzjonati 991 Bastimenti kummerċjali spezzjonati fil-Blue Lagoon 312 Numru ta’ bastimenti li għaddew mill-ispezzjoni 605 Numru ta’ kontravenzjonijiet maħruġa 386 Numru ta’ multi proċessati 145 Numru ta’ twissijiet 241 Saru wkoll total ta’ 160 spezzjoni mill-1 ta’ Mejju sal-aħħar ta’ Settembru mill-Port Inspectorate Unit. Dawn kienu jinkludu spezzjonijiet fuq każi ta’ sigurta’ u tniġġiż, offshore drills, u bastimenti kummerċjali. Matul is-sajf saru wkoll spezzjonijiet fuq 13-il operatur ta’ water sports u l-bċejjeċ tal-baħar reġistrati magħhom.

Malta Maritime Forum — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-Malta Maritime Forum matul din l-aħħar sena wara li ġie mwaqqaf lejn l-aħħar tas-sena 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Maritime Forum hija entità privata u għaldaqstant ma tistax tingħata informazzjoni f’dan ir-rigward. Madanakollu, inżid li Transport Malta tappoġġja bis-sħiħ il-ħidma tal-Malta Maritime Forum għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-industrija marittima f’Malta.

Att dwar il-Bastimenti Merkantili – bastimenti u tunnellaġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bastimenti u x’inhu t-tunnellaġġ totali reġistrat taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili? Kif jitqabbel dan mas-snin 2011 sal-2015, sena b’sena? Jista’ l-Ministru jgħid f’liema pożizzjoni jinsab ir-reġistru marittimu ta’ Malta ikkumparat ma’ dak ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa kif ukoll fuq livell internazzjonali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sal-aħħar t’Awwissu 2016, l-ammont ta’ bastimenti reġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili kien jammonta għal 7,656 b’tunnellaġġ gross ta’ 70,254, 701. Bejn l-2011 u l-2015 it-tunnellaġġ reġistrat taħt l-istess Att kien kif ġej: 2011 - 5,847 bastiment b’ tunnellaġġ gross ta’ 45,626,545 2012 - 5,956 bastiment b’ tunnellaġġ gross ta’ 45,626,387 2013 - 6,249 bastiment b’ tunnellaġġ gross ta’ 51,373,705 2014 - 6,667 bastiment b’ tunnellaġġ gross ta’ 57, 873,158 2015 - 7,249 bastiment b’ tunnellaġġ gross ta’ 66, 163,167 Ir-Reġistru tal-Bastimenti Merkantili ta’ Malta huwa l-akbar reġistru tal-bastimenti fl-Ewropa u s-sitt wieħed fuq livell internazzjonali.

Dipartiment tax-Xogħlijiet – manutenzjoni ta’ mollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-manutenzjoni f’mollijiet differenti li saret din is-sena permezz tal-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li mill-bidu tal-2016, is-Sezzjoni Marittima fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura wettqet dawn ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq mollijiet: · Rinforzar ta’ moll u ħajt li jżommu t-triq fil-Bajja tal-Kalkara · Xogħol ta’ rinfurzar fuq il-moll ta’ barra tal-istrutturi tas-Salini · Tiswija tal-pjattaforma tax- Chalet · Tiswija ta’ kaptelli li jifformaw parti mill-moll ta’ ġewwa tal-Bajja ta’Marsaskala

Il-Belt – Uffiċċju tar-Riabilitazzjoni — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’inhuma l-proġetti li l-uffiċċju tar-Riabilitazzjoni fil-lokalità tal-Belt Valletta, qed jaħdem fuqhom u oħrajn li qegħdin fil- pipeline? Jista’ jagħti wkoll dettalji dwar meta se jibdew jew jitlestew dawn l-interventi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li xogħol li sar min-naħa tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura kien hekk: Xogħlijiet għaddejjin: Monumenti ta’ ġol-Barrakka ta’ Fuq – 50% diġa kompluti Torri ta’ Wignacourt – restawr ġie konkluż riċentement. Xogħol kontinwu ta’ manutenzjoni ġewwa Pjazza San Ġorġ u ħdejn il-monument tal-Qanpiena tal-Assedju Strada Stretta – ġie konkluz riċentement xogħol ta’ pavimentar f’din it-Triq. Dalwaqt tiġi nstallata sistema ta’ dawl. Xogħlijiet li huma ppjanati: Koppla u Kuppletti tal-knisja ta’ Santu Wistin, Valletta – xogħol fuq il-kuppletti issa tlestew; xogħol fuq il-koppla għadu pendenti Funtana ta’ Wignacourt ġewwa Ġnien San Filippu, Floriana Funtana tat-Tritoni Triq Mikiel Anton Vassalli – restawr tal-pavimentar Triq it-Teżorerija – restawr tal-pavimentar Installazzjoni ta’ street furniture ġewwa Triq ir-Repubblika Riabilitazzjoni taz-zona taħt l-arkati ta’ Misraħ San Ġwann.

Kottonera – proġetti ta’ riabilitazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’proġetti għaddejjin u jekk hemmx pjan li fiż-żmien li ġej isiru xi proġetti oħra ta’ riabilitazzjoni fil-Kottonera?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej: Xogħlijiet għaddejjin: Knisja ta’ Santa Tereża, Bormla – restawr tal-faċċati esterni huma konklużi; installazzjoni ta’ dawl fuq il-faċċata għadu pendenti Knisja ta’ San Ġiljan, Isla – xogħol ta’ restawr fuq il-faċċati tal-knisja għadhom kif bdew Kjostru tal-Kunvent tad-Dumnikani, Birgu – xogħol konkluz riċentament Restawr tat-taraġ estern tal-Knisja ta’ San Lawrence, Birgu – xogħol konkluz riċentament Tisbiħ tal-faċċati esterni tal-Każin tal-Banda San Ġorġ Bormla – xogħol wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu Knisja Parrokkjali, l-Isla – restawr ta’ skultura li nstabet fuq il-pilastri tal-Knisja Knisja Parrokkjali, l-Isla – restawr tal-koppla. Xogħol għandu jibda ftit ġimgħat oħra Restawr tal-istatwa ta’ Sant Elijah, Bormla – xogħol wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu Kunvent tal-Kapuċċini – disinfestazzjoni tal-kor tal-injam - xogħol konkluz riċentament. Knisja Parrokkjali ta’ Bormla – restawr tal-Kaxxa Rizzi tal-injam ġewwa s-sagristija tal-knisja – xogħol għadu għaddej Xogħlijiet li huma ppjanati: Monument tal-Gwerra, Isla Restawr tan-Niċċa ta’ San Filippu, Birgu Restawr tal-faċċata tal-Kazin La Vincitrice, Isla Pavimentar taz-zona ta’ Bieb Sant’ Anna, Isla Kunvent tal-Kapuċċini – restawr tat-torri tal-arloġġ Restawr tal-faċċata tal-Każin Prince of Wales Own Restawr tal-lanterna tal-Knisja tal-Annunzjata, Birgu Restawr tal-kampnari tal-knisja ta’ San Lawrenz, Birgu Riabilitazzjoni u restawr ta’ Triq is-Sur, Isla Riabilitazzjoni taż-żona magħrufa bħala tas-Sirena, Isla Restawr tal-ħitan esterni ta’ Wied Għammieq, Kalkara Restawr tal-Knisja ta’ San Filippu, l-Isla Riabilitazzjoni tax-xatt tal-Kalkara – mill-bajja tar-Rinella sa taħt Bighi

Proġetti nazzjonali — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jelenka lista ta’ proġetti nazzjonali li għaddejjin bil-manutenzjoni tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tal-proġett ta’ Baċir Numru 1 f’ Bormla kif ukoll il-Foss tal-Imdina. Il-Grand Harbour Regeneration Corporation ingħatat r-responsabilita’ biex tieħu ħsieb il-manutenzzjoni, dwal, indafa u xogħolijiet oħra fil-Belt Valletta. Fost dawn hemm il-manutenzjoni tal-pjazzez bħal San Ġorġ, Kastilja u San Ġwann u areas residenżjali fejn ser jibda irranġar ta’ ċertu bankini u spazju miftuħ ieħor. Id-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttua fi ħdan Transport Malta qiegħed kontinwament għaddej bi programm ta’ manutenzjoni fuq it-toroq arterjali u distributorji li għalihom huwa responsabbli l-istess Direttorat. Il-programm ta’ manutenzjoni l-ħin kollu jiġi mibdul skont il-prioritajiet tal-pajjiż, fondi pubbliċi u l-proċess ta’ akwist tal-kuntratturi.

Strateġija Nazzjonali tat-Trasport – konsultazzjoni pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proċess li kien jinvolvi l-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali tat-Trasport (National Transport Strategy) u l-Master Plan, u x’inhu l-pass li jmiss wara li l-proċess ta’ konsultazzjoni jiġi konkluż?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-National Transport Strategy 2050 u l-abbozz tat-Transport Master Plan 2025 ġew maħruġa għall-konsultazzjoni pubblika fl-24 ta’Ġunju 2016 fejn saret konsultazzjoni wiesa’ ma’ stakeholders, korpi kostitwiti u soċjeta’ ċivili. Id-dokumenti tal-konsultazzjoni ġew ippubblikati fuq is-sit elettroniku ta’ Transport Malta kif ukoll fuq is-sit uffiċċjali tal-Gvern għall-konsultazzjonijiet pubbliċi. Intużaw ukoll il-mezzi tax-xandir sabiex jippromwovu din il-konsultazzjoni. Bejn Ġunju u Awwissu 2016 saru wkoll numru ta’ laqgħat ma’ diversi stakeholders li talbu iktar informazzjoni fuq il-kontenut tad-dokumentazzjoni. Dawn kienu jinkludu il-GRTU, Kamra tal-Periti, Chamber of Planners, Malta Insurance Association, il-Gozo Regional Committee u l-Imriehel Enterprise Zone Foundation. Minħabba l-interess qawwi li ntwera fuq dan is-suġġett, il-konsultazzjoni ġiet estiża sat-18 ta’ Awwissu 2016.

Strateġija Nazzjonali tat-Trasport – konsultazzjoni pubblika

Question

Għal dak li jirrigwarda l-Istrateġija Nazzjonali tat-Trasport u l-konsultazzjoni pubblika li saret reċentement, jista’ l-Ministru jgħid kemm intlaqgħu sottomissjonijiet bħala parti mill-proċess tal-istess konsultazzjoni pubblika? X’tibdil mistenni jiġi effetwat fl-istrateġija/Master Plan b’rizultat ta’ dawn is-sottomissjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ sottomissjonijiet b’riżultat tal-konsultazzjoni pubblika kien wieħed konsiderevoli. L-Awtorita’ rċeviet madwar 500 kumment u suġġerimenti minn entitajiet tal-Gvern, korpi kostitwiti, operaturi tat-trasport, akkademja u l-pubbliku in ġenerali. Dawn is-sottomissjonijiet ġew analizzati u konsolidati f’dokument maħruġ wara l-konsultazzjoni pubblika. B’riżultat ta’ dan il-proċess, numru ta’ tibdil minuri u inklużjonijiet ġodda ġew effetwati fuq it-Transport Master Plan 2025, li issa għandha tiġi ppubblikata bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li jirrigwarda l-Strategic Environmental Assessment.

San Ġwann – xogħol ta’ bini ta’ uffiċini għall-Kunsill Lokali, ġnien pubbliku u Klabb tal-Boċċi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-preparamenti dwar xogħlijiet f’San Ġwann għal bini ta’ uffiċini għall-Kunsill Lokali, ġnien pubbliku u l-Klabb tal-Boċċi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproċessa l-applikazzjoni għall-permess.

Dipartiment tax-Xogħlijiet – xogħlijiet f’żoni turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi xogħlijiet mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’żoni turistiċi matul din l-aħħar sena. Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti rendikont ta’ dawn ix-xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.