Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #28860 Sitting 622 2001-10-22 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-aħħar sitt xhur, kemm -il darba kienet bil-ħsara u kemm damet bil-ħsara l-magna li tagħmel testijiet dwar Beta Human Chorione Gonadotrophin? Jekk għada bil-ħsara, meta huwa mistenni li tiġi msewwija? Meta pazjent mill-Isptar San Luqa jintbgħat jagħmel testijiet fil-privat, jew għaliex ma jkunx hemm magna li tagħmel dak it-test partikolari jew għaliex din tkun bil-ħsara. Il-Gvern huwa obbligat jew li jħallas jew jirrifondi dawn l-ispejjeż li jkunu saru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

F'Awissu 2001 inbidlet is-sistema li biha jinħadem il-BHCG. Sas-17 ta` Ottubru għadhom ma bdewx jinħarġu riżultati għaliex il-"Quality Control" kien qed jagħti riżultati mhux attendibbli. Għaldaqstant u sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet fuq il-proċess u jiġu korretti u kalibrati l-istrumenti, it-testijiet ma jistgħux jinħarġu. Għandna kuntratt li permezz tiegħu nistgħu nibgħatu testijiet biex isiru barra minn Malta. Il-Gvern iħallas direttament hu l-ispejjeż involuti, meta pazjenti ta` l-Isptar San Luqa jintbagħtu fil-privat bl-approvazzjoni ta` Awtorita` ta` l-Isptar stess. Ma hemm ebda obbligu li l-Gvern iħallas jew jirrifondi l-ispejjeż li jkun għamel il-pazjent meta dan ikun mar minn jeddu.
Leg 9 PQ #27071 Sitting 571 2001-07-05 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-viżita tal-Kmandant Montanaro fiċ-Ċina? Jista' jgħid jekk sarx xi ftehim partikolari dwar l-armati taż-żewġ pajjiżi, armamaenti, jew taħriġ fil-kamp militari? Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jkun il-follow-up ta' din il-vista?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta ġie mistieden biex iżur iċ-Ċina mill-Kmandant tal-Forzi Armati taċ-Ċina. Ġie milqugħ mill-istess Kmandant kif ukoll mill-Ministru tad-Difiża. Huwa żar stakkamenti tal-Armata, Forza tal-Ajru u Bażi Navali. Ġie ffirmat ftehim bejn iż-żewġ Kmandanti fejn iċ-Ċina għamlet għotja ta’ RMBs tlett miljun ekwivalenti bejn wieħed u ieħor għal mija u ħamsin elf lira Maltija li jistgħu jintużaw biex jinxtara materjal għall-Armata miċ-Ċina. Waqt iż-żjara kollha l-Kmandant tal-Forzi Armati kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Malti fiċ-Ċina.
Leg 9 PQ #26854 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Platoons

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jikkonfermax li d-D Company fl-armata, suppost li hija komposta minn tlett platoons? Jikkonferma li bħalissa din il-company fiha biss platoon wieħed? Jista' jispjega għaliex? Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li din il-kumpanija hemm ħsieb li tiġi xolta u/jew tiġi magħquda mas-C Company? Jista' jispjega għaliex?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li meta jidħlu r-rekluti l-ġodda fix-xhur li ġejjin numru minnhom ser jingħaqdu sew mall-Kumpannija C u kif ukoll mad-D.
Leg 9 PQ #26855 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Security

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jikkostitwix konflitt ta' interess li jkollok Kaptan fl-Armata li ismu qiegħed ngħaddiħ b'mod privat, li għandu interess dirett f'agenzija tas-security? X'passi jistgħu jittieħdu jekk investigazzjoni turi li dan huwa l-każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li minn investigazzjonijiet li saru s’issa, jirriżulta li l-uffiċjal imsemmi m’għandu l-ebda interess dirett f’aġenzija tas-“security”.
Leg 9 PQ #26856 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Peace Keeping

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li bħalissa fl-armata qed isir kors ta' Peace Keeping? Għaliex dan tqassar u flok fuq medda ta' sitt ġimgħat qed sir fuq medda ta' erba' ġimgħat? Kif intgħażlu n-nies biex jagħmlu dan il-kors? Jikkonferma li kien hemm min ma riedx jagħmlu u kellu jidher quddiem kurunell tal-first regiment u ġie mhedded li jekk ma jaċċettax jiġi mitfugħ fiċ-ċella?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-kors ta’ “Peacekeeping” li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant intemm b’suċċess fil-15 ta’ Ġunju 2001. Bħall-kors ta’ qablu, dan il-kors kien organizzat u mmexxi minn “instructors” tal-Missjoni Militari Taljana. Dan il-kors tnaqqsulu xi moduli jew għax is-suldati li attendew għalih kienu diġà midħla tagħhom jew għax fil-futur ser isir kors speċifiku fuqhom. Ninsab infurmat li tlett suldat oriġinarjament wrew li ma xtaqux jagħmlu kors, iżda dawn fil-fatt attendew u spiċċaw il-kors b’suċċess. Infurmat ukoll li f’kors bħal dan suldat jitgħallem ħiliet li jiffurmaw parti integrali mill-rwol tiegħu u li hi prattikka normali f’organizazzjoni militari li taħriġ bħal dan ma jkunx offrut fuq bażi voluntarja.

Trust Training Consultant

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 25566, jista' jgħid x'inhi l-funzjoni ta' trust training consultant li ġie impjegat taħt id-dekasteru tiegħu fil-18.02.01 migħajr applikazzjoni. X'inhu x-xogħol tiegħu? Għaliex ma saritx call for application? Kif jaf il-Ministru li f'pajjiżna ma kienx hawn ħadd li għandu l-kwalifiki meħtieġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kliem "Trust Training Consultant" fit-Tabella li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 554 bi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25566, kellhom jinqraw "Position of trust - Training Consultant". Il-persuna li jiena rriferejt għaliha fit-tweġiba ghal mistoqsija supplimentari, hi fil-fatt, persuna oħra (kunsulent Olandiż) mqabbda b'kuntratt biex tagħmel analiżi u rapport speċifiku dwar il-qasam tad-drogi. Il-persuna li ġiet impjegata ma' l-Aġenzija Appoġġ bħala konsulenta full-time, għandha r-rwol li torganiżża taħriġ relatat ma' żvilupp ta' servizzi lill-persuni b'diżabilita' u biex tissapportja grupp ta' professjonisti u ħaddiema oħra fil-qasam tas-servizzi ta' matul il-jum lil dawn il-persuni. Din il-persuna ġiet fdata li tagħmel care and training plan għal kull persuna b'diżabilita' li tattendi ċ-ċentri ta' taħriġ. Dan jinvolvi aspetti serji ta' kunfidenzjalita' dwar l-informazzjoni personali ta' dawn il-klijenti li jiġu f'kuntatt ma' din il-persuna. Kien għalhekk li l-Aġenzija ħasset li din il-persuna kellha tkun waħda ta' fiduċja kemm għall-klijenti kif ukoll għall-organiżżazzjonijiet, inkluż dawk volontarji, impenjati fil-qasam tad-diżabilita' f'pajjiżna. L-ingaġġ sar mingħajr sejħa għall applikazzjonijiet skond kif provdut f'artiklu 15 (1) ta' l-Att dwar is-Servizzi ta' Impjieg u Taħriġ, għax il-post li kellu jimtela kien ikkunsidrat li jirrikjedi fiduċja speċjali (position of trust). Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li ġiet impjegata hi Maltija li tgħix hawn Malta u għandha aktar minn tletin sena esperjenza f'xogħol dirett ma' persuni b'diżabilita'.
Leg 9 PQ #26465 Sitting 554 2001-06-18 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija f'Pariġi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie mġedded tal-persuna li d-dettalji qed jintbagtu separatament li hija impjegata bħala locally engaged ma l-Ambaxxata Maltija f'Pariġi. Jikkonfermax li l-ewwel kuntratt kien suppost biex jiġi koprut iż-żmien tal-presidenza Franċiża ta' l-UE? X'kienu r-raġunijiet li għalihom ingħata kuntratt ġdid għal sena oħra? X'vantaġġi jieħu l-Ministeru meta jimpjega lil xi ħadd bħala locally engaged u fl-istess ħin iċaħħad post lil impjegat fis-servizzi diplomatiku f'Malta milli jokkupa huma dan il-post?

Response (BORG, JOE)

M'hemm l-ebda mpjegat ma` l-Ambaxxata Maltija f'Parigi bid-dettalji pprovvduti mill-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant nassumi illi l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal persuna indikata fil-kuntratt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, li kif diġa għidt fit-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Numru 21072 ġiet impjegata biex tagħmel xogħol relatat ma` l-Unjoni Ewropeja matul il-Presidenza Franċiża u anke xogħol f'oqsma oħra fosthom affarijiet marittimi, kummerċjali u oħrajn b'dimensjoni legali. Il-persuna indikata ngħatat kuntratt gdid għal terminu ta` sena b'effett mill-1 ta` Jannar, 2001 għar-raġunijiet li qed insemmi hawn taħt: (a) il-ħtieġa ta` kuntratti kontinwi ma` l-Ambaxxaturi ta` pajjiżi ta` pajjiżi kandidati għall- Unjoni Ewropeja minħabba l-kanditatura ta` Malta kif ukoll l-importanza li Franza għandha fil-Unjoni Ewropeja; (b) zieda fix-xogħol bilaterali ma` Franza wara tisħiħ fir-relażżjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, kemm fil-qasam politiku kif ukoll f'oqsma oħra, bħal kummerċ u kultura; (c) ħidma akbar fi ħdan l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali bħal OECD, EUTELSAT u CIHEAM, bil-għan li r-rapprezentazzjoni ta` Malta tkun aktar magħrufa. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, il-Ministeru jieħu in konsiderazzjoni il-ħtieġa partikolari ta` l-ambaxxati meta jkun ser isir impjieg ta` locally engaged personnel u jkun sodisfatt li dan l-impjieg isir fl-aħjar interess ta` l-ambaxxata konċernata.

Casual Cleaners

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm casual cleaners fis-settur tas-saħħa? Jista' jgħid kemm il-siegħa qegħdin jaħdmu bħala average? Hemm xi ħsieb li dawn il-casual cleaners isiru tal-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' Casual Cleaners fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani hu ta' 24. Dawn jaħdmu medja ta' 40 siegħa fil-Ġimgħa. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn il-ħaddiema qiegħdin jiġu eżaminati.
Leg 9 PQ #25282 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru tas-Saħħa

Tryprizol Syrup

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għal dawn l-aħħar erba' xhur ma ġietx fornuta l-mistura Tryprizol Syrup mill-ispiżeriji tal-Gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ilhom għal din l-aħħar sena jiltaqgħu mal-problemi rigward ix-xiri ta` Tryprizol Syrup. Għalkemm id-Dipartiment ħareġ tender, ma kien hemm l-ebda offerta aċċettabbli. Is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern qegħdin jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jinstab stokk aċċettabbli.
Leg 9 PQ #25853 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Mina taħt l-Art

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'jisimha l-kumpanija li qed tagħmel il-proġett tal-mina ta' taħt l-art li twassal mill-power station ta' Delimara għal power station tal-Marsa? Kemm huwa stmat li ser iqum dan il-proġett? Kemm huwa stmat li se jdum biex jitlesta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kumpanija li qed tħaffer il-mina li mill-power station ta' Delimara twassal għall-post magħruf bħala r-"Refuse Disposal Centre" tal-Marsa hija Rockcut Limited li rebħet il-kuntratt wara sejħa pubblika. Skond il-kuntratt li jiswa Lm2,068,3229, ix-xogħol mistenni li jieħu sentejn biex jitlesta.
Leg 9 PQ #25854 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru tas-Saħħa

Casual Cleaners

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm casual cleaners fis-settur tas-saħħa? Jista' jgħid kemm-il siegħa qegħdin jaħdmu bħala average? Hemm xi ħsieb li dawn il-casual cleaners isiru tal-post?

Response (DEGUARA, LOUIS)

M'għandix x'inżid mat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru 23906.
Leg 9 PQ #25688 Sitting 537 2001-05-14 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Scholarship

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel Maastricht, waħda mir-research officers tal-MIC li isimha qiegħed jingħata taħt separate cover? Jekk din l-impjegata qiegħda fuq scholarship, jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet għall-pubbliku din is-sejħa għall-għażla għal dan l-ischolarship? Post din ir-research officer se jintela minn xi ħadd ieħor? Jekk iva, se ssir call for application għal din l-għażla?

Response (BORG, JOE)

Il-persuna li għaliha qed jagħmel referenza l-Onorevoli Interpellant qegħda seconded mal-European Institute for Public Administration għal perjodu ta' sena w nofs. Din intagħżlet wara sejħa għall-applikazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Peress li kienet saret call for applications għal research officer u r-riżultat tal-istess call kien għadu validu, intgħażlet il-persuna biex timla il-post li għalhekk ġie vakant li kien imissha skond l-istess riżultat minn fost dawk li kienu għaddew.
Leg 9 PQ #25571 Sitting 536 2001-05-07 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Miżuri Dixxiplinari

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil Kamra x'passi jew miżuri dixxiplinari qiegħed jieħu l-ambaxxatur fi Brussels jew il-permanent segretary fil-ministeru, fil-konfront ta' persuna, membru ta' l-istaff diplomatiku fl-ambaxxata ta' Brussels under separate cover li skond rapporti li għandi jfalli regolarment mid-doveri tiegħu u li mhux jagħmel dak li huma d-duties li suppost jagħmel?

Response (BORG, JOE)

L-Ambaxxatur fi Brussell jinforma li l-istaff diplomatiku kollu fl-ambaxxata ta' Brussell jaqdi d-doveri tiegħu b'mod li hu jqis soddisfaċenti ħafna, u li ma hemm l-ebda każ ta' xi ħadd li mhux qed jagħmel id-"duties" li suppost jagħmel.
Leg 9 PQ #25572 Sitting 536 2001-05-07 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

Arbli quddiem il-Palazz

Question

Fl-isfond tal-ħidma li qiegħda ssir biex il-Belt Valletta tingħata l-ħajja u anke tingħata dehra isbaħ u aħjar, jista' l-Ministru jara li l-arbli li hemm fuq il-palazz li fuqhom jittajjru l-bnadar tal-President u dik ta' Malta jingħataw passata żebgħa biex ma jibqgħux żdingati u mibruxin kif inhuma bħalissa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tlabt lid-Dipartiment konċernat jieħu l-passi meħtieġa.
Leg 9 PQ #25596 Sitting 536 2001-05-07 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC

Question

Jista' l-Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 23659?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li kien hemm 1,620 persuna li ġew provduti bis-servizz ta' l-ilma skond l-Avviżi Legali numri 57 u 213 ta' l-1998. Dawn il-persuni ġew mitluba jħallsu l-ammont ta' Lm124,766 għas-servizz skond l-Avviż Legali numru 58 ta' l-1999.
Leg 9 PQ #25621 Sitting 536 2001-05-07 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

UE

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 25284, peress li l-iskop tal-mistoqsija kien biex isir magħruf il-kontenut ta' dikjarazzjonijiet u stqarrijiet magħmula li magħhom assoċja ruħu l-Gvern Malti u allura mhux il-każ li ngħid ta' liema dikjarazzjoni jew stqarrija irrid kopja, ma jaħsibx il-Ministru li biex nagħmel hekk l-ewwel għallinqas għandu jagħtini lista ta' dawn l-istqarrijiet u dikjarazzjonijiet u jgħid dwar x'hiex jittrattaw? Jista' l-Ministru jipprovdi din il-lista? Jaħsibx l-Ministru li jkun għaqli jekk kopji ta' statements u dikjarazzjonijiet bħal dawn jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod regolari appena jkunu saru?

Response (BORG, JOE)

L-Onorevoli Interpellant japprezza li d-dikjarazzjonijiet u stqarrijiet li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra in konnessjoni mal-Mistoqsija Parlamentari msemmija huma voluminużi kif jidher mill-lista mqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta numru 534 u għalhekk ikun jinvolvi xogħol massiv li jsiru kopji multipliċi tagħhom. Il-listi preżentati jagħtu, permezz tat-titli elenkati, indikazzjoni komprensiva biżżejjed dwar il-materja trattata fid-dikjarazzjonijiet u stqarrijiet. Kopja tat-test innifsu tista tiġi pprovduta lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex kull min ikun interessat ikun jista jara t-test tad-dikjarazzjonijiet u stqarrijiet li jkunu jinteressawhom. Inoltre jkun possibbli li perjodikament titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dikjarazzjonijiet u stqarrijiet magħmula fil-frattemp u kull darba kopja tat-test innifsu tiġi mgħoddija lill-Iskrivan tal-Kamra.
Leg 9 PQ #25481 Sitting 535 2001-05-02 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Parlament Ewropew

Question

Qrib l-aħħar tax-xahar ta' Marzu, il-kumitat ta' l-Affarijiet Kostituzzjoniali tal-Parlament Ewropew organizza laqgħa fi Brussels mar-rappreżentanti tal-Parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi membri u ta' dawk il-pajjiżi applikanti għas-sħubija biex jaqsmu flimkien ir-reazzjonijiet tagħhom għat-Trattat ta' Nizza u jiddiskuti l-proċess li jrid jitwettaq warqa Nizza? Jista' jgħid jekk Malta, ossia l-Parlament Malti kienx mistieden għal din il-laqgħa. Jekk intbgħatx xi ħadd għal din il-laqgħa? Min kien? X'pozzizjonijiet ħa f'isem Malta? Għaliex ma ntbgħatitx rappresentanza tal-Parlament Malti bħal ma jsir fid-delegazzjoni li tatendi l-laqgħat tal-COSAC?

Response (BORG, JOE)

Ġaladarba jien infurmat li l-istedina li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant saret lill-Parlament Malti, nitlob lill-istess Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Mr Speaker
Leg 9 PQ #25282 Sitting 534 2001-04-30 Oral · Interim From: GEORGE VELLA To: Ministeru tas-Saħħa

Tryprizol Syrup

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għal dawn l-aħħar erba' xhur ma ġietx fornuta l-mistura Tryprizol Syrup mill-ispiżeriji tal-Gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #25283 Sitting 534 2001-04-30 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Dikjarazzjonijiet tal-U.E.

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura segwita meta l-Gvern Malti jiġi miktub jassoċja ruħu ma' dikjarazzjonijiet tal-U.E.? Kemm jingħata żmien minn mindu jirċievi d-dikjarazzjoni, sakemm jintalab jiddikjara jassoċċjax ruħu jew ma dikjarazzjoni partikolari? Meta jsiru statement f'fora internazzjonali bħal Ġnus Magħquda, il-Gvern Malti jkun infurmat bil-quddiem bit-text ta' dawn l-istatements?

Response (BORG, JOE)

It-talba sabiex Malta tassoċja ruħha ma' dikjarazzjoni jew statement tal-U.E. fil-kuntest tal-politika barranija tiġi riċevuta mid-Direttorat għall-Unjoni Ewropea li jieħu ħsieb li, sa fejn u kif meħtieġ, isiru l-konsultazzjonijiet interni neċessarji, qabel ma tintbgħat tweġiba dwar jekk Malta tisseħibx jew le mal-pożizzjoni msemmija. (Fil-każ tal-OSCE, billi t-terminu ta' żmien li jingħata huwa kemm il-darba qasir ħafna, it-test jiġi referut lid-Direttorat mir-rappreżentant Malti għall-OSCE fi Vienna f'każ ta' diffikulta jew dubju). Iż-żmien li jingħataw l-pajjiżi assoċjati biex jagħtu tweġiba jvarja minn sigħat għal ġranet skond fatturi bħal pressjoni ta' ħin, il-materja konċernata u l-organiżazzjoni internazzjonali fejn tkun sejra tittieħed il-pożizzjoni. Meta jsiru stqarrijiet f'fora internazzjonali bħal Ġnus Magħquda, il-Gvern Malti jkun infurmat bil-quddiem bit-test ta' dawn l-istqarrijiet bil-mod kif għadni kif indikajt.
Leg 9 PQ #25284 Sitting 534 2001-04-30 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

UE

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tad-dikjarazzjonijiet u statements magħmulin mill-U.E. li għalihom ta l-approvazzjoni tiegħu u li assoċja ruħu magħhom il-Gvern Malti, matul l-aħħar sitt xhur?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba li t-testi tad-dikjarazzjonijiet u stqarrijiet mitluba huma, meta meħuda fit-totalita, voluminużi; qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi tal-pożizzjonijiet li magħhom Malta assoċjat ruħha mill-1 ta' Ottubru 2000 sas-26 ta' April 2001. Il-listi, jibdew mill-pożizzjonijiet l-aktar riċenti, huma mqassmin kif ġej: A. Dikjarazzjonijiet maħruġa mis-Segretarjat tal-Kunsill fi Brussell B. Stqarrijiet magħmula fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York C. Stqarrijiet magħmula fin-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra D. Stqarrijiet magħmula f'organiżżazzjonijiet internazzjonali fi Vjenna, prinċiparjament fl-OSCE. Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq jkollu kopja ta' xi dikjarazzjonijiet jew statements partikolari nitolbu jindika liema sabiex dawn jiġu provduti lilu.