Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9755 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jikkunsidra d-deċiżjoni li ħa l-Gvern li ż-żewġ ċentri tal-MCAST li kien hemm f’Għawdex għal dawn l-aħħar snin, u li kienu nfetħu mill-Gvern preċedenti, ma jieħdux post iċ-Ċentru tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, li hemm ġewwa Għajnsielem? Jaf il-Ministru li dan iċ-Ċentru kien ra tkabbir sostanzjali, tiġdid u immodernizzar kemm fil-bini tal-post kif ukoll f’xiri ta’ makkinarju u apparat addattat għaċ-Ċentru b’finanzjament qawwi mill-Unjoni Ewropea u b’riżultat ta’ dan kollu mijiet ta’ studenti Għawdxin kienu segwew korsijiet varji li dan iċ-Ċentru offra minn sena għal sena? Filwaqt li naqbel li wieħed jikkonsidra t-tkabbir tal-MCAST ġewwa Għawdex, però jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-pass għandux isir a skapitu ta’ proġett ieħor edukattiv li rnexxa kif jista’ jikkonferma kull minn żar dan il-post jew kull min kien student f’dan iċ-Ċentru, għaliex ir-rilokazzjoni taċ-Ċentru tal-Arti u l-Artiġjanat se jdgħajjef u mhux isaħħaħ dan iċ-Ċentru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kampus il-ġdid tal-MCAST f’Għajnsielem għandu jikkonsolida l-progress li sar fit-tagħlim vokazzjonali. Huwa ppjanat li t-taħriġ fis-snajja` u t-tagħlim vokazzjonali jiġi ffukkat f’dan il-Kampus biex isir Ċentru Vokazzjonali għal Għawdex.
It-tagħlim li kien isir f’Għajnsielem ser jiġi ri-organizzat ġewwa x-Xewkija biex jissaħħaħ it-tagħlim tal-Arti u ta’ ħiliet oħra mingħajr ma jiġu ddupplikati l-korsijiet fiż-żewġ entitajiet.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra d-deċiżjoni li ħa l-Gvern li ż-żewġ ċentri tal-MCAST li kien hemm f’Għawdex għal dawn l-aħħar snin, u li kienu nfetħu mill-Gvern preċedenti, ma jieħdux post iċ-Ċentru tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, li hemm ġewwa Għajnsielem? Jaf il-Ministru li dan iċ-Ċentru kien ra tkabbir sostanzjali, tiġdid u immodernizzar kemm fil-bini tal-post kif ukoll f’xiri ta’ makkinarju u apparat addattat għaċ-Ċentru b’finanzjament qawwi mill-Unjoni Ewropea u b’riżultat ta’ dan kollu mijiet ta’ studenti Għawdxin kienu segwew korsijiet varji li dan iċ-Ċentru offra minn sena għal sena? Filwaqt li naqbel li wieħed jikkonsidra t-tkabbir tal-MCAST ġewwa Għawdex, però jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-pass għandux isir a skapitu ta’ proġett ieħor edukattiv li rnexxa kif jista’ jikkonferma kull minn żar dan il-post jew kull min kien student f’dan iċ-Ċentru, għaliex ir-rilokazzjoni taċ-Ċentru tal-Arti u l-Artiġjanat se jdgħajjef u mhux isaħħaħ dan iċ-Ċentru.
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li ċertu pazjenti li għal dawn l-aħħar snin kienu qed jingħataw l-Botox b’xejn fin-Neuro Therapy Section tal-Isptar Mater Dei u issa dan l-aħħar fil-klinika fil-ward tan-Neurology, għadhom kemm ġew infurmati li din il-mediċina mhux se tibqa’ tingħata aktar b’xejn imma jridu jixtruha, u din l-injection partikolari hemm min se tiswielu €540 kull tliet xhur? Jekk dan huwa minnu jistgħu jsiru arranġamenti neċessarji biex il-Botox tibqa’ tingħata b’xejn għall-ġid tal-pazjenti li tant għandhom bżonnha?
Response (MIZZI, KONRAD)
L-użu tal-injezzjoni BOTOX f l-isptar se tipqa tingħata bla ħlas għall-kundizzjonijiet li ġejjien skont il-protocol numru 21. Blefarospażmu, Spażmu hemifacial, Torticollis spażmodika, Disfunzjoni tal-bużżieqa tal-awrina b’konsegwenza t’inkontinenza rikorrenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-budget approvat f’April 2013 għad-dipartimenti kollha u l-kumpaniji li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid b’kemm ġie imnaqqas f’kull kumpanija u f’kull dipartiment u x’inhi r-raġuni għal dan it-tnaqqis?
Response (REFALO, ANTON)
Ghandi pjacir ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li kien hemm żieda kemm fil-Vot Rikurrenti u kif ukoll f'dak Kapitali li kienet tammonta għal €227,000 u €921,000 rispettivament.
Jista’ l-Ministru jgħid liema mill-membri l-ġodda tal-bord ta’ Heritage Malta maħtura dan l-aħħar mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u Gvern Lokali, huwa nominat mill-Ministeru għal Għawdex, u dan peress li fil-Heritage Malta Act f’sezzjoni 9 (1) hemm speċifikament miktub li wieħed mill-membri ta’ dan il-bord irid ikun nominat mill-Ministeru għal Għawdex?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna maħtura fuq il-bord ta’ Heritage Malta nominat mill-Ministeru ta Għawdex skont l-Heritage Malta Act huwa s-Sur Peter Muscat.