B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26939 jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol fil-parti ta’ isfel tal-Foss ta’ Ħaż-Żabbar, tlestiex? Kemm inġabar skart minn din il-parti tal-Foss?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif tal-parti ta’ isfel tal-Foss f’ Ħaż-Żabbar tnaddfet ukoll matul is-sena 2016, hekk kif kien imwiegħed.
Tneħħew 129 trakk b’ materjal ta’ kull tip, li kienu jammontaw għal 1.4 miljun kilo.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ tindif qed isir fiż-Żona Industrijali tal-Imrieħel?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li ftit tal-ġimgħat ilu sar ftehim u pjan ta’ tindif mal-Fondazzjoni li tieħu ħsieb iż-Żona Industrijali tal-Imrieħel.
Dan il-ftehim jikkonsisti fi ġbir ta’ skart u knis ta’ toroq, skont skeda miftehma bejn iż-żewġ partijiet. L-iskart qiegħed jiġi miġbur separatament, u nista’ ngħid li diġa’ ġie reġistrat progress fejn tidħol l-indafa fiż-żona industrijali.
Ta’ min jgħid li din hi l-ewwel darba li qed isir ġbir ta’ skart u tindif organizzat fiż-żona insemmija.
Direttorat għat-Tindif – infrastruttura ta’ slielem li jitwaħħlu fuq il-bajjiet — ħsarat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi kemm hu l-valur ta’ ħsarat li sofra d-Direttorat għat-Tindif fl-infrastruttura ta’ slielem li jitwaħħlu fil-bajjiet matul ix-xahar ta’ Ottubru 2016? Xi ħsibijiet hemm sabiex din l-infrastruttura terġa’ ssir mill-ġdid ladarba kien hemm xi ħsarat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istima ta’ ħsarat li sofriet l-infrastruttura ta’ għamara tal-baħar jammonta għal madwar €25,000.
Kawża tal-maltemp, tul il-kosta kollha madwar Malta, huwa stmat li ntilfu madwar 100 sellum, pontoons kif ukoll bridge li kollha qed jiġu manifatturati mill-ġdid mill-ħaddiema tad-Direttorat għat-Tindif stess. Bħalissa, ix-xogħol jinsab fi stat avvanzat ħafna u huwa ppjanat li x-xogħol ikun lest kollu fil-ħin, sabiex il-pubbliku jkun offrut bis-servizzi li kellu fis-snin preċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li nqabdu jarmu rimi ta’ skart illegalment fl-aħħar 4 xhur tas-sena 2016? Kif sar dan it-tip ta’ infurzar tal-liġi? F’liema lokalitajiet saru dawn l-ispjezzjonijiet u kemm-il persuna nqabdet f’kull lokalità msemmija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu imsemmi, ġew imħarrka 152 persuna li nqabdu jarmu skart illegali wara spezzjonijiet li twettqu mid-Direttorat għat-Tindif.
Dawn l-ispezzjonijiet saru wara inizjattiva li ħa l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, wara li ġie nnutat li kien hawn żieda fl-abbużi ta’ rimi ta’ skart f'diversi żoni madwar il-pajjiż. Dan il-proġett sar konġuntament mal-Pulizija, li ħarġu t-taħrikiet minn naħa tagħhom, wara li dawn kienu akkumpanjati minn uffiċjali tal-istess Direttorat għat-Tindif.
Din l-inizjattiva inħossu li kienet suċċess u qiegħda tiġi estiża ukoll anke għal matul din is-sena.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’qiegħed jagħmel biex l-istrateġija nazzjonali tal-biodiversità li ħarġet fl-2012, tiġi implimentata?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), flimkien mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, tikkordina x-xogħol bejn is-setturi biex tiżgura l-integrazzjoni relevanti li hemm bżonn jitwettqu biex jiġu implimentati l-miżuri tal-Istrateġija Nazzjonali tal-bijodiversità (NBSAP).
L-Istrateġija Nazzjonali hija mfassla fuq il-miri internazzjonali stipulati mill-Ġnus Magħquda u għandha wkoll 80 miżura biex jimplimentaw dawn il-miri.
L-ERA rrevediet il-progress lejn il-kisba tal-miri internazzjonali u l-implimentazzjoni tal-miżuri fl-NBSAP. Malta kisbet progress f'95% tal-miri internazzjonali stipulati mill-Ġnus Magħquda u kien hemm progress f’76% tal-miżuri. Ta’ min jinnota li l-progress ma setax jiġi meqjus għal madwar 18% tal-miżuri, peress li ż-żmien stipulat biex dawn il-miżuri jibdew jiġu implimentati kien għadu ma bediex meta saret l-analiżi.
Jista’ l-Ministru jindika x’qiegħed isir min-naħa tal-Gvern sabiex jiġu mħarsa l-Pjanta, is-Siġra u l-Għasfur Nazzjonali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-għasfur, il-pjanta u s-siġra nazzjonali huma kollha mħarsa bil-liġi u kollha kemm huma għandhom trend stabbli, għalkemm fil-każ tal-merill jidher li hemm żieda fil-popolazzjoni bejn is-75% sal-85% mill-2001.
L-ERA qiegħda bħalissa taħdem fuq qafas legali dwar Speċi Nazzjonali, kif issaħħaħ iktar il-ħarsien tagħhom.
Dwar l-Għasfur Nazzjonali, il-merill, huwa tip ta’ malvizz protett legalment permezz tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (SL 549.42). Huwa wkoll suġġett ta’ miżuri ta’ monitoraġġ u konservazzjoni bħala parti min-Netwerk Natura 2000; fil-fatt, l-irdumijiet madwar il-kosta, u l-gżejjer Maltin iż-żgħar li jikber fihom għandhom fis-seħħ miżuri ta’ tmexxija li jimmiraw biex tinżamm il-distribuzzjoni u firxa eżistenti ta’ dan il-malvizz u l-popolazzjoni tiegħu, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjenti naturali fejn instab. F’dan ir-rigward, l-għasfur nazzjonali żied fil-popolazzjoni tiegħu bejn 75% għal 85% mill-2001, kif jixhed l-aħħar rapport li sar mill-predeċessuri tal-ERA (id-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA) flimkien mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima fl-2013.
Il-Pjanti Nazzjonali, widnet il baħar, hija wkoll imħarsa permezz tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali (SL 549.44) u hija wkoll suġġetta għal miżuri ta’ monitoraġġ u konservazzjoni bħala parti min-Netwerk Natura 2000, b'miżuri ta’ tmexxija fis-seħħ li jimmiraw biex tinżamm il-distribuzzjoni u firxa eżistenti ta’ dan l-arbuxxell u l-popolazzjonijiet tiegħu, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjenti naturali fejn instab. Din l-ispeċi, li hi ornamentali, hija wkoll mkabbra ortikulturalment u hija wkoll użata fil-ġonna pubbliċi, urbani u inħawi rurali. Il-pjanta hija rari fis-selvaġġ u għalhekk għandha stat ta’ konservazzjoni inadegwat, però t-trend fil-qagħda ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi hija waħda stabbli meta wieħed jara l-aħħar għaxar snin, kif jixhed l-aħħar rapport li sar mill-predeċessuri tal-ERA (id-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA) fl-2013.
Is-Siġra Nazzjonali, l-għargħar hija wkoll legalment imħarsa permezz tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali (SL 549.44) u Regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar (SL 549.64). L-ambjent naturali fejn tinsab huwa wkoll suġġett għal monitoraġġ u miżuri ta’ konservazzjoni bħala parti min-Netwerk Natura 2000, b'miżuri ta’ tmexxija fis-seħħ li jimmiraw biex tinżamm il-distribuzzjoni u firxa eżistenti ta’ l-inħawi fejn tinstab is-siġra u l-istruttura u l-funzjonijiet tal-ambjent naturali ta’ din l-ispeċi. Diġà ttieħdu azzjonijiet biex jitneħħa l-iskart u speċi eżotiċi invażivi li setgħu affettwaw waħda mill-popolazzjonijiet il-kbar ta’ din l-ispeċi bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-bdiewa taż-żona. Barra minn hekk, numru ta’ siti ġodda li fihom instabet din is-siġra bħala parti mill-monitoraġġ ġew dikjarati bħala ‘Tree Protection Areas’. L-ispeċi hija wkoll użata dejjem aktar fil-landscaping. L-imsaġar tal-għargħar huma rari fis-selvaġġ u għalhekk għandhom stat ta’ konservazzjoni inadegwat, però t-trend fil-qagħda ta’ konservazzjoni hija waħda stabbli meta wieħed jara l-aħħar għaxar snin, kif jixhed l-aħħar rapport li sar mill-predeċessuri tal-ERA (id-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA) fl-2013.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – varjazzjonijiet bejn it-tender u l-pagamenti finali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30685 u jgħid kemm-il darba kien hemm varjazzjoni bejn it-tender jew kwotazzjoni inizjali u l-pagament finali fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) bejn l-2001 u Marzu 2013? Jista’ jgħid minn kienu dawn il-kumpaniji jew individwi u l-ammonti tal-kwotazzjoni u l-pagament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – Direct Orders
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30684 u jagħti n-numru ta' direct orders fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) bejn l-2001 u Marzu 2013? Jista’ jelenka l-valur oriġinali tagħhom u jgħid kemm irċevew fi ħlasijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 30989 - FTS - Direct Orders (2001 - March 2013).pdf
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30704 u jgħid x’kien il-valur tal-investiment li nġab lejn Malta, bejn is-snin 2014 u 2016?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ammont ta’ investiment barrani li sar matul is-sena 2014 kien ta’ €41 miljun. Din il-figura hija bbażata fuq investiment li ġie verifikat minn ‘tax returns’ li rċeviet il-Korporazzjoni u minn rendikont ta’ investiment li diġa twettaq u li fuqhom il-Korporazzjoni tagħat għajnuna. Dan l-ammont jeskludi nvestiment ieħor magħmul minn negozji li ma talbu l-ebda għajnuna lill-Korporazzjoni.
L-ammont ta’ investiment għas-sena 2015 jiġi stabbilit matul din is-sena, wara li l-Korporazzjoni tirċievi rendikont ta’ investiment li jkun ġie ddikjarat minn negozji rispettivi fit-‘tax return’ tas-sena 2016. Bl-istess mod, l-investiment li sar fis-sena 2016 jiġi stabbilit matul is-sena 2018.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ġodda ttieħdu f’dawn l-aħħar xhur fejn tidħol indafa ġewwa l-Belt Valletta? Xi kemm qed jiġi stmat li jiswa dan is-servizz?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għat-Tindif flimkien mal-Valletta Services Directorate, hejja pjan ta’ tindif u ħasil ta’ toroq madwar il-Belt Valletta, kemm fiż-żona kummerċjali kif ukoll fiż-żoni residenzjali. It-tindif u ħasil addizzjonali fiż-żoni residenzjali, hija inizjattiva totalment ġdida li qed tittieħed mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura. Qed jintużaw kimiċi apposta għal ħasil ta’ dawn it-toroq, flimkien ma’ bowsers u high pressure washers sabiex isir tindif professjonali kif għandu jkun.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat żdiedu wkoll in-numru ta’ kenniesa li jnaddfu ż-żoni kummerċjali fil-belt kapitali matul il-jum. Ġie mwaqqaf grupp ġdid ta’ ħaddiema, li qed inaddfu u jiġbru skart anke fil-ħinijiet ta’ matul il-lejl.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, ittieħdet inizjattiva ġdida oħra, ta’ tindif ta’ culverts u kanali tal-ilma tax-xita fiż-żoni kollha tal-Belt Valletta. Dan ix-xogħol kien evidenti li kien ilu ma jitwettaq għal ammont ta’ snin, mill-entita’ responsabbli sabiex jitnaddfu dawn is-sistemi madwar il-lokalita’.
Dawn l-inizjattivi mid-Direttorat għat-tindif huma kollha addizzjonali għal dawk il-funzjonijiet li l-Kunsill Lokali Valletta huwa obbligat li jwettaq. Dan ix-xogħol kollu minn naħa tad-Direttorat għat-Tindif huwa stmat li se jiġi jiswa' man-nofs miljun ewro fis-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet li hemm maħsuba fil-Park Nazzjonali tas-Salina? Jista’ jgħid fiex ser ikunu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nininform lil Onor Interpellant li l-permessi kollha meħtiega ġew approvati u bdew ix-xogħlijiet marbuta ma tlett sejħiet għall-offerti li huma;
- Apparat tal-logħob aċċessibli għal kulħadd
- Tqegħied ta’ tapit tal-ħaxix artifiċjali
- Xiri ta’ lighting bollards u fanali
Saru xogħolijiet ta’ trinek fejn ġew mifruxa armoured cables għas sistema ġdida ta’ lighting bollards u fanali madwar is-sit kollu. Sar ukoll xogħol ta’ skavar fil-ħamrija kif ukoll fil-blat u ingħata il-konkos bħala pediment biex jitpoġġa fuqu l-apparat tal-logħob. Qed ukoll isir tqaxxir u invellar biż-żrar madwar il-funtana ċentrali biex iventwalment jitqiegħed it-tapit tal-ħaxix artifiċjali. Fil-frattemp qed jiġu armati il-fanali kollha tad-dawl biex jiġu imwaħħla madwar is-sit imsemmi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma x-xogħlijiet li hemm għaddejjin ġewwa l-Buskett? Fiex jikkonsistu u kemm tħawlu siġar s’issa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa ġol-Buskett għaddejjin b‘xogħolijiet relatati ma bini u tiswija ta ħitan tas-sejjiegħ kif wkoll restawr t’ arkati li hemm fil-parti ta Wied il-Luq. Qed jitneħħew numru ta siġar u pjanti nvasivi u minflokhom qed jitħawwlu siġar indiġeni li ġew mkabbra minn żerriegħa tal-post stess. S’issa tħawwlu l-fuq minn 2,400 siġra ġewwa l-Buskett. Dan ix-xogħol kollu qed isir taħt il-proġett ta LIFE Saving Buskett.
Jista’ l-Ministru jispjega x’xogħol sar s’issa biex jiġu rilokati l-gaġeġ tat-tonn għaż-żona ddedikata għalihom fin-naħa t’isfel ta’ Malta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li matul ix-xhur li għaddew L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), d-Direttorat tas-Sajd u l-Akwakultura u l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ħadmu flimkien sabiex jassiguraw li r-rilokazzjoni tal-gaġġeġ tat-tonn issir kif kien ġie maqbul ma’ l-istess operaturi.
Fl-istess waqt inbeda l-proċess sabiex isiru l-istudji meħtieġa għall-żona ġdid għall-gaġġeġ tat-ton fil-grigal ta’ Malta, liema studji għadhom għaddejin.
Barra minn hekk, bħalissa l-ERA qiegħda f’diskussjoni mal-operaturi tal-fish farms bil-għan li tirregola s-settur permezz ta’ permessi ambjentali. Il-permessi se jindirizzaw l-operazzjonijiet kollha li jitwettqu minn kull operatur li jvarjaw mill-gaġeġ stess, sal-faċilitajiet tal-art użati għall-ħażna u l-iproċessar tal-ħut. Dan biex tassigura approċċ ħolistiku f’dan is-settur. Permezz ta’ dawn il-permessi se jiġu indirizzati wkoll numru ta’ aspetti bħal: metodi ta’ tmigħ, ankrar tal-gaġeġ, trasport tal-għalf u l-ħut li jkun inqabad, operazzjonijiet ta’ manutenzjoni, immaniġġjar tal-iskart u mitigazzjoni u monitoraġġ tal-impatti ambjentali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ipproċessati applikazzjonijiet min-naħa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sa mit-twaqqif tagħha?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtoritá għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tipproċessa permessi ambjentali li jkopru l-operat ta’ l-industrija u anki tiġi involuta f’applikazzjonijiet marbutin mal-iżvilupp u maħruġa mil-Awtorità tal-Ippjanar.
Minn dawn ta’ l-aħħar l-ERA evalwat mal-5075 applikazzjoni tal-iżvilupp u tat kontribut għal 1562 applikazzjoni li ġew identifikati li kien ser ikollhom impatt ambjentali.
L-ERA wkoll ipproċessat madwar 9167-il applikazzjoni ambjentali minn meta l-Awtorità ġiet stabbilita f’April 2016. Dawn huma maqsumin f’pemessi:
1. Tal-IPPC taħt ir regolamenti fuq emissjonijiet industrijali;
2. Għal attivitajiet industrijali medji jew kbar ;
3. Għal sensara ta’ l-iskart (waste broker);
4. Għal vetturi jew braken li jgorru l-iskart (Waste Carriers);
5. Għal attivitajiet jew xogholjiet f’zoni ta’ Natura 2000 jew fuq speci protetti;
6. Għal tindif ta’ buq ta’ vapuri (hull cleaning);
7. Għall-ġarr tal-iskart minn faċilita għall-oħra;
8. Għall-iskemi tal-immaniġjar tal-iskart;
9. Għall-produtturi tal-iskart;
10. Għall-esportazzjoni tal-iskart; u
11. Ohrajn għali-industriji zgħar.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol qed isir biex ikun hemm moniteraġġ aħjar tal-ibħra Maltin?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma l-Onor Interpellant li l-Awtoritá għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) flimkien mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima żviluppat Strateġija Nazzjonali dwar il-Monitoraġġ tal-Baħar li ġiet approvata, u li qiegħda tiġi implimentata permezz tal-kollaborazzjoni ta’ diversi Dipartimenti u instituzzjoniet tal-Gvern.
Minbarra dan, l-ERA ħadet proġett li jinkludi fondi mill-Unjoni Ewropea (permezz tal-FEMS) ta’ €1.6 miljun f’fondi pubbliċi eliġibbli (75% UE 25% MT). Minħabba l-kobor ta’ din l-inizjattiva, dan il-proġett hu mistenni li jassorbi l-allokazzjoni sħiħa tal-fondi, u l-ispiża totali tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ monitoraġġ hi mistennija li tilħaq madwar €3 miljun.
Permezz ta’ dan il-proġett se jiġi implementat programm estensiv ta’ monitoraġġ fil-baħar u se tiġi miġbura ħafna dejta u tagħrif fuq medda ta’ sentejn li se jindirizzaw ukoll ħafna mill-aspetti assoċjati ma’ nuqqas ta’ informazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar stħarriġ ambjentali fuq il-baħar? Kif biħsiebu l-Gvern jinforma bil-proċessi tal-immaniġġjar tal-ibħra Maltin kif inhuma rikjesti f’diversi direttivi tal-Unjoni Ewropea?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma l-Onor Interpellant li l-aħħar stħarriġ estensiv sar fl-2013 u minn dan l-istħarriġ ħareġ it-tieni Water Catchment Management Plan ta’ Malta fl-2016. Minbarra minn dan, għaddejjin proġetti iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea (UE) fuq aspetti oħra li bihom il-Gvern biħsiebu jinforma bil-proċessi tal-immaniġġjar tal-ibħra Maltin.
F’dan il-qasam, l-ERA qed timplementa il-proġett LIFE Baħar li bih qed tinġabar informazzjoni fuq xi ambjenti naturali tal-baħar li ma tantx kellna tagħrif dwarhom. Il-baġit tal-proġett huwa ta’ €2.6 miljun, li 50% minnhom huma kofinanzjata mill-programm ta’ finanzjament LIFE tal-UE.
Barra minn hekk, fl-2016 li l-Awtoritá għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) applikat għal fondi mill-UE, liema proġett ittieħed u se jiġi implementat din is-sena permezz ta’ programm estensiv ta’ monitoraġġ fil-baħar. €1.6 miljun f’fondi pubbliċi eliġibbli (75% UE 25% MT) huma allokati taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS). Dan il-proġett hu mistenni li jassorbi l-allokazzjoni sħiħa tal-fondi. Minħabba l-kobor ta’ din l-inizjattiva, l-ispiża totali tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ monitoraġġ hi mistennija li tilħaq madwar €3 miljun Dan il-proġett se jiġġenera informazzjoni fuq medda ta’ sentejn u se jindirizza ħafna mill-problemi assoċjati ma’ nuqqas ta’ informazzjoni li jwasslu għall-immaniġġjar tal-ibħra Maltin.
Permezz ta’ dawn il-proġetti il-Gvern se jkollu tagħrif biex b’hekk l-immaniġġjar tal-baħar jiġi ibbażat fuq din l-informazzjoni.
Tisħiħ tal-immaniġġar tal-kampanja u l-parks nazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet biex jissaħħaħ l-immaniġġar tal-kampanja u l-parks nazzjonali biex dawn jitgawdew aktar mis-soċjetà?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima huwa kommess li jsaħħaħ l-immaniġjar tal-wirt naturali tagħna. L-organizzazzjoni tad-dipartiment tal-Parks trid tissaħħaħ u titwessa biex tkopri l-immaniġjar ta’ siti Natura 2000, siti ta’ wirt ġejoloġiku u l-apprezzament tal-kampanja in ġenerali.
Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsibijiet hemm biex l-ekonomija Maltija tkun tiddependi inqas fuq il-karbonju (low-carbon economy)?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bi pjaċir nista’ nħabbar li fil-ġimgħat li għaddew il-Kabinett approva l-abbozz ta’ dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-viżjoni ta’ Malta għal ekonomija b’inqas karbonju (Vision Document for a Low Carbon Development Strategy). Dan id-dokument qiegħed jiġi ppreparat biex joħroġ għal konsultazzjoni pubblika.
Inizjattiva biex jinġabru kontenituri tal-ilma, luminati u birer
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li ssir xi inizjattiva biex jinġabru aktar kontenituri tal-ilma, luminati u birer biex jiżdied ir-riċiklar f’Malta? Jekk iva, x’beħsiebu jagħmel u meta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ll-Gvern għad għandu l-intenzjoni li jvara inizjattiva biex jinġabru aktar kontenituri tal-ilma, luminati u birer biex jiżdied ir-riċiklar f’Malta. L-ewwel fażi ser tkun il-publikazzjoni ta’ dokument ta’ konsultazzjoni matul din is-sena biex wara jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex din l-inizjattiva issir realta’.