Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ scholarships li ngħataw mill-Ministeru tiegħu mill-bidu ta’ din is-sena? Kemm kienu l-persuni li bbenefikaw minn dawn l-ischolarships u x’kienu l-oqsma li fihom ingħataw l-ischolarships?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’Jannar sat-30 ta’ Settembru 2016, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta boroż ta’ studju fl-oqsma li ġejjin: · student – Il-Kulleġġ ta’ Bruges (MA fl-Istudji fuq Politika u Amministrazzjoni Ewropea); · student – L-Akkademja għall-Istudji Diplomatiċi tal-Mediterran fl-Università ta’ Malta (Masters fl-Istudji Diplomatiċi) · 3 studenti – L-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima fl-Università ta’ Malta (Masters fil-Liġi Marittima) · 7 uffiċjali mis-Servizz Pubbliku ingħataw kors ta’ġimgħa f’Singapore biex ikabbru l-għarfien tagħhom fil-qasam tax-xogħol li jaħdmu fih. Il korsijiet kienu jikkonsistu f’dawn li ġejjin: - Is-Sistemi ta’riżoluzzjoni ta’ konflitt; - L-iŻvilupp Sostenibbli u l-Immaniġġjar tal-ambjent; - Il-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO) u l-implimentazzjoni tagħhom - L-Amministrazzjoni fis-Servizz Pubbliku u Immaniggjar tal-Finanzi; - Permessi fit-tkabbir tas-settur privat; - It-trasformazzjoni tal-Edukazzjoni fis-seklu 21; u - Strateġiji effettivi fis-servizzi elettroniċi tal-Gvern.

Missjoni ta’ osservanza elettorali – sehem ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm-il missjoni ta’ osservanza elettorali ħadet sehem Malta minn Jannar 2016 sad-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija? Fejn saru dawn l-elezzjonijiet u kemm-il osservatur kellha Malta f’kull okkażjoni?

Response (VELLA, GEORGE)

Minn Jannar tal-2016 sal-lum Malta ipparteċipat f'sitt missjonijiet ta' osservanza elettorali permezz ta' 13-il osservatur kif spjegat hawn taħt: Data tal-Elezzjoni Pajjiż Numru ta' osservaturi Maltin 10 ta' Jannar Haiti 3 Osservaturi short-term 18 ta' Frar L-Uganda Osservatur long-term , 2 short-term 4 ta' Ġunju Il-Peru Osservatur long-term 11 ta' Awwissu Iż-Żambja 2 Osservaturi short-term 27 ta' Awwissu Il-Gabon Osservatur short-term 20 ta' Settembru Il-Ġordan Osservatur long-term u 2 short-term

Ħatra ta’ konsli ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħatru konsli ġodda mill-bidu tas-sena? F’liema reġjuni għandhom ġurisdizzjoni dawn il-konsli?

Response (VELLA, GEORGE)

Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Ottubru 2016 ġew appuntati 8 konsli onorarji. Il-pajjiżi u l-ġurisdizzjoni ta' dawn il-konsli huwa kif ġej : Belt Pajjiż Ġurisdizzjoni Kampala Uganda Fuq it-territorju kollu tal-Uganda Brisbane, Queensland Awstralja Fuq Bundaberg, Gold Coast, Sunshine Coast u Roma Monaco Monaco Fuq it-territorju kollu ta' Monaco Tamale Ghana Fuq ir-reġjuni ta' Northern, Upper East u Upper West Nizhny Novgorod Russja Fuq il-Volga Federal District Marsilja Franza Fuq id-dipartimenti ta' Vaucluse, Bouches-du-Rhone, Gard u Lozere Stuttgart Ġermanja Fuq l-istat ta' Baden-Wurttemberg Perth Awstralja Fuq Western Australia

Ċittadini Maltin li qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini Maltin li bħalissa qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta? F’liema pajjiż qegħdin? Kemm minnhom qed jistennew li jiġu proċessati u kemm qegħdin iservu sentenzi ta’ ħabs?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 25 persuna ta’ nazzjonalità Maltija li qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta, kif imsemmi hawn taħt: B’sentenza Jistennew Proċess L-Awstralja 21 9 5 Il-Ministeru m’għandux aktar informazzjoni dwar is-seba’ persuni l-oħra fl-Awstralja Il-Libja 1 0 1 Ir-Renju Unit 1 1 0 It-Tuneżija 1 1 0 Il-Brażil 1 1 0 Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li din iċ-ċifra tikkorispondi biss ma’ dawk il-persuni li talbu għall-assistenza tal-missjonijiet tagħna barra minn Malta. Għaldaqstant iċ-ċifra ma tirriflettix l-ammont kollu tal-persuni b’nazzjonalita Maltija li jinsabu f’ħabsijiet barra minn Malta.

Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Pajjiżi Żgħar imwaqqaf mill-Commonwealth

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex f’Malta jinfetaħ Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Pajjiżi Żgħar imwaqqaf mill-Commonwealth?

Response (VELLA, GEORGE)

Fil-qosor, it-tħejjijiet li qed isiru biex jinfetaħ iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għal Pajjiżi Żgħar imwaqqaf mill-Commonwealth huma: · Numru ta’ laqgħat li kelli mas-Segretarju Ġenerali Baroness Scotland dwar il-Ftehim; · L-iffirmar tal-Ftehim fi New York fit-22 ta’ Settembru; · Il-Gvern Malti se jagħmel kontribuzzjoni ta’ €100,000 liċ-Ċentru fl-ewwel sena tal-operat tiegħu; · Il-Commonwealth mistenni jikkontribwixxi mhux inqas minn £100,000 kull sena għall-ewwel tliet snin; · Se nipprovdu żewġ uffiċċjali; · Se nipprovdu propjeta’ minn fejn iċ-Ċentru jkun jista’ jopera – kien identifikat il-post bħalissa okkupat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta; · Il -Commonwealth se jiffinanzja s-servizzi ta’ konsulent tekniku għal sitt xhur biex jgħin fl-ewwel stadji tal-operat taċ-Ċentru. Il-konsulent se jintgħażel dalwaqt. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iktar iddettaljat ta’ dawn it-tħejjijiet.

Trade Financing Facility

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex titwaqqaf it-Trade Financing Facility imħabbra waqt iċ-CHOGM li sar f’Malta f’Novembru li għadda?

Response (VELLA, GEORGE)

Fil-qosor, it-tħejjijiet li qed isiru biex titwaqqaf it-Trade Financing Facility imħabbra waqt iċ-CHOGM li sar f’Malta s-sena l-oħra huma: · Meta waqt iċ-ĊHOGM li sar fi Sri Lanka fl-2013 intweriet ix-xewqa li titwaqqaf Small States Trade Finance Facility , il-Gvern Malti wiegħed appoġġ loġistiku u finanzjarju u offra li jospitaha f’Malta; · Is-Segretarjat tal- Commonwealth waqqaf Grupp ta’ Ħidma f’Ġunju 2014 biex jeżamina din l-inizjattiva kienitx viabbli u jagħmel rakkomandazzjonijiet fuq l-istruttura legali u organizzattiva; · Waqt iċ-CHOGM ta’ Malta, il- Commonwealth ikkunsidra s-sottomissjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma u ddeċieda li l-proġett kien viabbli; · Il-Facilita’ tniediet uffiċċjalment fis-26 ta’ Novembru 2015 mill-Prim Ministru u s-Segretarju Ġenerali tal- Commonwealth ; · F’Settembru 2016 il-Grupp ta’ Ħidma ikkonkluda t- term sheets (tip ta’ ftehim preliminari) ta’ żewġ Facility Managers ; · Fis-7 ta’ Ottubru 2016 kien iffirmat Memorandum of Understanding bejn is-Segretarjat tal- Commonwealth u żewġ banek biex jieħdu sehem f’dan il-proġett; · Għaddejjin konsultazzjonijiet estensivi bejn il-Grupp ta’ Ħidma, il-MIMCOL u l-MGI biex Malta tkun l-Amministratur tal-Faċilita’; · Qed issir preparazzjoni ta’ dokumentazzjoni legali li għandha x’taqsam mat-twaqqif tal-Faċilita’ u arranġamenti oħra relatati. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iktar iddettaljat ta’ dawn it-tħejjijiet.

Talbiet għal-legalizzazzjoni ta’ dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba kellu l-Ministeru tiegħu għal-legalizzazzjoni ta’ dokumenti bejn Jannar u Ġunju 2016?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' Ġunju 2016 kien hemm 5,671 talba għal-legalizzazzjonijiet ta' 16,918-il dokument.

Lista ta’ każijiet konsolari

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24469, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba kellu l-Ministeru għall-assistenza konsolari bejn April u Ġunju ta’ din is-sena?

Response (VELLA, GEORGE)

Bejn April u Ġunju 2016 kien hemm 21 każ konsolari li fihom il-Ministeru ntalab jew ta l-għajnuna tiegħu.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Joint Stakeholder Working Council

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21878 dwar il-ħidma tal-Joint Stakeholders Working Council, jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x’ħidma saret minn dan il-kunsill bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-ħidma prinċipali tal-Joint Stakeholders Working Council bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena kienet din: · Numru ta’ Ambaxxaturi indirizzaw il-Kunsill; · Saru preparamenti għal żjarat ta’ delegazzjonijiet kummerċjali barra minn Malta; · Parteċipazzjoni ta’ delegazzjoni fl- OSCE Business Connectivity Conference f’Mejju; · Żjara f’Malta minn delegazzjoni kummerċjali mill-Alġerija f’Mejju; · Monitoraġġ tal-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea u internazzjonali; · Preżentazzjoni dwar il-kunċett tal-Finanza Islamika. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iktar iddettaljat ta’ din il-ħidma.

International Centre for Migration Policy Development

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi rwol kellu l-Ministeru tiegħu biex f’Malta nfetaħ l-uffiċċju tal-International Centre for Migration Policy Development?

Response (VELLA, GEORGE)

L-International Centre for Migration Policy Development (ICMPD) hija organizzazzjoni intergovernattiva li tinkludi 15-il Stat Membru mil-Ewropa u li tagħmel xogħol siewi ħafna fil-qasam tal-migrazzjoni . L-Unjoni Ewropeja taħdem mill-qrib mal-ICMPD, speċjalment fil-kuntest tal-Proċessi ta’ Rabat u Khartoum. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kellu rwol importanti ħafna sabiex jitwaqqaf f’Malta l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni Reġjonali fil-Mediterranean ta’ din l-Organizzazzjoni. Hekk kif sirt naf l-ICMPD kien qed jikkunsidra li jwaqqaf uffiċċju regjonali f’pajjiz Mediterrean minħabba r-rotta Mediterranja tal-migrazzjoni, tajt struzzjonijiet biex isir kull tentattiv possibli sabiex dan l-uffiċċju reġjonali jitwaqqaf f’pajjiżna. Jien kelli laqgħat mad-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru l-E.T. Michael Spindelegger, fejn spjegajtlu l-benefiċċju li uffiċċju bħal dan jitwaqqaf f’pajjiżna. Spjegajtlu wkoll kif pajjiżna, kompla jieħu prominenza f’dak li jikkonċerna l-migrazzjoni bħala riżultat tal-Valletta Summit. Wara numru ta’ diskussjonijiet kif ukoll laqgħat li saru f’livelli differenti, id-Direttur Ġenerali assigurani li jekk kellu jinfetaħ uffiċċju fil-Mediterran, ma kienx hemm pożizzjoni aħjar minn Malta għax l-uffiċċju seta’ jgawdi mill-kuntatti li pajjiżna diġa kellu ma’ pajjiżi tal-Afrika speċjalment tan-naħa ta’ fuq ta’ dan il-kontinent. Għaldaqstant bdejna in-negozjati fuq is- Seat Country Agreement. Għalkemm in-negozjati kienu intensivi ħafna, iż-żewġ naħat ridna nikkonkluduhom kemm jista’ jkun malajr peress li ridna li Malta tiggwadanja mill-preżenza tal-ICMPD f’Malta tul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-Uffiċċju se jħaddem għaxar uffiċċjali fl-ewwel stadju biex imbagħad eventwalment ikompli jikber hekk kif iżid ix-xogħol tiegħu. In-negozjati dwar il-Ftehim li jirregola ir-rapport bejn Malta u l-ICMPD ġew uffiċċjalment konklużi fl-iffirmar tal-Ftehim fil-25 ta’ Mejju. Fl-istess ġurnata ġie inawgurat iċ-Ċentru f’binja ewelenija fil-Furjana. Wara dan il-Ftehim, jien kelli l-okkażjoni li nindirizza laqgħa tal-ICMPD fi Vjenna fejn kont keynote speaker f’diskussjoni dwar “Il-Migrazzjoni Ewropeja u Politika dwar ir-Refuġjati : It-Triq ‘il Quddiem” ma’ panel li kien jinkludi lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Awstrijak l-E.T. Sebastian Kurz, il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropeja għall-Politika tal-Viċinat u n-Negozjati dwar it-Tkabbir l-E.T. Johannes Hahn, is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta’ u l-Koperazzjoni fl-Ewropa l-E.T. Lamberto Zannier u d-Direttur Ġenerali tal-ICMPD l-E.T. Michael Spindelegger.

Żjarat Statali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ Żjarat Statali li saru barra minn Malta bejn April 2016 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (VELLA, GEORGE)

Bejn April 2016 u llum saret Żjara Statali waħda, fil-Montenegro bejn it-8 u l-10 ta' Ġunju 2016.

Consul on the Move

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra xi żviluppi kien hemm minn meta tħabbret l-inizjattiva Consul on the Move?

Response (VELLA, GEORGE)

Minn meta tħabbret l-inizjattiva Consul-on-the-Move fil-5 ta’ Mejju 2016 il-Ministeru beda jimplimenta dan il-proġett f’ħames pajjiżi fejn hemm konċentrazzjoni ta’ Maltin. Il-Konsli fl-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u New Zealand żaru 'l-Maltin f’xi postijiet fejn jgħixu biex ikunu jistgħu jipproċessaw it-talbiet tagħhom biex jinħarġilhom passaport bijometriku Malti. Dan sar b’koordinazzjoni mal-Konsli Onorarji u b’appuntamenti minn qabel biex il-ħidma tkun organizzata u ma tiħux żmien aħtar milli meħtieġ. Għas-servizz mogħti, il-klijenti kienu mitluba jħallsu tariffa amministrattiva u addizzjonli ta’ €100 biex il-Ministeru jkopri parti mill-ispejjeż. Din it-tariffa addizzjonali hija meqjusa raġonevoli ħafna meta wieħed iqis l-iskariġġ li jifranka l-applikant kif ukoll il-flus li jiffranka fi spejjeż ta' vjaġġar u akkommodazzjoni. Bejn Lulju u Settembru 2016 is-Servizz Konsolari (Consul-on-the –Move) kien provdut kif ġej: Stat/Belt/Pajjiż Dati Dokumenti proċessati San Francisco (L-Istati Uniti) 8-9 ta’ Lulju 2016 · Passaporti - 19 Adelaide (L-Awstralja) 8-9 ta’ Lulju 2016 · Reġistrazzjoni ta’ċertifikati – 6 · Passaporti – 14 · Talbiet għal informazzjoni dwar ċittadinanza - 2 Tasmanja (L-Awstralja) 29 ta’ Lulju 2016 · Reġistrazzjoni ta’ ċertifikati – 2 · Passaporti - 3 New Zealand 6-7 Awwissu 2016 · Reġistrazzjoni ta’ ċertifikati – 4 · Applikazzjoni għal ċittadinanza – 1 · Passaporti - 12 Vancouver (Il-Kanada) 9 ta’ Settembru 2016 · Reġistrazzjoni ta’ ċertifikati – 5 · Passaporti – 5 · Ċittadinanza - 8 Edmonton (Il-Kanada) 12-13 ta’ Settembru 2016 · Reistrazzjoni ta’ Ċertifikati – 8 · Passaporti – 14 · Ċittadinanza - 5 Fl-Italja minkejja li saret il-pubbliċita’ meħtieġa biex il-Maltin fl-inħawi tan-naħa t’isfel tal-Italja (Katanja, il-Kalabrija, il-Bażilikata u l-Puglia), jingħataw is-servizz mill-Konsolat Onorarju ibbażat f’Katanja, ma kienx hemm talbiet għal appuntamenti. Filwaqt li l-eżerċizzju kien suċċess u ntlaqa’ tajjeb mill-Maltin, għen ukoll biex il-komunitajiet Maltin jiltaqgħu mal-Konsli u jitkellmu dwar temi li jolqtuhom mill-qrib. Il-pjan hu li dan il-proġett pilota ikun mifrux fuq sentejn mill-2016 sa l-aħħar tal-2018. Dan il-programm huwa konformi mal-viżjoni tal-Gvern li jqarreb is-servizzi tiegħu aktar viċin iċ-ċittadin.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – xogħol għall-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18898, jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol li sar mid-data tat-tweġiba u li biħsiebu jagħmel il-Ministeru tiegħu fuq il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-xogħol prinċipali li għamel mit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18898 u li bi ħsiebu jagħmel il-Ministeru tiegħi fuq il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017 huwa dan: · Qbil fuq il-programm għat-18-il xahar mal-pajjiżi tat-Trio; · Secondment ta’ uffiċċjali ma’ Minsteri għall-Affarijiet Barranin ta’ Stati Membri oħra; · Talba lil Stati Membri oħra għal secondment ta’ uffiċċjali tagħhom mal-Ministeru tiegħi; · Tħejjijiet u loġistika għal-laqgħat informali li se jsiru mill-Ministeru f’Malta; · Intgħażlu l-uffiċċjali biex imexxu laqgħat fi Brussell fi ħdan il-Kunsill; · Tħejjijiet għal-laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin (magħrufa bħala l-Gymnich); · Tħejjijiet għal laqgħa bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, dawk tal- Gulf Co-operation Council u s- Southern Neighbourhood ; · Tħejjijiet għas- Senior Officials’ Meeting biex janalizza x-xogħol li sar u li għad irid isir wara s- Summit fuq il-Migrazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani; · Ingaġġ ta’ Senior Policy Officers , Policy Officers u interns ; · Taħriġ għall-uffiċċjali tal-Ministeru; · Żieda ta’ riżorsi umani f’Ambaxxati u Missjonijiet Permanenti partikolari; · Xogħol fuq il-Programm Kulturali fl-Ambaxxati; · Xogħol fuq il-taqsima tal-Ministeru tal-Programm Nazzjonali tal-Presidenza; · Attendejt għall-preżentazzjoni tal-prioritajiet tal-Presidenza Slovakka; · Iltqajt mar-Rappreżentanta Għolja u Viċi President tal-Kummissjoni l-E T Federica Mogherini, mal-Kummissarju għall-Koperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp l-E.T. Neven Mimica, mal-membri tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin (l-AFET) u l-membri tal-Kumitat tal-Iżvilupp (id-DEVE) tal-Parlament Ewropej; · Żjarat f’Malta tar-Rappreżentant Għolja u tal-Kummissarju għall-Politika tal-Viċinat u n-Negozjati dwar it-Tkabbir, l-E T Johannes Hahn; · Identifikar u diskussjonijiet dwar il- budget meħtieġ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iddettaljat ta’ din il-ħidma.

Laqgħa tal-Ambaxxaturi ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-aħħar laqgħa tal-Ambaxxaturi ta’ Malta li organizza l-Ministeru tiegħu f’Ġunju li għadda? X’kienu s-suġġetti diskussi?

Response (VELLA, GEORGE)

Din is-sena il-laqgħa tal-Ambaxxaturi Maltin seħħet bejn l-1-3 ta’ Ġunju fil-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu. L-għan ta’ dan l-avveniment annwali huwa li l-Ambaxxaturi Maltin jiltaqgħu lkoll flimkien sabiex niddiskutu kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-politika barranija ta’ Malta kif ukoll suġġetti ta' rilevanza għall-Ministeru u għal Malta. Din is-sena il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għax xhur li ġejjin kienet fuq nett fil-lista tas-suġġetti diskussi. L-Ambaxxaturi ngħataw informazzjoni dwar il-preparamenti għall-Presidenza ta’ Malta u l-involviment tagħhom matul din il-Presidenza, b’attenzjoni partikolari fuq dawk il-kwistjonijiet politiċi u suġġetti importanti għal Malta waqt il-Presidenza. L-Ambaxxaturi ġew infurmati wkoll, dwar il-loġistika, il-kommunikazzjonijiet mal-midja u l-programm kulturali għall-Presidenza. Bara minn hekk, l-Ambaxxaturi ingħataw informazzjoni u qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar l-Israel u l-Palestina kif ukoll dwar kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi limitati li jista’ jkollhom. Uffiċjali tal-Ministeru qasmu wkoll l-ideat tagħhom flimkien mal-uffiċjali tal-Ministeru dwar kif l-Ambaxxaturi jistgħu jingħaqdu b'mod aktar effettiv mal-Maltin barra minn Malta, u dwar il-miri strateġiċi tal-Politika Barranija ta' Malta relatati mal-kummerċ. Għall-ewwel darba din is-sena, saret sessjoni dedikata f’forma ta’ fiera fejn fiha l-Ambaxxaturi Maltin kellhom l-okkazjoni li jiltqgħu ma’ numru ta’ rappreżentanti ta’ entitajiet lokali minn oqsma differenti sabiex jitkellmu dwar kif jistgħu jtejbu l-kuntatti bejniethom u jippromwovu lil Malta barra minn xtutna. Saru wkoll preżentazzjonijiet mill-Malta Enterprise, l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu, Identity Malta u l-Universita' ta' Malta. Nixtieq ninnota li din il-laqħa ta’ l-Ambaxxaturi ta’ din is-sena kienet suċċess kif ġie deskritt kemm mill-Ambaxxaturi nfushom kif ukoll l-entitatjiet kollha li pparteċipaw.

Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra — laqgħa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-aħħar laqgħa tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra li organizza l-Ministeru tiegħu f’Mejju li għadda? X’kienu s-suġġetti diskussi?

Response (VELLA, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-aħħar laqgħa tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra.

Attivitajiet organizzati bħala diplomazija kulturali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18911, jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi tad-diplomazija kulturali ħa l-Ministeru tiegħu bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena (2016)?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inizjattivi prinċipali ta’ diplomazija kulturali li ħa l-Ministeru tiegħi bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena kienu dawn: · Proġetti kulturali taħt il-Fond tad-Diplomazija Kulturali; · Organizzazzjoni ta’ żjarat kulturali għal diplomatiċi barranin residenti Malta; · Xogħol dwar ġemellaġġi ta’ lokalitajiet Maltin ma’ bliet u rħula barra minn Malta; · Preparamenti għall-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding maċ-Ċina; · Parteċipazzjoni ta’ kittieba Maltija fir-raba’ laqgħa ta’ kittieba taż-żona Ewro-Maghrebija; · Għajnuna lill-Ambaxxata Maltija f’Riyadh għal esebizzjoni fil-Mużew Nazzjonali; · Parteċipazzjoni ta’ artist Malti fis-seba’ edizzjoni tal- Intercultural Art Dialogue f’Beyoglu, it-Turkija; · Għajnuna fil-preparamenti għall-Mediterranean Forum organizzat mill- Anna Lindh Foundation u l- International Federation of Arts Councils and Culture Agencies Summit ; · Promozzjoni tal-industrija tal-films; · Tħejjijiet għal-Laqgħa Informali tal-Uffiċċjali tal-Kultura fil-Ministeri tal-Kultura u l-Ministeri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea; · Xogħol relatat mal-Programm Kulturali tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iddettaljat dwar dawn l-inizjattivi.

Ftehim bilaterali ffirmat ma’ pajjiżi oħra

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il ftehim bilaterali kien iffirmat ma’ pajjiżi oħra bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena (2016) u x’kienu s-suġġetti ta’ dawn il-ftehim?

Response (VELLA, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Żjarat uffiċjali barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista’ ta’ żjarat uffiċjali li għamel barra minn Malta bejn April ta’ din is-sena (2016) u d-data ta’ meta titwieġeb din il-mistoqsija? X’laqgħat kellu l-Ministru f’kull żjara?

Response (VELLA, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' żjarat uffiċċjali li għamilt barra minn Malta bejn April 2016 u llum, kif ukoll il-laqgħat li kelli f'kull żjara.

Lista ta’ laqgħat ma’ Ministri ta’ pajjiżi oħra

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ laqgħat li kellu ma’ Ministri għall-Affarijiet Barranin u Ministri oħra ta’ pajjiżi li żaru Malta bejn April ta’ din is-sena (2016) u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (VELLA, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dettaljat tal-laqgħat ma’ Ministri għall-Affarijiet Barranin u Ministri ta’ pajjiżi oħra li żaru Malta bejn April ta' din is-sena u llum.