Jista' l-Ministru jgħid hux minnu li għall-okkażjoni tal-laqgħa għall-awguri ta' l-ewwel tas-sena, li saret f'Jannar li għadda, il-ministeru kera karozza bix-xufier ukoll lis-segretarju permanenti, meta dan diġa' għandu għas-servizz tiegħu żewġ karozzi oħra tal-gvern, u xufier full time? Kemm ġie jqum dan is-servizz lill-Ministeru?
Response (BORG, JOE)
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ma jagħmilx użu minn żewġ karozzi tal-Gvern. Huwa għandu karozza waħda uffiċċjali li nxtrat taħt it-termini tal-kuntratt li għandu għall-kariga li jokkupa, kif ukoll l-użu ta' sewwieq meta jkun hemm il-htçġa għal dan. Lanqas huwa minnu li nkriet karozza bix-xufçr għall-okkazjoni ta' l-għoti ta' l-awguri ta' l-Ewwel tas- Sena. Anzi, jiena nfurmat illi, f'din l-okkazjoni partikolari, is-Segretarju Permanenti saq huwa stess il-karozza uffiċċjali sal-Palazz, il-Belt u lura.
Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba minni f'mistoqsija parlamentari nru. 32796, u li l-ministru wiegħed li qiegħed jiġbor biex tingħata f'seduta oħra?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Inżid ngħid illi l-uffiċċjali li jservu fl-Ambaxxati Maltin huma ntitolati għall-home leave skond kif ipprovdut fil-Conditions of Service for Officers Serving Overseas. L-ispejjeż tal-vjaġġi meta jittieħed il-home leave jitħallsu minn fondi pubbliċi skon l-istess Conditions of Service for Officers Serving Overseas.
Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba f'mistoqsija parlamentari nru. 32817, liema informazzjoni qal li qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba minni f'mistoqsija parlamentari nru. 32789 peress li kien wiegħed li risposta tingħata f'seduta oħra?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-perjodu minn Jannar 2001 sa April 2002. Sadattant, qed jinġabar it-tagħrif mitlub għall-perjodu ta' bejn April 2000 sa Diċembru 2000, lçma tagħrif jitqçgħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba minni f'mistoqsija parlamentari 32813 liema mistoqsija ġiet imwieġba "Risposta tingħata f'seduta oħra"?
Response (BORG, JOE)
Sal-15 ta' April ta' din is-sena l-MIC kienet timpjega għoxrin persuna, li minnhom tnax jaħdmu full-time. It-tmien ħaddiema part-time kollha jaħdmu fuq sistema ta' roster fl-uffiċċju ta' Għawdex, u jirċievu LM3.00 fis-siegħa għas-servizzi li jagħtu.
Disa mit-tnax il-impjegat tal-MIC li huma full-time jaħdmu sahra bi ħlas. Kull xahar il-MIC tħallas LM8,200.19 f'pagi, allowances u sahra.
Il-kundizzjonijiet ta' xogħol ta' l-impjegati tal-MIC huma mxandra fis-sejħa għall-applikazzjonijiet ta' ingaġġ relattiva u l-kuntratti ta' xogħol ġew konklużi u ffirmati mill-ħaddiema konċernati. Għalhekk ma nifhimx għaliex l-Onorevoli Interpellant qed jappella biex lil dawn l-impjegati 'inserrħulhom rashom'.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar fiex waslet l-inkjesta interna li għamilt mistoqsija dwarha f'mistoqsija parlamentari nru. 32707? Jekk tlestiet, x'kien l-eżitu? Jekk għadha mhijiex lesta, kemm huwa mistenni li ddum sejra?
Response (BORG, JOE)
Il-Bord Investigattiv, li twaqqaf fil-Ministeru biex jistħarreġ dwar is-somma ta' flus li ngħatat għal skop ta' safra uffiċċjali li baqgħet ma seħħitx, kif għarraft lill-Onorevoli Interpellant fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32707, issottometta r-rapport finali tiegħu. Il-Ministeru issa qed jieħu il-passi meħtieġa biex isegwi l-konklużjonijiet milħuqa fl-istess rapport u b'hekk il-kont relattiv jingħalaq ma jdumx.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li kienet impjegata bħala promotional officer (research assistant) fl-Ambaxxata ta' Malta fi Franza, għadhiex jew le impjegata ma' l-ambaxxata?
Response (BORG, JOE)
Il-persuna indikata mill-Onorevoli Interpellant m'għadhiex impjegata ma' l-Ambaxxata Maltija f'Pariġi sa minn Jannar ta' din is-sena.
Wara li l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari tiegħi nru. 32821 kien wieġeb li "risposta tingħata f'xi seduta oħra", ma jaħsibx li għadda żmien biżżejjed biex tingħata risposta?
Response (BORG, JOE)
Matul dawn l-aħħar tlett snin jiġifieri fil-perjodu mill-15 t'April 1999 sa l-14 t'April 2002, saru erbgħa u disgħin (94) riċeviment mill-Ambaxxati u Kummissjonijiet Għolja kollha Maltin bi spiża ta' LM40,455.19 li minnhom l-ispiża fuq ikel u xorb kienet LM32,373.13. In-numru ta' ikliet u riċevimenti li saru fir-residenzi ta' l-Ambaxxaturi jew Kummissarji Għolja kienu mija u ħdax (111) u tnejn u sittin (62) rispettivament bi spiża ta' LM9,319.88 u LM14,879.55 f'kull każ.
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni ta' meta s-substation ta' Pjazza Santu Rokku li d-dipartiment ta' l-edukazzjoni applika għaliha, se ssir peress li din l-urġenza qegħda tinħass l-aktar minħabba l-vultaġġ baxx li hemm fl-inħawi l-aktar fl-iskola primarja, jista' jindika jekk il-kamra li hemm f'din il-pjazza u li tintuża ħafna mill-anzjani Għaxqin hux se terġa ssir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għadha qiegħdha tistenna li l-applikazzjoni minnha sottomessa tiġi approvata mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar.
La darba din tiġi approvata, titħejja s-sejħa għall-offerti relattiva u jkun jista' jinbeda x-xogħol.
Fil-pjanta kif proposta l-kamra imsemmija mill-Onor. Membru hija nkorporata u għaldaqstant tkun tista' tintuża mill-anzjani Għaxqin.
Peress li f'żewġ mistoqsijiet preċedenti l-Ministru jidher li ried jevita li jirrispondi, u maħsub li qed jilgħab fuq differenza bejn makna u reattur fuq meta fil-fatt intalab u ngħata permess, jista' l-Ministru jgħid jekk
1 sottomarin Ingliż li daħal Malta dan l-aħħar kienx jaħdem bl-enerġija nukleari?
2 jagħti bid-dettal x'miżuri ttieħdu biex il-poplu Malti u l-ambjent jiġu ssalvagwardati kontra kull forma ta' periklu li sottomarini bħal dan jistgħu jagħmlu fostna?
Response (BORG, JOE)
Nassigura lill-Onorevoli Membru illi mhux l-istil tiegħi li nagħti risposti evażivi. Anzi, nipprova li nagħti l-informazzjoni kollha mitluba minni, mingħajr ekwivoċi u bla ħabi. Anki fir-risposti tiegħi għaż-żewġ domandi preċedenti li għamilli dwar il-permessi li ntalbu u ngħataw bejn Jannar u Ġunju 2002, mill-Gvern Malti sabiex bastimenti navali jżuru pajjiżna kont ċar u eżawrjenti biżżejjed. F'din l-aħħar mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant jirriżulta li huwa kien qiegħed jistad għas-sottomarin Ingliż li kien żar Malta f'Novembru 2001. Ma inkludejtx dan is-sottomarin fir-risposti tiegħi preċedenti ġaladarba li l-mistoqsijiet relattivi kif għedt fuq, kienu jirrigwardaw permessi mitluba u mogħtija bejn Jannar u Ġunju 2002 waqt li l-permess għas-sottomarin Ingliż kien ingħata fl-2001. Għalhekk ir-raġuni li ma inkludejtx dan is-sottomarin ma kienetx għax ridt nevita li nirrispondi jew għax ridt nilgħab bid-differenza bejn magna u regattur, kif jinsinwa skorrettement l-Onorevoli Interpellant.
Is-sottomarin Ingliż li żar Malta f'Novembru 2001 jaħdem b'enerġija nukleari. Dettalji ta' din iż-żjara ngħataw mill-media lokali ta' dak iż-żmien, u ma kienux nżammu mistura. Intenni dak li għidt qabel, jiġifieri illi hija prassi li jittieħdu prekawzjonijiet kontra l-possibilita' ta' tniġġiż u periklu minn bastimenti li jkunu jżuruna, huma ta' liema xorta huma. Anki dakinhar hekk sar. Dan ma jfissirx, iżda, illi l-awtoritajiet kompetenti m'hummiex qegħdin jaraw kif itejjbu l-faċilitajiet li jippossjedu u jkomplu jħarrġu lin-nies ħalli jkunu aktar ippreparati għal kull eventwalita.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bejn Jannar 2002 u Ġunju li ġej, ngħatawx permessi biex jidħlu fl-postijiet jew ibħra interni tagħha, bastimenti navali, ta' kwalita jew oħra, li jaħdmu b'enerġija nukleari, jiġifieri il kellhom fuqhom reattur jew reatturi nukleari?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'passi ttieħdu, u x'tip ta' kooperazzjoni seħħet biex tiġi ssalvaġwardata s-saħħa tal-poplu u jiġi ċertat xi tniġġiż ta' l-ambjent?
Response (BORG, JOE)
S'issa ma saret ebda talba sabiex bastimenti navali, li jaħdmu b'enerġija nukleari, jidħlu Malta jew fl-ibħra territorjali tagħha bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena.
Fil-każ ta' żjarat simili, il-Gvern jara li, fejn ikun hemm il-ħtieġa, jittieħdu prekawzjonijiet biżżejjed u adegwati sabiex s-saħħa taċ-ċittadini tiġi salvagwardjata u l-ambjent ma jitniġġisx.
Jista' l-Ministru jgħid fl-isfond tas-sitwazzjoni prekarja tal-finanzi tal-Gvern, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jinfetħu ambaxxati ġodda? Jekk iva, fejn ser jinfetħu u kemm se tkun l-ispiża pubblika?
Response (BORG, JOE)
Filwaqt li ma naqbel xejn ma l-asserzjoni infondata u gratwita magħmula mill-Onorevoli Interpellant dwar is-sitwazzjoni tal-finanzi tal-Gvern, nixtieq ngħid li, kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, deċiżjonijiet dwar fejn u jekk għandhomx jinfetħu ambaxxati ġodda Maltin barra minn Malta jittieħdu fid-dawl tal-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn Malta u pajjiżi oħra. Dan il-Gvern jipprova jassigura li ta' l-anqas ambaxxata waħda ġdida tinfetaħ kull sena. Fis-sena 1999, infetħet dik ta' Stokkolma, u fis-sena 2000 infetħet dik ta' Ateni u s-sena l-oħra nfetħet l-ambaxxata f'The Hague. F'nofs din is-sena ser tinfetaħ ambaxxata ġdida f'Copenhagen.
Fil-bidu, sakemm ambaxxata ġdida titwaqqaf sew fus saqajha, l-ispiża tkun xi ftit ogħla. Mill-banda l-oħra, din l-ispiża, u l-ispiża rikorrenti biex tinżamm ambaxxata mhux kullimkien l-istess. F'dak li jirrigwardja l-estimi għas-sena 2002 fl-ispiża rikorrenti għall-ambaxata ta' Stokkolma, il-Ministeru din is-sena alloka l-ammont ta' LM 127,593 għal dik ta' Ateni alloka LM 92,705 u għal dik ta' The Hague l-ispiża mistennija tilħaq LM 148,849.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali fi ħdan il-Ministeru jew li qed iservu f'xi Ambaxxata Maltija li ġew imwissija uffiċjalment mis-superjuri tagħhom matul l-aħħar tliet snin? Jekk ma jistax isemmi l-ismijiet għal raġuni ovvja, jista' l-Ministru għallinqas jgħid dwar hiex ġew imwissijja uffiċjalment?
Response (BORG, JOE)
Matul l-aħħar tlett snin ma kien hemm l-ebda każ fejn uffiċċjali fil-Ministeru jew f'xi ambaxxata Maltija ġew imwissija uffiċjalment mis-superjuri tagħhom. Inżied ngħid li kien hemm każ ta' mpjegat li ngħata ċanfira taħt ir-regolament 18 tar-Regolamenti tal-1999 tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina) għal insubordinazzjoni.
Ambaxxati/Kummissjonijiet Għolja Maltin — Riċevimenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru riċevimenti u kemm kienet l-ispiża ta' dawn ir-riċevimenti li saru mill-Ambaxxati/Kummissjonijiet Għolja Maltin matul dawn l-aħħar tlett snin? Kemm intefqu flus fuq ikel u xort għal dawn ir-riċevimenti? Kemm saru ikliet u riċevimenti mill-Ambaxxaturi / Kummissarji Għolja Maltin fir-residenzi uffiċjali matul dawn l-aħħar tliet snin u kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-funzjonijiet?
Jista' l-Ministru jinforma lil-Kamra jekk matul dawn l-aħħar tmintax-il xahar jew aħjar sa mill-bidu tal-ġlied fil-Lvant Nofsani inkluż l-Intifada Palestinjana, sarux xi inizjattivi diplomatiċi tal-Gvern Malti li bihom saru proposti għall-paċi fir-reġjun?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern Malti qed isegwi mill-qrib u anke bi preokkupazzjoni is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, partikolarment fl-isfond taż-żieda fil-vjolenża fir-regjun, li seħħet dan l-aħħar.
Konxju mill-ħtieġa li jieqaf il-ġlied u l-bżonn li l-proċess politiku jerġa jibda fil-Lvant Nofsani, il-Gvern Malti f’diversi okkażjonijiet u f’fora varji, saħaq li ż-żewġ naħat sabiex jagħmlu minn kollox biex it-tensjoni fir-reġjun titnaqqas.
Il-Gvern Malti tenna l-pożizzjoni tiegħu kull fejn seta’ li ma jistax ikun hemm soluzzjoni militari għal dan il-konflitt u filwaqt li esprima l-appoġġ tiegħu lejn l-oġġettiv ta’ l-Iżrael u l-Palestina li jgħixu bħala żewġ stati ġirien bi fruntieri siguri u magħrufa, enfasizza l-importanza li jiġu osservati u mplimentati ir-riżoluzzjonijiet relevanti li ġew addottati mill-Kunsill tas-Sigurezza.
F’dan il-kuntest wieħed irid isemmi wkoll li Malta esprimiet l-appoġġ tagħha għall- pożizzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea li kkundannat it-terrur u l-vjolenza fil-Lvant Nofsani. Malta ukoll appoġġjat l-inizjattiva oriġinata mill-Crown Prince Abdullah Bin Abdul Aziz tar-Renju tal-Għarabja Sawdita favur il-promozzjoni tal-paċi u s-soluzzjoni ta’ dan il-konflitt.
Ta’ min insemmi li matul dawn l-aħħar tliett xhur il-Gvern Malti ħareġ għaxar stqarrijiet għall-istampa minn jeddu jew b’sostenn għall-pozizzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea dwar din il-kriżi ta’ l-Lvant Nofsani, li kopja tagħhom kollha qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul dawn l-aħħar tliet snin, qattx saru stediniet lil personalitajiet distinti sabiex dawn iżuru Malta? Lil min saru dawn l-istediniet? Minn min? Kemm minnhom aċċettaw l-istedina u kemm minhom m'aċċettawx l-istedina? Jista' jgħid jekk il-Ministeru ta l-Affarijiet Barranin kienx dejjem infurmat b'dawn l-inizjattivi diplomatiċi? Jekk le, ittieħdu passi dixxiplinari kontra persuni involuti b'tali stediniet jew x'kienu r-riżultati ta' nkjesti li setgħu saru?
Response (BORG, JOE)
Għall-fini tal-mistoqsija nifhem illi r-referenza li għamel l-Onorevoli Interpellant għall-personalitajiet distinti tikkonċerna lill-Kapijiet ta’ Stati, Kapijiet ta’ Gvernijiet, Ministri u Kapijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.
F’dan il-kuntest fl-aħħar tliet snin saru dawn il-viżti wara li saritilhom stedina.
Il-Kapijiet ta’ Stati kienu:
Il-Q.T. il-Papa Gwanni Pawlu it-Tieni
Il-President Albaniż, Rexhep Meidani
Il-President Ċiniż, Jiang Zemin
Il-President tar-Repubblika Ċeka, Vaclav Havel
Il-Kapijiet ta’ Gvernijiet kienu:
Il-Prim Ministru ta’ l-Estonja, Mart Laar
Il-Prim Ministru Grieg, Costas Simitis
Il-Prim Ministru Irlandiż, Bertie Ahern
Il-Prim Ministru Slovakk, Mikulas Dzurinda
Il-Prim Ministru ta’ Slovenja, Janez Drnovsek
Il-Prim Ministru Spanjol, Jose Maria Aznar
Il-Prim Ministru Svediż, Goran Persson
Il-Prim Ministru Tuneżin, Mohamed Ghannouchi
Il-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin kienu:
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Albaniż, Paskal Milo
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Ċiprijott, Ioannis Kasoulides
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin tal-Latvja, Induliz Berzins
Is-Segretarju tal-Kumitat Ġenerali tal-Poplu għall-Foreign Liaison u Ko-operazzjoni Internazzjonali Libjan, Abdul Rahman Shalgam
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ Lussemburgu, Lydie Polfer
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin u Kummerċ tan-New Zealand, Don McKinnon
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Portugiż, Jaime Gama
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Slovakk, Edward Kukan
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Svediż Anna Lindh
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Tuneżin, Habib Ben Yahia
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Ungeriż, Janos Martonyi
Il-Ministri l-oħra kienu:
Il-Ministru tal-Finanzi Belġjan, Didier Reyners
Il-Ministru ta’ l-Intern Ċiprijott, Christodoulos Christodoulou
Il-Ministru għall-Kummerċ Barrani Finlandiż, Kimmo Sasi
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Franċiż, Pierre Moscovici
Il-Ministru għas-Servizz Ċivili u r-Riforma ta’ l-Istat Franċiż, Michel Sapin
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Ġermaniż,Christoph Zoppel
Il-Ministru tat-Teżor Ingliż, Gordon Brown
Il-Ministru għall- Ewropa Ingliż, Joyce Quin
Il-Ministru għall- Ewropa Ingliż ta’ warajha, Keith Vaz
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u Xjenza Irlandiż, Michael Woods
Il-Ministru tas-Saħħa ta’ l-Iżlanda, Ingibjorg Palmadottir
Is-Segretarju tal-Kumitat Ġenerali tal-Poplu għall-Ġustizzja u Ordni pubblika Libjan, Mohammed Hijazi
Il-Ministru għall-Politika ta` l-Unjoni Ewropea Taljan, Rocco Buttiglione
Il-Ministru ta’ l-Intern Taljan, Enzo Bianco
Il-Ministru ta’ l-Intern Taljan ta’ warajh, Claudio Scajola
Kien hemm ukoll dawn il-personalijiet oħra. Dawn kienu:
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Romano Prodi
Il-Kummissarju Ewropew għat-Tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropeja, Gunther Verheugen
Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Margot Wallstrom
L-E.T. il-Prinċep Philip
Il-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol u Affarijiet Soċjali, Anna Diamantopoulou
Il-Gran Kanċillier ta’ l-Ordni ta’ San Gwann ta’ Ġerusalem, Rodi u Malta, il-Konti Don Karlo Marullo
Il-President tal-Parlament Ewropew, Nicole Fontaine
Il-Gvern Malti, inkluż il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranini, kien infurmat b’kull waħda minn dawn il-viżti.
Irrid ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif inhi il-prassi fil-protokoll internazzjonali, l-istedinijiet jiġu maħruġa mill-persuni li jkunu jokkupaw il-pożizzjoni ekwivalenti. Għaldaqstant il-Kapijiet ta’ Stati barranin kienu mistiedna mill-Kap ta’ Stat Malti, il-Kapijiet ta’ Gvernijiet barranin kienu mistiedna mill-Prim Ministru Malti, u l-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin mill-Ministru Malti ta’ l-Affarijiet Barranin. Irrid ninforma wkoll li Ministri oħrajn jistgħu jieħdu l-inizjattiva u jagħmlu stedinijiet lill-kollegi tagħhom barranin. F’dan ir-rigward hemm proċedura illi meta jsiru stediniet minn Ministri oħra, il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin ma jiġix informat a priori iżda jiġi nformat malli din l-istedina tiġi aċċettata.
Il-Princep Andrew, il-Prinċep Edward u l-Prinċipessa Anna ta’ l-Ingilterra ġew Malta fuq stediniet separati tal-Kummissjoni Għolja Ingliża f’Malta.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barrranin ma jafx b’każi ta’ stediniet magħmula lil Kapijiet ta’ Stati jew ta’ Gvernijiet jew lil Ministri li ġew rifjutati, iżda hemm diversi żjarat li għad iridu jseħħu u li d-diskussjonijiet dwarhom għadhom sejrin.
Fid-dawl ta’ dan kollu u fir-rigward ta’ materji simili mhux il-każ ta’ passi dixxiplinari jew inkjesti, iżda jekk u fejn ikun hemm bżonn, ta’ ko-ordinament kontinwu mal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, li fil-fatt nista’ ngħid li jsir regolarment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il permess ingħata minn Jannar sa Gunju 2002 sabiex bastimenti navali barranin ikunu jistgħu jżuru Malta? Minn liema pajjiż ġew/ġejjin dawn il-bastimenti? Jista' l-Ministru jikkonferma li ebda minn dawn il-bastimenti ma kellu jew għandu armi nukleari fuqu jew li ebda minn dawn il-bastimenti ma jaħdmu b'magni nukleari.
Response (BORG, JOE)
Bejn Jannar 2002 sa issa, ingħataw tletin permess sabçx bastimenti navali barranin jkunu jistgħu jżuru Malta sa Gunju 2002, kif naħseb li xtaq ikun jaf l-Onorevoli Membru. Dawn il-bastimenti ġew jew ġejjin minn dawn il-pajjiżi:
Franza
Renju Unit
Irlanda
Turkija
Greċja
Italja
Spanja
Ġermanja
Olanda
Indja
Stati Uniti ta` l-Amerika
Kanada
Il-Ministeru dejjem jiġbed l-attenzjoni ta` l-Ambaxxata li tressaq talba bçx bastimenti navali tal-pajjiż ikunu jistgħu jżuru Malta, li r-regolamenti viġenti dwar viżti ta` bastimenti navali, jispeċifikaw fost affarijiet oħra illi l-bastimenti in kwistjoni ma jistgħux iġorru armi nukleari fuqhom, iridu jiġu osservati.
Ebda bastiment indikat f'dawn it-tletin permess li ngħataw sa issa, ma jaħdem b'magni nukleari.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu mal-MIC fuq bażi full time u oħraj part time? Kemm minnhom jaħdmu sahra bil-ħlas jew sahra bla ħlas (time off in lieu)? Kemm tammonta l-ispiża totali ta' pagi, allowance u overtime fil-MIC kull xahar? X'tip ta' kuntratti għandhom il-ħaddiema impjegati mal-MIC? Hemm il-ħsieb li jikkonsulta mal-Unions dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol? Għal kull kuntratt li għamel il-gvern fil-MIC x'bi ħsiebu jikkonkludi jew joffri sabiex iserraħ ras l-impjegati tal-MIC għal ingaġġ aħjar fil-kuntratti futuri tal-ħaddiema nvoluti?
Fid-dawl tal-kontroversja politika dwar is-sħubija ta' Malta fl-UE, x'inhu r-rwol eżatt tal-Malta EU Information Centre u xi prospetti futuri għandha? Xi strateġija hejja għal dan iċ-Ċentru taħt xenarji futuru differenti.
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern iqis li meta Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea xorta tibqa', jekk mhux anki ssir aktar indispensabbli, il-ħtieġa li jitkompla x-xogħol ta' għoti ta' tagħrif u nformazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u dwar s-sħubija ta' Malta fl-istess Unjoni, li huwa r-rwol preżenti tal-MIC.
L-esperjenza f'pajjiżi oħra wriet li huwa mportanti ferm li l-proċess ta' nformazzjoni ma jieqafx hekk kif pajjiż jissieħeb fl-Unjoni Eworpea, iżda għandu jitkompla anki wara.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża ta' kull ambaxxata/kummissjoni għolja maltija fuq il-fuel u t-trasport għal matul dawn l-aħħar tliet snin? Kemm swiet il-manutenzjoni tal-vetturi uffiċjali li jużaw ambaxxati/kummissjoijiet għolja maltin? Kemm inxtraw vetturi ġodda għall-ambaxxati/kummissjonijiet għolja maltin matul dawn l-aħħar tliet snin? Kemm kienet l-ispiża u x'marka u mudell kienu l-vetturi li nxtraw? Kemm hemm uffiċjali fi ħdan il-Ministeru li qed jagħmlu użu minn xi vettura uffiċjali? Minn huma dawn l-uffiċjali u xi grad għandhom? Għalfejn qed jagħmlu użu minn vettura uffiċjali?
Response (BORG, JOE)
L-ispiża fuq il-fuel, trasport u manutenzjoni tal-vetturi uffiċjali mill-Ambaxxati/Kummissjonijiet Għolja Maltin għal matul dawn l-aħħar tlçt snin dejjem kçnet fil-limiti tal-vot relattiv fl-estimi tas-sena partikolari tal-Ministeru ta` l-Affarijçt Barranin. Għalhekk, sakemm ma ningħatax raġuni valida l-għala l-Onorevoli Interpellant irid dawn id-dettalji, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
L-informazzjoni l-oħra mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.