Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #26970 Sitting 442 2016-10-31 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ix-Xewkija – Xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jelabora dwar xogħol infrastrutturali li sar fix-Xewkija minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sal-lum fix-Xewkija saru diversi xogħlijiet li jinkludu: · Asfaltar ta’ diversi toroq fosthom Triq tal-Ħniena, Triq San Bert, Triq San Zakkarija, Triq Torri Tinghi, Triq Sant’Andrija, Triq tal-Gruwa, parti minn Triq San Leonardu, parti minn Triq il-Mitħna, parti minn Triq Kav. Lorenzo ¯ammit Haber. · Asfaltar ta’ xi toroq fiż-Żona Industrijali. · Fi Triq Santa Katerina, ġie restawrat fond li kien abbandunat. Dan inbidel f’uffiċcji u sala tal-wirjiet. Nbniet ukoll pjazzetta li ġiet imżejna b’funtana, pjanti u bankijiet biex b’hekk ħloqna spazju arjuż għar-residenti. · Twaħħlu fanali ġodda fi Triq Widnet il-Baħar. · Ġiet inawgurata sistema ġdida ta’ floodlights madwar ir-Rotunda. Il-floodlights li ntu¿aw huma ferm aktar effiċjenti mill-qodma u jemettu inqas tniġġiż. Il-cables tajbin eżistenti tħallew f’posthom, filwaqt li dawk maħruqin nbidlu. · Flimkien mal-kunsill lokali ġiet immodernizzata l- public convenience li tinsab fi Pjazza San Ġwann Battista. Din ġiet ukoll attrezzata b’lift biex tkun aċċessibli għal kulħadd.
Leg 12 PQ #26971 Sitting 442 2016-10-31 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Triq li minn Victoria twassal sas-Sannat — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar ix-xogħol li se jsir fit-triq li minn Victoria twassal għas-Sannat, Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddejjin bix-xogħlijiet fi Triq Sannat. Qed jiġu installati mejns ġodda ta' l-ilma second class għat-tisqija, hard shoulders tal-concrete u xogħol ta' asfaltar fi Triq Sannat. Ser jitkompla wkoll x-xogħol fi Triq Ta' Ċenċ. B'hekk t-toroq prinċipali ġewwa Sannat ser ikunu asfaltati mill-ġdid.
Leg 12 PQ #26972 Sitting 442 2016-10-31 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għajnuna lill-istudenti Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jelabora dwar l-għajnuna li ta l-istess Ministeru lil studenti Għawdxin f’Malta minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #27472 Sitting 442 2016-10-31 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skema tal-ħwienet — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għall-iskema tal-ħwienet u kemm ġew konklużi kuntratti ma’ applikanti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din l-Iskema tal-Ħwienet intlaqgħu 107 applikazzjoni. S’issa ġew konkluża 4 kuntratti ta’ għoti ta’ ċens u 6 oħra ngħataw appuntament għall-kuntratt fil-ġranet li ġejjin. Il-kumplament tal-applikazzjonijiet qegħdin jinħadmu u l-proċess miexi sew billi qegħdin isiru l-verifiki tad-dokumenti li ntbagħtu, spezzjonijiet tal-ħwienet, tħejjija ta’ pjanti u anke jinġabru xi arretrati dovuti fuq dawn il-ħwienet qabel ma jintbagħtu għall-kuntratt.
Leg 12 PQ #26962 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Victoria – Triq Borg Olivier — Qorti Ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-pjanijiet għall-Qorti ġdida fi Triq Borg Olivier, Victoria, Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li wara ħafna xogħol inħargu l-permessi kollha neċessarji mill-Awtorita’ ta' l-Ippjanar. Bħalissa għaddej ix-xogħol biex jinħarġu s-sejħiet għall-offerti għat-taħmil u bini ta' parkeġġ li ser ikun jesa’ madwar 450 karozza. Din il-faċilita’ ser sservi biex tiġi eliminata l-problema ta' parkeġġ ġewwa r-Rabat.
Leg 12 PQ #26963 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Victoria – Triq Fortunato Mizzi – Mużew t’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-prospetti għall-Mużew t’Għawdex fi Triq Fortunato Mizzi, Victoria, Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett jikkonsisti fit-twettiq ta’ mużew reġjonali għal Għawdex li, għall-ewwel darba, ser jgħaqqad diversi suġġetti flimkien, fosthom l-arkeoloġija, il-folklor, l-istorja naturali u l-arti viżiva f’esperjenza ġdida u unika għal kull min iżuru. Dan l-proġett innovattiv, li ser ikun proġett ewlieni fil-qasam turistiku u kulturali f’Għawdex fis-snin li ġejjin qed jiġi mwettaq b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta. Irwol ġdid li ser ikollu dan il-mużew hu l-edukazzjoni tal-istudenti li jitgħallmu jagħrfu, jirrispettaw u jħobbu l-wirt imprezzabli ta’ pajjiżhom.
Leg 12 PQ #26964 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex u Belt Valletta – fast ferry service — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett ta’ fast ferry service bejn Għawdex u l-Belt Valletta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin minn proċess biex invaraw il-fast ferry service fix-xhur li ġejjin.
Leg 12 PQ #26965 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Qasam turistiku f’Għawdex — records

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar ir-records li qed jiġu rreġistrati fil-qasam turistiku f’Għawdex? Jista’ jipparaguna dan mas-sena 2012?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella li turi n-numru ta’turisti bejn l-2012 u l-2015, u żewġ tabelli oħra li juru n-numru ta’ turisti barranin u ljieli fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena meta pparagonat mal-istess perijodu f’dawn l-aħħar erba’ snin. Dan juri li matul l-2015 kien hemm żieda fit-turisti barranin ta’ 8.6% meta pparagonat mal-2014, u żieda ta’ 23.1% meta pparagonat mal-2012. Din it-tabella turi wkoll li ż-żieda l-iktar konsistenti kienet f’dawk in-nies li joqogħdu iktar minn lejl wieħed f’Għawdex. Iż-żieda fit-turisti barranin fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena meta pparagonata mal-istess perijodu fl-2012 kienet ta’ 60.4%. Iż-żieda fin-numru ta’ ljieli fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena meta pparagonata mal-istess perijodu fl-2012 kienet ta’ 43.6%.
Leg 12 PQ #26966 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – proġett taċ-Ċittadella

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett taċ-Ċittadella u kif dan issa huwa ġawhra f’nofs il-gżira Għawdxija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea intitolat ‘Implimentazzjoni tal-proġett tal-Master Plan taċ-Ċittadella’ ERDF 246 ġie inawgurat mill-Onorevoli Prim Ministru fl-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Kif qal tajjeb l-Onorevoli Interpellant, permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet iċ-Ċittadella issa hija ġawhra f’nofs il-gżira ta’ Għawdex u dan jixdhuh il-kummenti sbieħ fuq il-media soċjali dwar ix-xogħlijiet imwettqa u l-eluf ta’ turisti li ta’ kuljum iżuru liċ-Ċittadella. Filfatt mill-inawgurazzjoni ‘l hawn, jiġifieri f’dawn l-aħħar tliet xhur u nofs, mitt elf persuna żaru ċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella. Dan l-aħħar iċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella deher b’mod prominenti fl-AV Magazine, rivista ippubblikata f’Londra li titratta dwar l-aħħar żviluppi fil-qasam tat-teknoloġija tas-sistemi awdjo viżivi. Din is-sena l-istess Ċentru u l-Perit li ddisinnjah Martin Xuereb, ingħataw wkoll żewġ unuri mill-Malta Architect Awards. Dawn l-unuri, wieħed għar-riabilitazzjoni u konservazzjoni ta’ post storiku u l-ieħor għall-binja pubblika, jirrikonoxxu l-aqwa disinni arkitettoriċi f’Malta bil-għan li jispiraw u jinfluenzaw l-istakeholders ewlenin tal-industrija fil-gżejjer Maltin biex joħolqu strutturi li jsebbħu u mhux iħassru l-ambjent li jinsabu fih. Naturalment iċ-Ċittadella hija sit kbir u miftuħ u teħtieġ xogħol u manutenzjoni kontinwa li l-Ministeru għal Għawdex ser jibqa’ jwettaq skont il-ħtieġa.
Leg 12 PQ #26967 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Victoria – proġett ta’ Pixxina

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett tal-pixxina fil-Belt Victoria?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex permezz tal-Privatisation Unit ħareġ Request for Proposal. Din ġiet aġġudikata u bħalissa qed jiġi mfassal il-Memorandum of Understanding.
Leg 12 PQ #26956 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – kilometri ta’ toroq asfaltati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra bl-ammont ta’ kilometri ta’ toroq li ġew asfaltati f’Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża? Jista’ jipparaguna dawn il-kilometri mal-aħħar ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ kilometri ta’ toroq li ġew asfaltati minn Marzu 2013 sal-lum kienet ta’ kważi 21 kilometri. Dan huwa numru konsiderevoli ta’ kilometri asfaltati meta paragunati mal-aħħar ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista. L-spiża f’dawn l-aħħar tlett snin kienet ta’ kważi €9 miljuni. Mentri fl-aħħar ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista kienu intefqu biss madwar €7 miljuni.
Leg 12 PQ #26957 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Għajnsielem – Elderly Home – andament tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar l-andament tax-xogħol fis-sit fejn qed tinbena l-Elderly Home f’Għajnsielem, Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li wara li tlesta x-xogħol tat-twaqqiegħ u taħmil f’Dar San Ġużepp ingħata bidu għax-xogħol ta' bini fl-istess sit. Ix-xogħol f’dan is-sit miexi b’ritmu tajjeb ħafna u sa issa tlesta x-xogħol fuq il-parkeġġ taħt l-art, restaurant u faċilitajiet anċillari kif ukoll nbeda x-xogħol ta' bini fuq l-ewwel sular li jinkludi kmamar għar-residenti u reception area.
Leg 12 PQ #26958 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Għajnsielem – pjazza prinċipali — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett li qed isir fil-pjazza prinċipali t’Għajnsielem?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-pjazza prinċipali t’Għajnsielem kien jinkludi diversi xogħlijiet estensivi, fosthom it-tiswija ta’ ħsarat ikkawżati minn l-għeruq tas-siġar. Ingħata l-konkos fil-post u nbnew ħitan tal-ġebel bħala lqugħ għall-għeruq tal-Ficus Nitida. Tħawlu siġar ġodda fil-ġnien tal-parroċċa u ġew ukoll rilokati erba’ (4) siġriet, reġgħu ġew mibnija mill-ġdid il-pedamenti tal-pjazza biex jingħata l-konkos, u nbena ġibjun ta’ tletin (30) metru kubu biex jilqa’ l-ilma tax-xita mill-bejt tal-knisja parrokkjali. Inbnew ukoll rampi u turġien għal aktar aċċessibbiltà u ġie allokat spazju fejn jistgħu jieqfu l-vetturi ( lay-by ). Il-proġett ħaseb ukoll għal trinek għas-servizzi, bħal irrigazzjoni, dawl u tiżjin tal-festa.
Leg 12 PQ #26959 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ix-Xagħra – pjazza prinċipali — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett li qed isir fil-pjazza prinċipali tax-Xagħra, ċjoè Misraħ il-Vittorja u 8th September Avenue?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li sar xogħol ta' bini mill-ġdid ta' Triq 8 ta' Settembru u tisbiħ estensiv ta' pjazza Vittorja. Dan ix-xogħol kien jinkludi bdil ta' mejns, xogħol gdid ta' pavimentar, tqegħid ta' porfido u asfalt kulur t-terrakotta. Ix-xogħol tlesta fl-intier tiegħu.
Leg 12 PQ #26960 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Victoria – Pjazza San Franġisk — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett li qed jitwettaq minn dan il-Gvern fi Pjazza San Franġisk, Victoria, Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-proġett tat-taraġ ta' pjazza San Franġisk tlestew il-piles u bħalissa l-proġett qiegħed fil-fażi ta’ kostruzzjoni tal-pjan terran liema livell ser jinkorpora Tourist information office, kif ukoll aċċess għal lift li ser jopera bejn Triq Salvatore Psaila u Pjazza San Franġisk.
Leg 12 PQ #26961 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Victoria – Toroq – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar ix-xogħol infrastrutturali li sar jew qiegħed isir f’diversi toroq tal-Belt Victoria, partikolarment fit-toroq Gedrin, Dawwara, Għajn Qatet, Vajringa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddej xogħol estensiv ta' asfaltar u bini mill-ġdid ta' toroq prinċipali ġewwa r-Rabat. Uħud minn dawn it-toroq huma Triq Vajrinġa, Triq Għajn Qatet, Triq Għedrin, Triq Sant Ursola u Triq it-Tomba. Dawn it-toroq kienu jinsabu fi stat ħażin ħafna.

Żieda fil-kontenituri tal-Iskart fit-toroq arterjali u distributorji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li matul din is-sena jiżdiedu l-kontenituri tal-iskart fit-toroq arterjali u distributorji ? Hemm xi ħsieb li żoni turistiċi jibbenefikaw minn għajnuna f’dan ir-rigward?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena diġa’ żdiedu madwar 50 kontenitur tal-iskart fit-toroq ta’ pajjiżna. Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun hemm żieda ta’ 200 kontenitur li ser jitpoġġew f’żoni fejn għad hemm nuqqas ta’ kontenituri, kif ukoll ser jiżdiedu l-kontenituri f’diversi żoni turistiċi.

Dipartiment tal-Cleansing – skart miġbur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabar skart (tunnellati) mid-Dipartiment tal-Cleansing li kien mormi b’mod illegali, fl-inħawi taż-Żonqor f’Wied il-Għajn fl-2015 u fl-2016 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2015 tneħħew 25 tunellata ta’ skart. Matul din is-sena sal-lum tneħħew 11- il tunellata ta’ skart. Proprju bħalissa hemm bżonn ta’ tindifa ġenerali oħra fil-post imsemmi.

Liċenzji tas-Sewqan – persuni li resqu għall-eżami

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ressqu għall-eżami tal-liċenzja tas-sewqan bejn l-2008 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu rġiel u kemm kienu nisa, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm għaddew, sena b’sena b’mod separat? Kemm weħlu, sena b’sena b’mod separat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċitazzjonijiet mhux imħallsa – liċenzi ta’ vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kellhom ċitazzjonijiet mhux imħallsa u li l-liċenzja tal-vetturi tagħhom ma ġietx imġedda bejn l-2008 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġbir ta’ informazzjoni sabiex titwieġeb din il-Mistoqsija jirrekjedi ammont ta’ ħin u riżorsi. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku fuq liema informazzjoni għandu bżonn ħalli nkun nista’ ngħaddihielu.