Jista' l-Ministru jagħti għal dawn l-aħħar tliet snin xahar b'xahar in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, kemm saru applikazzjonijiet ġodda kull xahar? Kemm applikazzjonijiet ġew deċiżi favur jew kontra kull xahar? Kemm saru applikazzjonijiet għar-rikonsiderazzjoni u appelli kull xahar u x'kien ir-residual backlog ta' applikazzjonijiet kull xahar?
Jikkonferma l-Ministru li Screen F6 li fuqu jiġu elenkati d-deċiżjonijiet tad-DCC tal-Planning Authority, suppost huwa aċċessibbli biss għas-segretarja tad-DCC biex tagħmel entries ġodda u tibdil fih?
Jassigura l-Ministru li matul l-aħħar sitta jew tmien xhur (jew qabel) dan l-iscreen ma sabux mezz kif jidħlu fih nies oħra mill-awtorita', li mhux suppost kellhom il-fakulta' li jagħmlu tibdil fih?
Jekk irriżulta dan, x'miżuri ta' dixxiplina ttieħdu kontra min abbuża u x'kontrolli kien hemm biex min seta' abbuża ma kienx hemm min iggwadanja minn dan l-abbuż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li s-segretarjat tad-DCC u segretarja fit-'Transport Planning Unit' (biex iddaħħal dettalji tal-'Commuted Parking Pavement Scheme') biss jistgħu jagħmlu tibdil fi 'Screen' 6, li fuqu jiġu elenkati d-deċiżjonijiet ta-DCC tal-Awtorita ta' l-Ippjanar.
Sal-25 ta' Settembru, 1998, dawn li ġejjin setgħu wkoll jagħmlu tibdil minħabba r-raġunijiet elenkati :
* Żewġ uffiċjali fl-'Accounts Office' biex idaħħlu dettalji fuq multi.
* Segretarja fi 'Transport Planning Unit', Segretarja fil-'Land Survey Unit' u Segretarja fl-Uffiċċju t'Għawdex biex idaħħlu dettalji tad-'Development Monitoring'.
* Segretarji fid-'Development Control Unit' biex idaħħlu d-'Delegated Decisions'.
L-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma kellha l-ebda rapport ta' abbuż tas-sistema kif indikat mill-Onorevoli Interpellant.
16.11.98
Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex fuq id-Development Control Commission tal-Planning Authority inħatru sitt membri minn seba' li huma periti?
Ma jaħsibx l-Ministru li taħlita ta' membri b'back ground aktar varjat kien ikun aħjar fuq dan il-bord?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Membru, il-Prim Ministru jaħtar biss erba' mis-seba' membri tad-'Development Conrol Commission' (DCC), filwaqt li t-tlieta l-oħra jinħatru skond ix-xewqat tal-membri tal-bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Sa l-aħħar t'Ottubru, 1998, sakemm skada t-terminu ta' l-aħħar DCC, mill-erba' membri maħtura mill-Prim Ministru tlieta minnhom kienu periti, filwaqt li llum mill-erba' membri maħtura mill-Prim Ministru erba' huma periti.
L-Onor. Membru japprezza li filwaqt li t-taħlita tal-membri hija fattur ta' min jikkonsidrah, huwa ferm aktar importanti li l-membri maħtura jkunu persuni b'kapaċita' teknika kif ukoll ta' integrita'.
L-għażla li għamlu l-membri ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għar-rigward tat-tlett membri l-oħra tad-DCC ma jidhirlix li għandi dritt nikkumenta fuqha ġaladarba din kienet l-għażla ħielsa tagħhom.
16.11.98
Jikkonferma l-Ministru li wieħed mill-membri l-ġodda tad-DCC tal-Planning Authority għandu l-mara tiegħu kap tat-taqsima ta' skemi li huma ODZ (barra miż-żona ta' l-iżvilupp) fin-nofs inhar ta' Malta?
Jaħseb l-Ministru li meta jiġi biex jieħu deċiżjonijiet fuq il-bord, dan il-membru jista' jkollu konflitt ta' interessi stante li jista' jkollu jivvota kontra deċiżjonijiet li tkun ħadet martu stess?
Response (BORG, TONIO)
Mhux minnu li l-persuna ndikata fil-Mistoqsia, impjegata ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, hija Kap tat-Taqsima ta' Skemi li huma ODZ fin-nofsinhar ta' Malta. Din il-persuna hija biss 'Case Officer' fi ħdan wieħed mill-'Area Teams'. Ir-rakkomandazzjonijiet li tkun għamlet din il-persuna jitressqu quddiem id-DCC wara li jkunu vverifikati mill-'Manager' ta' l-'Area Team' tagħha.
16.11.98
Jista' l-Ministru jagħti l-linji ġenerali li fuqhom beħsiebu jwettaq il-"bidla radikali" li kien wiegħed il-partit tiegħu li se jagħmel biex il-Planning Authority ssir aktar effiċjenti u effettiva?
Response (BORG, TONIO)
Apparti l-linji ġenerali kif imfissra fil-programm elettorali tal-P.N. il-Ministeru se jfassal it-tibdil meħtieġ wara konsultazzjoni wiesgħa. Għal dan il-għan il-Ministeru diġa' beda serje ta' laqgħat ta' konsultazzjoni ma' diversi organizazzjonijiet li għandhom interess f'dan ir-rigward. Issa wkoll li ġie appuntat il-bord il-ġdid ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dan mistenni li jressaq 'l quddiem proposti formali sabiex iservu bħala bażi ta' diskussjoni. Aktar 'l quddiem, wara li nkunu ġbarna l-ideat inizzjali ta' dawn l-organizazzjonijiet, tiġi organizzata Konferenza Nazzjonali dwar din it-tema.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx l-intenzjoni li l-Ministeru tiegħu jkompli jħaddem is-sistema tal-composting Eco Pod li bdiet titħaddem fl-Impjant ta' Sant'Antnin mill-gvern preċedenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru qiegħed fl-istadju li janalizza sistema tal-'composting Eco-pod' u sistemi oħrajn li qiegħdin jiġu offruti qabel jiddeċiedi liema sistema titħaddem fl-Impjant ta' Sant' Antnin.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Postings ta' impjegati
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista tal-postings kollha li saru fil-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni 'il hawn? F'kull każ, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-grad ta' kull persuna nvoluta, kemm ilha fl-impjieg, qattx kien jew kienet posted barra qabel u fil-każ li kien jew kienet, fejn kien il-posting u f'liema snin?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Mill-Elezzjoni ta' Settembru 1998 'il hawn, erbgħa uffiċċjali tal-Ministeru qed jintbagħtu f' Missjonijiet Maltin barra minn Malta fil-livell ta' 'First Secretary'. Ħadd minnhom ma qatt serva barra. Wieħed mill-uffiċċjali daħal fis-Servizz Dipolmatiku f' Lulju 1995, filwaqt li t-tlieta l-oħra kienu ingaġġati f' dan l-istess servizz f' Settembru 1996.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx xi ħsieb li l-Impjant ta' Riċiklaġġ ta' l-Iskart solidu ta' Sant'Antnin jerġa' jiġi mogħti lill-privat biex iħaddmu taħt kuntratt mill-Gvern?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru f'dan l-istadju m'għandux il-ħsieb li l-Impjant ta' Sant'Antnin ikun mogħti lill-privat biex jitħaddem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tunnellati ta' skart domestiku ġew composted fl-Impjant ta' Sant'Antnin f'dawn l-aħħar xahrejn u jgħid jekk kienx hemm jew għadx hemm complaints mir-residenti ta' l-irħula qrib dwar intejjen jew irwejjaħ ħerġin mill-impjant?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ammont ta' skart domestiku li ġie proċessat fl-Impjant ta' Sant' Antnin matul dawn l-aħħar xahrejn kien ta' 2,315 tunnellata.
Mir-records tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jiriżulta li l-persentaġġ tal-ħin li nxtammet riħa tinten mill-viċinanza ta' l-Impjant tal-Kompostaġġ ta' Sant' Antnin f'dawn l-ahhar xhur kien hekk:
Ġunju 1998 - 8.75%
Lulju 1998 - 8.33%
Awissu 1998 - 29.03%
Settembru 1998 - 5.55%
Ottubru 1998 - 0.4% (riżultat parzjali)
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument ta' 20 faċċata li qal li bagħat lill-Commission ta' l-European Union li fih spjega ta' x'beħsiebu jagħmel il-Gvern dwar tassazzjoni u suġġetti oħra f'pajjiżna bi preparazzjoni għal diskussjonijiet dwar sħubija?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Dak li qiegħed jallega l-Onorevoli Interpellant mhuwiex korrett.