Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru konsultazzjonijiet pubbliċi kemm ilu li ġie mniedi d-Dwejra Management Board? Jekk kien hemm, x’kienu t-temi tagħhom?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li d-Dwejra Steering Committee organizza laqgħat miftuħa għall-partijiet konċernati b’mod separat, nhar id-19 ta’ Novembru 2016, fejn ġew miġbura temi varji għall-kunsiderazzjoni tal-Kumitat. Għal dawn il-laqgħat ġew mistiedna s-setturi li jagħmlu użu miż-żona, inkluż:
· Laqgħa mas-sidien tal-boathouses u tad-dgħajjes privati,
· Laqgħa mas-sidien tad-dgħajjes li jġorru t-turisti,
· Laqgħa mal-bejjiegħa, u
· Laqgħa mas-sidien ta’ ristoranti fl-inħawi.
Tul il-laqgħat tqajjmu diversi punti mill-parteċipanti fuq is-sitwazzjoni fid-Dwejra, li kienu jinkludu:-
- Diskussjoni fuq il-ġbir u aktar frekwenti tal-iskart,
- Tindif ta’ ċertu żoni inkluż d-diga u “Il-Qattara”,
- Provediment ta’ faċilitajiet sanitarji aħjar, ta’ first aid kit fuq il-post, lifeguard u pulizija, speċjalment fis-Sajf;
- Manutenzjoni u tiswija tal-pjazza u l-passaġġ li jwassal għall-Inland Sea,
- Bżonn ta’ parkeġġ,
- Provediment ta’ sinjali ċari taż-żoni ta' periklu u postijiet ta’ nteress;
- Immaniġġjar aħjar tal-bejjiegħa fid-Dwejra; u
- Ko-ordinazzjoni aħjar tal-irmiġġ tad-dgħajjes, it-tneħħija tal-mollijiet u l-bżonn ta’ slipway.
Proġett ta’ tħaddir fil-lokalitajiet – ftehim u xogħlijiet mal-kunsilli lokali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar fiex waslu l-ftehim u x-xogħlijiet li hemm ippjanat mal-kunsilli lokali li din is-sena ntgħażlu għall-proġett ta’ tħaddir fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-8 ta’ Frar ġew iffirmati Memorandum of Understanding ma’ sitt (6) lokalitajiet li intagħżlu għall-proġett tat- tħaddir ta’ din is-sena, li huma l-Belt Valletta, Ħamrun, Naxxar, Ħaż-Żebbug, Marsa u Għarb (Għawdex).
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar fuq il-proġett tal-Ġnien tal-Argotti u x’inhuwa ppjanat li jsir sabiex titlesta l-ewwel fażi tal-proġett?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Proġett tal-Ġnien ta’ l-Argotti ingħata bidu f’Settembru li għadda bir-restawr tal-ħajt li jdawwar il-ġnien ta’ l-Argotti. Lejn tmiem 2016 beda x-xogħol wkoll fuq il-fortifikazzjonijiet li jdawru l-ġnien ta’ l-Argotii u għal bidu ta’ Marzu ta’ din is-sena mistenni jibda x-xogħol kbir ta pavimentar u servizzi ġodda fil-ġnien ta’ l-Argotti. Dan ix-xogħol kollhu mistenni li jkun lest sal-aħħar ta din is-sena.
Jista’ l-Ministru jispjega r-rwol tal-Guardian for Future Generations?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r–Rwol tal-Gurdian for Future Generations joħog mill-Att Number 10 tas-sena 2012 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli. Dawk huma elenkati hawn taht.
(a) jippromwovi t-tixrid ta’ għarfien dwar l-iżviluppsostenibbli fuq il-firxa tat-twettiq tal-politika, il-leġiżlazzjoni ul-prassi nazzjonali;
(b) jiżviluppa rettikolatta’ riċerka xjentifika li jista’jikkontribwixxi b’mod pożittiv lejn is-sostenibbiltà tas-soċjetà;
(c) jiżviluppa verifiki f’oqsma u setturi varji li jitqiesuli jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp sostenibbli;
(d) jipproponi miri u azzjonijiet lill-entitajietgovernattivi sabiex dawn iwettquhom biex jikkontribwixxu lejnil-mira ta’ żvilupp sostenibbli;
(e) jgħaddi kunċetti ta’ żvilupp sostenibbli fi ħdan is-settur privat;
(f) jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta’organizzazzjonijiet mhux governattivi fit-tixrid ta’ għarfiendwar l-iżvilupp sostenibbli;
(g) jikkonsidra talbiet mill-pubbliku, dwar materji li jirrigwardaw il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli, liema talbiet jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli;
(h) jitlob lil kull entità tal-gvern biex tipprovdi data jewinformazzjoni jew biex jiġbor data jew informazzjoni dwar kullsuġġett li jista’ jkollu impatt fuq l-iżvilupp sostenibbli;
(i) irawwem prinċipji u azzjonjiet li jirrigwardaw l-iżvilupp sostenibbli mal-firxa tas-soċjetà Maltija; u
(j) jagħti direzzjoni sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tiffoka biex tissalvagwardja ġenerazzjonijiet futuri.
Jista’ l-Ministru jgħid x’irriżulta sal-lum mill-introduzzjoni tal-ġbir tal-borża organika fil-lokalitajiet li din is-sistema ġiet introdotta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-borża organika giet introdotta għal-ewwel darba fl-aħħar ta’ Ottubru 2015 f’ħames lokalitajiet f’Malta li mbagħad żdiedu b’erbgħa oħra fl-aħħar ta’ Jannar 2016. Il-lokalitajiet li qed jipparteċipaw f’din is-separazzjoni tal-iskart organiku sa llum huma tlieta w għoxrin, wara li l-proġett ġie estiż ma’ Għawdex kollu minn l-aħħar ta’ Settembru 2016.
Qabel kull estensjoni saret kampanja edukattiva bieb bieb f’dawn il-lokalitajiet kollha, fejn apparti informazzjoni fuq l-importanza u l-mod kif issir separazzjoni ta’ l-iskart, kull residenza ingħatat reċipjent għall-iskart organiku u boroż bojod ‘compostable’ b’xejn.
Dan l-eżerċizzju jidher li ħalla impatt pożittiv fuq l-iskart ġġenerat u sseparat fir-residenzi f’dawn it-23 lokalita’ kif turi l-istatistika miġbura mill-Wasteserv ppreżentati fit-tabelli hawn taħt.
Jirriżulta li f’dawn il-lokalitajiet waqt li żdied il-ġbir tal-borża l-bajda kif ukoll żdied il-ġbir tal-borża il-griża, fil-waqt li tnaqqas il-ġbir tal-borża s-sewda kif mistenni. Saħansitra naqas it-total tal-iskart li kien imur kollu fil-borza s-sewda kieku ma ġietx introdotta l-kollezzjoni tal-iskart organiku bi tnaqqis ta’ ftit inqas minn 6000 tunnellata fis-sena mid-disa’ lokalitajiet f’Malta u reġjun ta’ Għawdex kollu.
Barra minn hekk żdied ukoll b’mod notevoli l-iskart li intrema’ fil-borża tar-riċiklaġġ.
Fil-każ t’Għawdex fejn il-borża organika giet introdotta fuq bażi reġjonali, wieħed jista’ jara anke l-impatt fuq il-Bring In Sites, fejn jirriżulta li aktar materjal twassal lill-Wasteserv fil-perjodu meta ġiet introdotta l-borża organika meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel.
Wieħed irid isemmi wkoll li l-Kampanja Nazzjonali ghall-Immaniġjar tal-Iskart kompliet issostni l-messaġġi li ingħataw fil-Kampanja bieb bieb u seta’ kellha wkoll influwenza fuq il-parteċipazzjoni tar-residenti fis-separazzjoni tal-iskart.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella b’aktar informazzjoni dettaljata dwar il-volum ta’ skart miġbur mid-disa’ lokalitajiet kemm ġewwa Malta kif ukoll ġewwa reġjun ta’ Għawdex.
Wasteserv – inizjattivi dwar is-separazzjoni tal-iskart
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi qed jittieħdu mill-Wasteserv sabiex ikun hawn aktar għarfien dwar is-separazzjoni tal-iskart?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li f’April 2016 il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima beda kampanja ta’ kommunikazzjoni ta’ tliet snin dwar l-immaniġġjar tal-iskart li jisimha “Taħlix L-Iskart” jew “Don’t Waste Waste” bl-Ingliż.
- Il-kampanja qed tkun mmexxija mill-Ministeru b’kollaborazzjoni mal-Wasteserv u appoġgjata mill-Environment and Resources Authority.
- L-għan prinċipali tal-kampanja hu li jinkoraġġixxi lill-pubbliku ġenerali li jikkontribwixxi fit-tnaqqis, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart.
- Hemm preżenza kontinwa tal-kampanja fil-mezzi tax-xandir kollha – kemm dawk stampati, kif ukoll fuq it-televixin, radju, medja soċjali, u anke dawk online. Varjetà ta’ inizjattivi u attivitajiet qed jiġu organizzati wkoll sabiex il-pubbliku jintlaħaq minn diversi modi.
- Il-Kampanja għandha sit elettroniku (http://www.dontwastewaste.gov.mt) informattiv u mobile application li din il-ġimgħa se tinħareġ għall-pubbliku. Barra minn hekk hemm preżenza fuq Facebook, Twitter, Instagram, Pinterest u YouTube. Dawn jiġu aġġornati kontinwament b’informazzjoni u pariri fuq l-immaniġjar tal-iskart.
Fl-istess waqt il-Wasteserv għaddejja b’inizjattivi indipendenti sabiex twassal il-messaġġ tagħha lil diversi udjenzi. Dawn l-inizjattivi jinkludu:
- Preżentazzjonijiet edukattivi fl-iskejjel primarji, sekondarji, post-sekondarji, MCAST u ITS;
- Preżentazzjonijiet fi skejjel li fihom jattendu studenti barranin;
- Kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u parteċipazzjoni f’attivitajiet li jiġu mtella’ f’lokalitajiet diversi;
- Open Days u żjarat ohra għall-gruppi organizzati fl-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala, l-impjant tal-Malta North fil-Kumpless Ambjentali tal-Magħtab, kif ukoll l-faċilita’ f’Tal-Kus Għawdex;
- Attivitajiet fi Djar tal-Anzjani, Day Centres u Ċentri għal persuni b’diżabilita’;
- Laqgħat ta’ informazzjoni f’kumpaniji privati, lukandi, sptarijiet u NGOs interessati jibdew jisseparaw l-iskart jew itejbu s-sistema tagħhom f’dan ir-rigward;
- Preżenza regolari fuq TV u Radji f’diskussjonijiet b’messaġġi edukattivi fuq is-separazzjoni tal-iskart;
- Kampanja bieb bieb fil-lokalitajiet li fihom ġie introdott il-ġbir tal-Borża Organika, kif ukoll moniteraġġ waqt dan il-ġbir;
- L-Koordinazzjoni tal-European Week for Waste Reduction (EWWR) fejn tinkoraġġixxi lil skejjel, settur pubbliku, negozji, NGOs u anke individwi sabiex jieħdu inizzjattivi speċifici li jikkomunikawhom lil udjenza ikbar;
- L-Organizzazzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards fejn jingħata rikonoxximent lil dawk l-entitajiet, individwi, u Kunsilli Lokali li jkunu ppartecipaw f’inizzjattivi xprunati mill-Wasteserv, fosthom l-EWWR u l-Progett Pilota għal ġbir ta’ l-Iskart Organiku;
- Kampanji sabiex jinġabar skart speċifiku bħal Kampanja Iġbor u Irbaħ fejn biljetti tal-lotterija jingħataw lil kull min jiehu fliexken tal-plastik u bozoz fic-Centri ghall-Iskart Goff;
- Il-Kampanja fl-iskejjel sabiex jinġabru l-batteriji użati li issa ġiet fi tmiemha fl-aħħar tas-sena 2016;
- Servizz ta’ freephone offrut mill-Customer Care Unit fejn wieħed jista jindirizza d-diffikultajiet tiegħu u jingħata aktar informazzjoni speċifika;
- Il-Kumpanija għandha wkoll sit elettroniku (http://www.wasteservmalta.com) kif ukoll prezenza fuq Facebook, Twitter u Youtube.
Tneħħija tal-eko-kontribuzzjoni minn fuq il-batteriji
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li tneħħiet l-eko-kontribuzzjoni minn fuq il-batteriji? Jekk iva, x’inhuma l-passi li jmiss?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nikkonferma li fl-aħħar budget twettqet azzjoni oħra mill-wegħdiet li għamel dan il-Gvern u tneħħiet l-eko-kontribuzzjoni minn fuq il-batteriji. Mis-sena 2017, produtturi jew importaturi ta’ batteriji ser ikunu obbligati li jirkupraw min fuq is-suq persentaġġ ta’ batteriji wżati kif stabbilit bil-liġi. Dan jista’ jsir jew billi jissieħbu f’skema awtorizzata jew billi jkunu self compliant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ koperattivi sena b'sena bejn l-2013 u l-2016?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n numru ta’ koperattivi ġodda sena b’sena bejn l-2013 u l-2016 kien ta’:
2013- 6 koperattivi
2014- 2 koperattivi
2015- 2 koperattivi
2016- 6 koperattivi
Park Nazzjonali tal-Inwadar – ġbir ta’ skart u radam
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabar skart u radam illegali fil-konfini tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar fuq inizjattiva li ħa l-Bord tal-Governanza flimkien mad-Dipartiment tat-Tindif?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa kkalkulat li fuq 15-il ġurnata ta' xogħol, wara inizzjattiva tal-Bord tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar fi ħdan il-Ministeru tiegħi u flimkien mad-Dipartiment tat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura, inġabru madwar 400 tunnellata skart u radam illegali li jikkonsisti f'materjal tal-kostruzzjoni, kif ukoll fi skart domestiku.
Park Nazzjonali tal-Inwadar – rimi ta’ skart u radam
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi u x’kontrolli ser jittieħdu biex jiġi kkontrollat ir-rimi ta’ skart u radam milli jibqa' jseħħ fil-konfini tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Kif forsi jaf l-Onor Interpellant jiena ħtart Bord ta’ Governanza sabiex jara li titwettaq l-istrategija tal-Gvern għal park in kwistjoni. Dan il-bord beda jaħdem u fil-fatt sal-lum twaħħlu tliet kameras CCTV li jaħdmu lejl u nhar u joperaw b'sistema ta' iffukar 360 degrees. Il-ħsieb huwa li fil-futur jitwaħħlu iktar minn dawn il-cameras ta’ sorveljanza sabiex jiġi mrażżan ir-rimi ta' skart u radam u jinqabdu dawk li jiksru l-liġi. Il-ħsieb huwa wkoll li jkunu impjegati numru ta’ ħaddiema sabiex jissorveljaw il-konfini tal-park. Barra minn hekk permezz tal-media diġitali u ta’ tabelli mifruxin fuq il-post il-viżitaturi tal-park ser ikunu mgħarrfa dwar il-preġji naturali u storiċi li fiħ il-park, apparti li dawn ser iservu wkoll sabiex il-pubbliku jkun imfakkar dwar il-protezzjoni legali li għandu bħala park nazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Business Development and Continuity?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-iskema tal-Business Development and Continuity, ħames impriżi ibbenifikaw minn meta l-iskema reġgħet ġiet imnedija fl-2016.
Skema Investment Aid for High Efficiency Cogeneration — intrapriżi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Investment Aid for High-Efficiency Cogeneration?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema Investment Aid for High Efficiency Cogeneration ġiet imnedija f’Settembru 2016 u sa issa l-ebda impriża ma bbenifikat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Business Start bejn is-sena 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li min mindu ġiet imnedija l-iskema tal-Business Start mil-2015 sal-aħħar ta' Jannar 2017 in-numru ta' mpriżi li bbenifikaw min din l-iskema kien ta' 55.