Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi r-rata ta’ twelid f'Malta f'dawn l-aħħar tliet snin u liema huma l-iscreening tests li jsiru fuq it-trabi hekk kif jitwieldu? Hemm xi ħsieb li jiżdiedu screening tests oħrajn matul din il-leġiżlatura? Kemm huma dawk it-trabi li huma ta' nisel Malti li twieldu f'dawn l-aħħar tliet snin?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi propju f'dawn il-ġranet, iġifieri fl-ewwel jiem ta' din il-leġiżlatura d-Dipartiment tas-Saħħa daħħal screening test ġdid għat-trabi tat-twelid. Dan huwa l-heel prick test għal congenital hypothyroidism. Dan l-iscreening test iwassal għal ħafna anqas false positives mit-test preċedenti, li kien iwassal għal ħafna ansjeta’ bla bżonn għall-ġenituri ġodda. Ma' dan wieħed iżid ukoll it-test għat-thalassaemia. Bejn l-2014 u l-2016 twieldu total ta’ 13,343 tarbija f’Malta u Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu każijiet ta' stupru u attentati vjolenti għal pudur f'dawn l-aħħar tliet snin? Kemm hemm każijiet pendenti u kemm instabu ħatja?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2014 u Ġunju 2017 kien hemm total ta' sebgħa u sittin (67) każ fejn persuni tressqu l-Qorti fuq każijiet ta' stupru u attentati vjolenti għal pudur. Tabella li turi n-numru ta' każijiet fejn il-persuni nstabu ħatja tidher hawn taħt. It-tabella tinkludi wkoll dettalji ta' dawk il-każijiet fejn is-suspettati ġew liberati jew fejn il-każ għadu pendenti. Kien hemm każ fejn is-suspettat laħaq miet.
Persuni Imressqa
Instabu Ħatja
Liberati
Pendenti
Proċediment Eż
awrit
(is-suspettat miet)
2014
18
10
1
7
NIL
2015
23
7
2
13
1
2016
19
4
3
12
NIL
2017
sa Ġunju
7
1
NIL
6
NIL
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Minstru għas-Saħħa jgħid kemm persuni wżaw is-Sexual Assault Response Team (SART) kull sena minn mindu nfetħet fl-2014?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni wżaw is-Sexual Assault Response Team (SART) kull sena minn mindu nfetħet fl-2014?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn mindu beda jopera s-servizz li għalih qed jirreferi, għamlu użu minnu total ta’ 99 persuna, kif ġej:
Minn meta beda s-servizz f’Marzu 2014 sal-aħħar ta’ Diċembru 2014 ibbenefikaw 20 persuna;
Matul is-sena 2015, ibbenefikaw 35 persuna;
Matul is-sena 2016, ibbenefikaw 36 persuna;
Minn Jannar sa Mejju 2017 ibbenefikaw 8 persuni.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, fl-2016 is-servizz minn SART beda jissejjaħ Care for Victims of Sexual Assault (CVSA).
Peress li f'April tal-2015 kienet għaddiet liġi dwar id-Droga tal-Abbuż u li bis-saħħa tagħha pazjent seta’ jixtri mediċina awtorizzata tal-kannabis (manifatturatta b'mod sintetiku jew direttiva tal-prodott innifsu), iżda din il-parti tal-liġi qatt ma ġiet implementata b'mod amministrattiv mill-Ministeru tas-Saħħa għalkemm kemm il-Ministeru tad-Drittijiet Ċivili kif ukoll l-Awtorità tal-Mediċina jaqblu li l-pazjenti għandhom igawdu minn din il-kura, li ttaffi numru ta' sintomi. Jista’ għaldaqstant il-Ministru jgħid x’qed iżomm lil Licencing Authority u lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika milli jwettqu l-implementazzjoni tagħha?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-artiklu 10 ta’ l-att Drug Dependence (treatment and not Imprisonment) fejn skont dan l-att, Speċjalista mil-lista msemmija jista’ jitlob permess lill-Awtorita’ dwar mediċina għal-pazjent speċifiku (named patient basis) dwar estratti tal-pjanti tal-cannabis li huma manufatturati taħt “good manufacturing practice” . Ninfurmah ukoll illi bħalissa qegħda titħejja liġi biex dan ikun jista’ japplika ukoll għal dawk il-mediċini sintetiċi.
Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-preparamenti fuq ix-xogħlijiet tal-Villaġġ tal-Karnival?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex fejn jirrigwarda l-proġett tal-Villaġġ tal-Karnival jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Fil-frattemp, biex ikun jista’ jinbeda l-imsemmi proġett, saru xogħlijiet fil-Garaxx tal-Gvern fil-Marsa biex temporanjament jakkomodaw il-workshops li riedu jiġu zgumbrati biex jinbeda ix-xogħol ta’ twaqqiegħ fejn ser jinbena l-Vilaġġ tal-Karnival. Inħarġet ukoll tender biex jinbnew faċilitajiet ġodda għall-mastrudaxxi u ħaddieda f’sit f’Kordin. Din it-tender bħalissa tinsab fl-istadju ta’ evalwazjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-ġnien fil-Pjazza ta’ Triq l-Irmiġġ, l-Imsida?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-ġnien fi Pjazza ta’ Triq l-Irmiġġ, Msida jinsabu għaddejin b’ritmu tajjeb. Ix-xogħlijiet ta’ skavar tlestew u għaddej ix-xogħol fuq il-pedamenti u kostruzzjoni ta’ ħitan. Ix-xogħol mistenni jitlesta sa l-aħħar ta’ April 2017.
Kalkara – faċilitajiet sportivi tat-tennis club u football u immaniġjar tal-ilma tax-xita — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-preparamenti għax-xogħlijiet għall-immaniġjar tal-ilma tax-xita fil-lokalità tal-Kalkara, kif ukoll fil-faċilitajiet sportivi tat-tennis club u l-football?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif ġej:
Il-kuntratt biex isiru x-xogħlijiet għall-immaniġjar tal-ilma tax-xita fil-lokalità tal-Kalkara ingħata u x-xogħol mistenni jibda fix-xhur li ġejjin.
Rigward it-Tennis Club , l-applikazzjoni għall-permess tinsab f’idejn il-Case Officer u mistennija tiġi deċiża fl-aħħar ta’ April 2017. Id-Dipartiment beda l-preparamenti għas-sejħa għall-offerti li mistennija tiġi pubblikata fix-xhur li ġejjin.
Dwar il-Kalkara Football Ground, ix-xogħlijiet bdew ix-xahar li għadda. Bħalissa għaddej ix-xogħol relatat ma’ skavar u tħejjija għall-pedamenti. Dan ix-xogħol mistenni jitlesta għall-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti għax-xogħlijiet fuq il-faċilitajiet sportivi fix-Xgħajra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed nistennew l-approvazjoni ta' xi tibdiliet żgħar fil-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-faċilitajiet ġodda fin-Nursery tal-futbol tax-Xgħajra. Ser tinħareġ sejħa għall-offerti għal bini ta' dressing rooms u faċilitajiet oħra tal-Club.Ser isiru wkoll xi xogħlijiet ta' kostruzzjoni oħra minn ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet fl-istess perjodu, fl-istess sit.
Fl-istess lokalità saru xi xogħlijiet ta’
embellishment
mal-
promenade
fuq
street lighting
, fejn bdew jeħlu arbli ġodda tad-dawl.
Knisja ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun – xogħlijiet tar-restawr taz-zuntier
Question
Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-preparamenti fuq ix-xogħlijiet tar-restawr taz-zuntier ta’ isfel tal-Knisja ta’ Santa Katerina taż-Żejtun?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li beda l-proċess għas-sejħa tal-offerti li mistennija tiġi ppublikata għal Ġunju 2017. Ix-xogħol mistenni jibda kif pjanat, għal Novembru 2017.
San Ġwann – bini ta’ uffiċini tal-kunsill lokali, ġnien pubbliku u l-klabb tal-boċċi — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-preparamenti fuq ix-xogħlijiet f’San Ġwann għall-bini ta’ uffiċini tal-kunsilli lokali, ġnien pubbliku u l-klabb tal-boċċi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess tax-xogħlijiet ġie approvat mill-bord tal-Awtorità ta’ l-Ippjanar f’Jannar li għadda. Bdew il-preparamenti biex titlesta s-sejħa għall-offerti. Din is-sejħa għall-offerti tiġi ppublikata meta jkollna l-konferma li ġew provduti l-fondi neċessarji għal dan ix-xogħol.
Birżebbuġa – football ground u l-pitch tal-waterpolo — proġetti
Question
Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-proġetti tal-football ground ta’ Birżebbuġa u l-pitch tal-waterpolo u fiex jikkonsistu dawn iż-żewġ proġetti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif ġej:
Dawn iż-żewġ proġetti qed isiru skont kif assenjati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol taħt is-sorveljanza teknika, kordinament u proċessi tal-akkwist immexxija mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
Il-proġett tal-grawnd tal-futbol ta’ Birżebbuġa jikkonsisti f'bini ta' training ground ta' daqs 190 x 50 metru li fuqu tqiegħed turf artifiċjali u ġie fornut bi floodlights biex ikun jista' jintuża filgħaxija ukoll. Inbnew ukoll changing rooms u sala kbira taħt dan il-grawnd. Ix-xogħlijiet jinsabu fi stat avvanzat ħafna. Ix-xogħol li fadal isir huma xi rettifikazzjonijiet zgħar fil-bini. Dan mistenni jitlesta għal April 2017.
Il-proġett tal-pixxina ta’ Birżebbuġa kien jikkonsisti f’bini ta’ pixxina ġdida u ta’ Club House li fiha hemm ic-changing rooms, kamra tal-kumitat, gym u restaurant. Il-proġett jinsab fl-aħħar stadji tiegħu fejn qed jiġu mlestija xi żoni fil-Club House bil-ħsieb li jibda jintuża fix-xhur li ġejjin. Għad baqa’ xi xogħol ta’ rettifikazzjoni, li wara li saret talba mill-Klabb, ġie maqbul li dawn ix-xogħlijiet isiru wara li jagħlaq l-istaġun ta’ l-għawm għal din is-sena.
Għajnuna minn CSD għat-tindif fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-għajnuna li ngħatat mill-Cleansing Service Directorate (CSD) fejn jidħol tindif fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Kemm hi stmata li tiswa din l-għajnuna? Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-għajnuna fis-snin 2015 u 2016?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għat-Tindif jagħti għajnuna kontinwa matul is-sena kollha lill-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar.
Ta’ kuljum isir ġbir ta’ skart u knis ta’ toroq tul il-promenade kollha, l-pjazza ta’ Buġibba, Triq it-Turisti kif ukoll fiż-żona tal-Bus Terminus. Dan ix-xogħol isir ta’ kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd, is-sena kollha.
Apparti hekk jiġu offruti diversi servizzi ta’ emergenza f'kull ħin tal-ġurnata, ġbir ta’ annimali mejta kif ukoll ħasil ta’ toroq matul ix-xhur tas-Sajf.
Dan ix-xogħol huwa stmat li jiġi jiswa lid-Direttorat għat-Tindif iktar minn €200,000 fis-sena.
L-ispiża konnessa mal-lokalità fl-2015 kienet ta’ €183,365 filwaqt li matul is-sena 2016 ġiet tiswa €209,654.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet ta’ tindif hemm fejn jirrigwarda tindif ta’ bajjiet għal matul is-sajf li ġej?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li fil-ġranet li għaddew sar pjan estensiv sabiex titneħħa l-ammont ta’ alka rekord li telgħet fuq il-bajjiet ramlin fix-xhur li għaddew, b'konsegwenza ta’ diversi maltempati li laqtu lill-pajjiżna.
Dan ser isir bi pjan organizzat, u li ser ikun lest fil-ħin għal meta jibda l-istaġun tas-Sajf.
Iktar minn hekk din is-sena għall-ewwel darba il-ħaddiema kollha tas-sezzjoni tal-bajjiet ser ikunu qed jaħdmu b'shift.
Wara li kien sar proġett pilota, permezz ta’ introduzzjoni ta’ shift fil-bajja tal-Mellieħa matul is-sena li għaddiet, dan irriżulta fil-pożittiv u għalhekk ġie estiż dan il-proġett għal fuq il-bajjiet kollha ta’ pajjiżna.
Bħalissa ninsabu fil-fażi konklusiva tal-manutenzjoni ta’ slielem u għamara oħra tal-baħar, li matul din is-sena din l-infrastruttura sofriet madwar €25,000 permezz ta’ irjieħat qawwija li laħqu lill-pajjiżna.
Infakkar ukoll li matul is-sena li għaddiet sar investiment f'opra tal-baħar għall-ewwel darba, u dan ser ikun l-ewwel Sajf li din l-opra tal-baħar ser tkun qed tintuża mill-bidu tal-istaġun.
Ser jiżdiedu ukoll l-ammont ta’ kontenituri tal-iskart f'diversi bajjiet, sabiex il-pubbliku jkollu fejn jiddisponi mill-iskart tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu n-numru ta’ każijiet ta’ lmenti li rċieva l-Cleansing Service Directorate (CSD) matul l-2016? Kemm minn dawn ġew solvuti mill-:
a) CSD?
b) Kunsill Lokali?
c) entitajiet oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li matul is-sena 2016 ġew reġistrati 2,943 każ fid-Direttorat għat-Tindif.
Dawn ġew solvuti kif ġej :
Direttorat għat-Tindif 2,651
Kunsilli Lokali 137
Entitajiet oħra 57
In-numru ta’ każijiet li għadhom pendenti jammontaw għal 98. Fil-maġġor parti tagħhom dawn huma każijiet li jikkonċernaw żoni li s-sid tagħhom huwa l-privat. Nista’ ngħid li kollha qed jiġu segwiti u żgur li ser ikunu solvuti fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jelenka fuq il-preparamenti tax-xogħol fuq il-ground tal-Football propost f’Marsaskala u f’liema stadju waslu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġiet sottomessa l-applikazzjoni lill-Awtorita’ tal-Ippjanar u din ġiet rakkomandata għall-approvazzjoni mill-case officer. Il-każ instema’ mill-bord nhar it-28 ta’Frar, 2017. Sadanittant ġiet pubblikata is-sejħa għall-offerti u din għandha tagħlaq fis-7 ta’ Marzu 2017. Id-direttorat tal-PARKS beda l-proċess biex jaqla’ xi siġar affettwati mill-proġett u jinżergħu f’bnadi oħra amministrati minnu.
Jista’ l-Ministru jelenka fuq il-preparamenti tax-xogħol dwar il-funtana ta’ Tritoni fid-daħla tal-Belt Valletta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tar-restawr tal-funtana tat-Tritoni huwa proġett maħsub biex jerġa’ jagħti ħajja lill-funtana billi jsiru bosta xogħolijiet li kienu ilhom meħtieġa għal għexieren ta’ snin. Kien proprju f’din il-leġiżlatura li saru n-negozjati meħtieġa biex ix-xogħol li huwa maħsub jiswa’ EUR 4 miljun seta’ jinbeda.Huwa maħsub li jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.
F’din il-fażi x-xogħolijiet prinċipali jinkludu dan li ġej:
· Iż-żarmar u r-restawr tal-figuri tat-Tritoni u l-plattin, li infatti ġja’ ittieħdu fil-Fonderia Artistica Ferdinando Marinelli ġewwa Firenze, l-Italja. Hemmhekk tneħħielhom il-konkos li kien jimla’ parti mill-figuri u sar
sand blasting
fuqhom bħala parti mir-restawr. Bħalissa qed ikun mistħarreġ l-aqwa trattament għar-restawr tagħhom. Qed ikun esplorat ukoll l-aqwa metodu sabiex isir il-plattin li jserraħ fuq idejn it-Tritoni.
· Ir-restawr tat-travertin, li jifformaw id-dawra dekorattiva tal-funtana. Tali xogħol qed isir wara li sar ittestjar tal-aqwa formula maħsuba li taqla’ kimiċi minn mat-travertin li tul iż-żmien neħħew ħafna mis-sbuħija ta’ din il-funtana.
· Qiegħed isir ukoll it-tħammil meħtieġ fil-parti fejn qabel kien hemm il-latrina pubblika bil-għan li ssir
plant room
maħsuba li tagħti s-servizzi mekkaniċi u elettriċi lill-funtana permezz ta’
tunnel
li jgħaqqad il-plant room mal-funtana. Dan ix-xogħol qiegħed jitwettaq ukoll taħt il-ħarsien tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, bil-għan li x-xogħolijiet isiru f’rispett sħiħ lejn l-istrutturi ta’ valur storiku.
L-Inġinier Joseph Scicluna qiegħed iservi bħala Project Manager għal dan il-proġett u qed isir monitoraġġ kontinwu bil-għan li x-xogħol li jsir ikun wieħed li jilħaq il-kwalita’ mistennija u jsir fiż-żmien previst.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tax-Xatt tal-Qajjenza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol relatat max-xatt tal-Qajjenza f’Birżebbuġa jinsab fil-fażi ta’ l-implementazzjoni. Ix-xogħolijiet li għaddejjin bħalissa huma tqiegħid ta’ servizzi u kostruzzjoni ta’ bankini taħt is-supervizjoni ta’ Transport Malta. It-tieni fażi tal-proġett, man-naħa tal-bankina tal-bajja tinkludi f’pavimentar u ‘soft furniture’ li se tinbeda f’Ottubru ta’ din is-sena kif pjanat fil-programm ta’ xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu stmat li ngħatat għajnuna lill-kunsilli lokali fejn jidħol tindif fl-2016? Fiex kienet tikkonsisti din l-għajnuna?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li matul is-sena 2016, id-Direttorat għat-Tindif assista u għen lil diversi Kunsilli Lokali. Din l-għajnuna hi stmata li ġiet tiswa €1,472,736.
Din l-għajnuna kienet tikkonsisti f'diversi żoni ta’ tindif, provediment ta’ kontenituri tal-iskart u ġbir ta’ annimali mejta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabar skart matul l-2016 mill-ħaddiema tal-Cleansing Service Directorate (CSD)? Kif jikkompara dan l-ammont mas-snin preċedenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar sa Diċembru 2016, id-Direttorat għat-Tindif ġabar 15,700 tunellata ta’ skart minn diversi żoni madwar il-pajjiż.
Dan huwa 5% iktar mill-iskart li nġabar matul l-2015.
Dan juri biċ-ċar l-impenn tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, li jkompli jnaddaf diversi żoni madwar il-pajjiż li kienu abbandunati għal diversi snin.