Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skema — Endeavour

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħidilna hux ser jitħabbru aktar skemi ġodda tal-Endeavour u kemm studenti mistennija japprofittaw minnha?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li taħt l-Endeavour Scholarships Scheme hemm il-ħsieb li jinħarġu tlett sejħiet oħra, waħda kull sena għat-tliett snin li ġejjin. Sa l-2020, madwar 900 student huma mistennija li jkunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema.

NGOs u għaqdiet kulturali – Fondi Ewropej

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid meta NGOs u għaqdiet kulturali oħra, ser ikunu qed jibbenefikaw minn Fondi Ewropej?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li fis-27 ta’ Novembru 2016 inħarġet sejħa indirizzata għall-NGOs u għaqdiet kulturali oħra taħt Programm Operattiv 1 – Priority Axis 4 – Shifting towards a low carbon economy u Priority Axis 5 – Protecting our environment. Ninsab infurmat ukoll li fit-2 t’Ottubru 2016 inħarġet sejħa taħt Programm Operattiv 2 – Priority Axis 4 – Building the Institutional Administration Capacity fejn fiha l-NGOs u għaqdiet kulturali kienu eliġibli wkoll. Ninforma l-Onor. Interpellant ukoll li NGOs u għaqdiet kulturali oħra f’żoni rurali jistgħu jibbenefikaw minn fondi taħt il-Programm Leader 2014/2020 iffinanzjat mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014/2020. Barra minn dan NGOs u għaqdiet kulturali oħra jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-Programm għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni sabiex tiġi indirizzata l-integrazzjoni ta’ persuni minn pajjiżi terzi.

Skemi ta’ investiment għall-intrapriżi b’potenzjal ta’ tkabbir

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħidilna hux ser ikun hemm skemi ta’ investiment għall- intrapriżi b’potenzjal ta’ tkabbir, biex b’hekk jagħmilhom aktar kompetittivi?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. interpellant li aktar kmieni din is-sena, nhar il-11 ta’ Lulju 2016, ġiet imnedija l-inizjattiva ‘Business Enhance ERDF Grant Schemes’. B’allokazzjoni ta’ €51 miljun mill-Fond ta’ Żvilupp Reġjonali Ewropew 2014–2020, li minnhom €40.8 miljun huma finanzjati minn Fondi Ewropej u €10.2 miljun minn fondi nazzjonali, din l-inizjattiva hi maħsuba sabiex toffri appoġġ lill-intrapriżi taħt numru ta’ skemi ta’ għajnuna permezz ta’ għotjiet li jkopru parti mill-ispiża eliġibbli skont il-kriterji ta’ kull skema. Sal-lum kienu mnedija erba’ skemi ta’ investiment. Ninsab ukoll infurmat li għaddej xogħol fuq numru ta’ skemi oħra bl-għan li jkunu imnedija fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Dawn l-iskemi jindirizzaw numru ta’ objettivi taħt il-Programm Operattiv I Politika ta’ Koeżjoni 2014 – 2020 ‘It-trawwim ta’ ekonomija kompettitiva u sostenibbli li tilqa’ l-isfidi tagħna’. Ninsab infurmat wkoll li ġew kommessi €15-il miljun taħt l-SME Initiativeli huwa programm seperat taħt Operational Programme 1. Dawn il-fondi ġew kommessi permezz ta’ ftehim ma’ żewġ banek, il-Bank of Valletta u Banifbank. Tajjeb ngħid ukoll li teżisti l-possibilità li nutilizzaw 19-il miljun oħra f’Fondi Ewropej permezz ta’ financial instruments addizjonali. Bħalissa għaddejin xi studji fuq dan il-lat. Xtaqt nirrimarka li dawn li semmejt huma skemi li jistgħu jiġu ffinanzjati minn Fondi Ewropej. Kif ċertament tinsab infurmat jeżistu ħemel ta’ skemi oħrajn għall-intrapriżi b’potenzjal ta’ tkabbir li qegħdin jiġu xprunati minn Ministeri oħra.

Qasam tal-komunikazzjoni tal-Presidenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid minn fejn se tkun qed tiġi ko-ordinata l-ħidma marbuta mal-qasam tal-komunikazzjoni tal-Presidenza?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ħidma fil-qasam tal-komunikazzjoni se tkun qed tiġi koordinata mill-Uffiċċjali responsabbli fi ħdan il-Presidency Unit ġewwa Malta, b’ħidma konġunta mal-Uffiċċjali responsabbli tal-komunikazzjoni ġewwa Dar Malta fi Brussell.

Laqgħat tal-Ministri matul il-Presidenza – faċilitajiet għall-ġurnalisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ faċilitajiet se jkunu pprovduti bihom il-ġurnalisti li se jattendu għal-laqgħat tal-Ministri matul il-Presidenza?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li nbena media centre li jospita sa 250 ġurnalist ġewwa l-Palazz tal-Gran Mastru biex jaqdi l-ħtiġijiet tal-ġurnalisti. Dan se jkun fih l-faċilitajiet kollha meħtieġa nkluż is-servizz tal-internet, 11-il TV u radio booth, faċilitajiet ta’ trasmissjoni u żewġ swali għall-konferenzi stampa.

Programmi u arranġamenti speċjali — ġurnalisti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm xi programmi u arranġamenti speċjali għall-ġurnalisti sabiex Malta tieħu promozzjoni?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li matul il-Presidenza huwa maħsub li jiġu ‘l fuq minn 1,500 ġurnalist. Dawn se jingħataw tagħrif u materjal dwar Malta bil-ħsieb li tingħata promozzjoni lill-pajjiżna. Se jiġu wkoll 60 ġurnalist influwenti bbażati fi Brussell biex ikollhom laqgħat mal-Ministri qabel il-Presidenza. Dawn il-laqgħat se jsiru f’diversi lokalitajiet, inkluż Għawdex, bil-għan li jkollhom l-opportunità li jaraw b’għajnejhom is-sbuħija tal-pajjiż.

Memorandaum of Understanding pendenti ma’ pajjiżi tal-Amerika ta’ Isfel

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm Memorandum of Understanding pendenti ma’ pajjiżi tal-Amerika ta’ Isfel?

Response (VELLA, GEORGE)

Hemm tmien Memoranda of Understanding pendenti ma' pajjiżi tal-Amerika ta' Isfel.

Heating tal-pixxina Nazzjonali – Fondi Ewropej minfuqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm intefqu Fondi Ewropej f’faċilitajiet sportivi partikolarment fil-proġett tal-heating tal-pixxina Nazzjonali?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li ntefqu 392,931 ewros f'fondi Ewropej fuq il-proġett tal-heating tal-pixxina Nazzjonali.

Faċilitajiet sportivi- fondi ewropej

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jispjega jekk hemmx aktar Fondi Ewropej immirati favur titjib ta’ aktar faċilitajiet sportivi fiż-żmien li ġej?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li hemm il-possibilita li jkun hemm allokati aktar fondi Ewropej favur titjib ta' aktar faċilitajiet sportivi taħt Prijority Axis 8, Investment Priority 9A, Operational Programme 1 2014/2020.

Forzi Armati ta’ Malta – fondi ewropej

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħidilna kif ser ikunu qed jibbenefikaw il-Forzi Armati ta’ Malta minn Fondi Ewropej?

Response (GRECH, LOUIS)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' proġetti li diġa ġew approvati taħt il-Fond Ewropew għas-Sigurta Interna 2014/2020.

Barrakka ta’ fuq – Saluting Battery – fondi ewropej minfuqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus minn Fondi Ewropej fuq il-proġett tas-Saluting Battery fil-Barrakka ta’ Fuq?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li ntefqu 378,326.47 f'fondi Ewropej taħt l-ERDF għall-Programming Period 2007/2013 fuq il-proġett tas-Saluting Battery fil-Barrakka ta' Fuq.

Sejħiet li għalihom il-kunsilli lokali jistgħu jkunu ẹleġibbli

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk hemmx jew hux ser ikun hemm sejħiet li għalihom il-kunsilli lokali jistgħu jkunu ẹleġibbli?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li fl-24 t’April 2016 nħareġ avviż preliminari għall-sejħa indirizzata għall-Kunsilli Lokali taħt Programm Operattiv 1 – Priority Axis 1 – Shifting towards a low carbon economy and Priority Axis 5 – Protecting our environment. Huwa mistenni li s-sejħa propja toħroġ fil-ġimgħat li ġejjin. Ninsab infurmat wkoll li fit-2 t’Ottubru 2016 nħarġet sejħa taħt Programm Operattiv 2 – Priority Axis 4 – Building the Institutional Adminstration Capacity fejn fiha l-Kunsilli Lokali kienu eliġibli wkoll. Ninforma l-Onorevoli Interpellant ukoll li Kunsill Lokali f’żoni rurali jistgħu jibbenefikaw minn fondi taħt il-Programm Leader 2014/2020 iffinanzjat mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014/2020. Barra minn dan Kunsilli Lokali jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-Programm għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni sabiex tiġi ndirizzata l-integrazzjoni ta’ persuni minn pajjiżi terzi.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – relazzjonijiet diplomatiċi mal-Bożnja-Ħerzegovina

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret mill-Ministeru tiegħu biex jissaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi mal-Bożnja- Ħerzegovina?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-ħidma li saret mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin biex jissaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi mal-Bożnija-Ħerzegovina huma: · Preżentazzjoni tal-kredenzjali tal-ewwel Ambaxxatur Malti għall-Bożnija-Ħerzegovina, l-E.T. Saviour Borg; · Żjara uffiċċjali f’Malta tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-E.T. Igor Crnadak f’Lulju li għadda; · Propost Memorandum ta’ Ftehim fuq il-bdil bilaterali u t-taħriġ tad-diplomatiċi; · Żjara f’Malta tas-Segretarju tal-Istat u Direttur tad-Direttorat għall-Integrazzjoni Ewropea u n-Negozjatur Ewlieni, l- E.T. Erin Dilberović f’Ottubru; · Uffiċċjal mill-Bożnija-Ħerzegovina qed jagħmel programm ta’ Masters mogħti mill- International Maritime Law Institute (l- IMLI ); · Uffiċċjal ieħor se jieħu sehem f’kors fil- Mediterranean Academy for Diplomatic Studies (il- MEDAC ); · Qed ikun ikkunsidrat Ftehim ta’ Ħelsien mit-Taxxa Doppja bejn iż-żewġ pajjiżi; · Possibilta’ li sal-aħħar tas-sena jżur Malta iċ- Chairman tal-Kunsill tal-Ministri, l-E.T. Denis Zvizdić · Jien se nżur il-Bożnija-Ħerzegovina fil-bidu tas-sena d-dieħla biex niltaqa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iktar iddettaljat ta’ din il-ħidma.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Family-friendly measures

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed igawdu minn family-friendly measures?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 69 impjegat li qed jibbenefika minn family friendly measures fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – impjegati nisa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati nisa fi gradi 1 – 4 fid-dekasteru tiegħu?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin hemm 11-il mara fil-gradi 1-4, kif spjegat hawn taħt: 2 1 Grad 3 4 4 6

Ministeru għall-Affarijiet Barranin- impjegati li qed jagħmlu korsijiet fl-Università

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jagħmlu korsijiet fl-Università ta’ Malta jew universitajiet barranin? Liema huma l-korsijiet li qed jagħmlu dawn l-impjegati? X’inhu l-grad ta’ dawn l-impjegati? Qed tingħata xi forma ta’ għajnuna lil dawn l-impjegati?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Minsiteru għall-Affarijiet Barranin hemm sitt impjegati li qed jagħmlu korsijiet fl-Universita' ta' Malta jew Universitajiet Barranin. Id-dettalji mitluba jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Memorandum of understanding pendenti ma’ pajjiżi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm Memorandum of Understanding pendenti ma’ pajjiżi Ewropej?

Response (VELLA, GEORGE)

Hemm sitt Memoranda of Understanding pendenti ma' pajjiżi Ewropej.

Memorandum of Understanding pendenti ma’ pajjiżi Asjatiċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm Memorandum of Understanding pendenti ma’ pajjiżi Asjatiċi?

Response (VELLA, GEORGE)

Hemm ħames Memoranda of Understanding pendenti ma' pajjiżi Asjatiċi.

Unjoni għall-Mediterran – sehem ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sehem ħadet, u qed tieħu, Malta fl-Unjoni għall-Mediterran (il-UfM) matul din il-leġislatura?

Response (VELLA, GEORGE)

Is-sehem ta’ Malta fl-Unjoni għall-Mediterran (il-UfM) matul din il-leġislatura kien dan: · Parteċipazzjoni f’laqgħat Ministerjali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin; · Parteċipazzjoni f’laqgħat Ministerjali settorali; · Parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ Uffiċċjali Għolja; · Parteċipazzjoni fi Gruppi ta’ Ħidma ta’ Esperti Għolja f’oqsma speċifiċi; · Se ssir laqgħa tal-Uffiċċjali Għolja f’Jannar 2017 u laqgħa Ministerjali f’Mejju 2017 (waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea); · Se ssir ukoll laqgħa Ministerjali għall-Ministri responsabbli għall-Ilma mill-Istati Membri f’April 2017. Ta’ min isemmi wkoll li s-Segretarju Ġenerali tal-UfM l-E. T. Fathallah Sijilmassi żar Malta fis-16 ta’ Diċembru 2015, meta ddiskutejna l-interessi Mediterranji, l-irwol tal-UfM u l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iktar iddettaljat ta’ din il-ħidma.

Tisħiħ ta’ relazzjonijiet bejn Malta u r-Russja

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18902, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra xi żviluppi kien hemm minn meta ngħatat it-tweġiba sal-lum fir-relazzjonijiet mar-Russja u xi pjani għandu l-Ministeru tiegħu biex ikompli jsaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fil-qosor, l-iżviluppi li kien hemm fir-relazzjonijiet mar-Russja minn April 2016 u l-pjani tal-Ministeru biex ikompli jsaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet huma dawn: Il-parteċipazzjoni tal-Prim Ministru fis-St Petersburg International Economic Forum (bejn il-15 u t-18 ta’ Ġunju 2016); Iż-żjara f’Malta ta’ delegazzjoni kummerċjali Russa bejn it-18 u t-22 ta’ Lulju 2016; Business forum organizzat mill-Ambaxxata Maltija f’Moska fil-21 ta’ Settembru 2016; Il-ħidma mill-Ambaxxata biex jinħatru Konsli Onorarji f’numru ta’ reġjuni fir-Russja; Laqgħa li kelli mal-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu fis-6 ta’ Ottubru 2016 fi Vjenna; Il-laqgħa li l-Prim Ministru, akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u minni, kellu mal-Prim Ministru Russu f’Moska ġimgħatejn ilu meta kienu ffirmati tliet ftehim ta’ koperazzjoni bilaterali fl-edukazzjoni, it-turiżmu u l-kummerċ, waqt li r-Russja se tippreżenta abbozz ta’ ftehim dwar l-adozzjonijiet; Matul din iż-żjara sar Business Forum ; Il-Prim Ministru stieden lill-Prim Ministru Russu biex iżur Malta. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport iktar iddettaljat ta’ din il-ħidma.