B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 15829 tas-Seduta Nru. 228 tat-8 ta' Mejju, 2000, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm mill-uffiċjali msemmija li kienu fuq Performance Agreement ħadu l-pensjoni fuq l-iskala tal-Performance Agreement separatament fi skali 2, 3, u 4, cioe' kemm mit-tliet uffiċjali fi skala 2 ħadu l-pensjoni tat-teżor fuq skala 2, kemm miż-żewġ uffiċjali fi skala 3 ħadu l-pensjoni tat-tezor fuq skala 3, u kemm mid-disa' uffiċjali fi skala 4 ħadu l-pensjoni tat-teżor fuq skala 4?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jien infurmat li kienu 8 l-uffiċċjali li rtiraw fis-skala 4 u mhux 9 kif kien indikat qabel peress li wieħed mid-Diretturi kien fuq Performance Agreement ta'skala 5.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm spiċċaw bil-pensjoni tat-Teżor uffiċjali għolja li kellhom appointment bil-performance agreement fid-data li rtiraw, separatament fi skali 2, 3, u 4, bejn l-1 ta' April, 1998 u l-31 ta' Marzu, 2000?
Jista' jgħid kemm-il sena kienu ilhom jokkupaw il-kariga tal-performance agreement f'kull każ u kemm minnhom inħadmitilhom il-pensjoni fuq il-kariga li kienu jokkupaw bil-performance agreement, jiġifieri ogħla mill-grad substantive tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy attwali dwar għoti ta' permessi ta' ftuħ ta spiżeriji ġodda?
X'inhuma l-kriterji li fuqhom minn diġa' għandu permess tal-Planning Authority għall-applikazzjoni sabiex jiftaħ spiżerija, jingħata l-permess mid-Dipartiment tas-Saħħa?
Kemm hemm applikazzjonijiet bħal dawn u meta huwa previst li tittieħed deċiżjoni dwar l-għoti ta' dawn il-permessi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Tlett ijiem qabel l-aħħar elezzjoni ġie iffirmat ftehim bejn id-Diviżjoni, ic-chamber of Pharmacists u l-GRTU li rabat lid-diviżjoni u li ma jinħargux aktar liċenzji sakemm jiġu konklużi d-diskussjonijiet.
Id-Diskussjonijiet dwar spiżeriji għadhom għaddejjin u għalhekk il-ħruġ ta` permessi ta` ftuħ ta` spiżeriji ġodda huma temporarjament sospiżi.
Il-kriterji biex jingħataw permessi dwar spiżeriji mid-Dipartiment tas-Saħħa qed ikunu riveduti fl-istess diskussjonijiet.
In-numru pendenti ta` applikazzjonijiet għal spiżeriji huwa ta` 291. Il-lista li tinżamm mid-dipartiment tas-Saħħa tikkonċerna dawk l-appliklazzjonijiet pendenti għal liċenzji maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika w mhux dwar permessi tal-Planning Authority.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu advisors impjegati miegħu jew mal-ministeru tiegħu, fuq bażi fulltime jew part-time? Jista' jagħti lista tagħhom, jgħid kemm ilhom fl-impjieg, x'inhu x-xogħol ta'kull wieħed jew waħda minnhom, f'liema oqsma huma speċjalizzati, u jekk jogħġbu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' kull advisor, inkluża informazzjoni dwar salarji, renumerazzjoni, onorarji u benefiċċji oħra li għandu jew għandha kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għandu żewġ 'advisers' impjegati miegħu.
Dawn huma s-Sur Saviour Balzan, fuq bażi 'part-time' li jgħin lill-Ministru fuq xogħol li għandu x'jaqsam ma' policies ta' ambjent partikolarment ma' dak li għandu x'jaqsam ma' l-Unjoni Ewropea, u s-Sur John Micallef li huwa fuq bażi 'full-time' u qiegħed jgħin lill-Ko-operattiva ta' l-Indafa Pubblika fuq amministrazzjoni u tmexxija tal-Ko-operattiva.
Qiegħed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tagħhom fejn hawn l-informazzjoni kollha rikjesta mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi jew vetturi oħra bil-mutur f'pajjiżna li fil-pjanċa tan-numri (number plate) għandhom bħala l-ewwel tlett ittri s-sekwenza ta' ittri li tinqara "SEX"? Jikkonferma l-Ministru li kien hemm ftehim taċitu meta nbiddlu l-pjanċi tan-numri li ċerti kumbinazzjonijiet ta' ittri m'għandhomx jintużaw, jekk jirriżulta li meta jinqraw iwasslu ċerti messaġġi? Min kien responsabbli li ħareġ, jew awtorizza l-ħruġ ta' tali pjanċi, jekk fil-fatt jeżistu fit-toroq tagħna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa hawn tnax-il vettura f`pajjiżna tan-numri (number plate) li għandhom bħala l-ewwel tlett ittri s-sekwenza ta` ittri li tinqara SEX.
Jien infurmat li hija `policy` tad-Dipartiment tal-Liċenzji w Testijiet li ċerti kumbinazzjonijiet ta` ittri li jistgħu jiġu nterpretati ħażin ma jinħarġux. Għalkemm il-kumbinazzjoni ta` ittri SEX ma għandha l-ebda sinifikat offensiv (ara l-użu tagħha f`diversi formoli) id-Dipartiment waqqaf il-ħruġ ta` din il-kumbinazzjoni.
Sfortunatament dawn il-pjanċi nħarġu waqt l-ewwel fażi tal-bdil ta` l-istess pjanċi, jiġifieri meta d-Dipartiment kien taħt pressjoni straordinarja ta` xogħol.
Jidhirlu l-Ministru li miżura li hija msemmija li għandha tittieħed taħt short term priorities (2000), fil-parti li għandha x'taqsam ma' l-ambjent, fil-NPAA, jiġifieri (a) taħt is-subartikolu Civil Protection li tgħid eżattament:
"Limiting the emergency telephone number to the police authorities",
hija miżura amministrativa tant żgħira u mistennija b'mod loġiku u naturali f'kull pjan ta' azzjon f'każ ta' l-protezzjoni ċivili li huwa ridikolu u assurd li din isib ruħha fi Pjan Nazzjonali għall-Adozzjoni ta' l-Acquis u għandha titneħħħa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għalkemm din hija miżura amministrattiva żgħira, xorta waħda trid tiġi implimentata.
Legal Notice 83/81, maħruġa taħt l-Att "Agricultural and Fishing Industries (Financial Assistance) (Cap. 146) li tawtorizza għajnuna finanzjarja lill-bdiewa, sajjieda u raħħala ta' nazzjonalita' Maltija, m'hijiex in line mal-liġijiet ta' l-UE (Acquis). Jista' l-Ministru jgħid x'tibdil irid isir f'din il-liġi jew legal notice, u fi kliem sempliċi jgħid kif dan it-tibdil se jolqot lill-bdiewa, sajjieda jew raħħala Maltin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fi kliem sempliċi, din il-liġi trid tiġi emendata fis-sens li kull bidwi jew sajjied stabbilit f'Malta jkun jista' jibbenefika mill-għajnuna finanzjarja li tkun disponibbli taħt dan il-Att. Il-bdiewa, raħħala u sajjieda Maltin ikunu jistgħu japplikaw għal għajnuna finanzjarja taħt skemi operati skond il-politika agrikola komuni (CAP) tal-Unjoni Ewropeja, inklusi d-'direct payments' u l-programm taħt l-iskema tal-iżvilupp rurali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi jew vetturi oħra bil-mutur f'pajjiżna li fil-pjanċa tan-numri (number plate) għandhom bħala l-ewwel tliet ittri, is-segwenza ta' ittri li tinqara "SEX"?
Jikkonferma l-Ministru li kien hemm ftehim taċitu, meta nbidlu l-pjanċi tan-numri li ċerti kumbinazzjonijiet ta' ittri m'għandhomx jintużaw, jekk jirriżulta li meta jinqraw iwasslu ċerti messaġġi?
Min kien responsabbli li ħareġ, jew awtorizza l-ħruġ ta' tali pjanċi, jekk fil-fatt jeżistu fit-toroq tagħna?
Response (BORG, TONIO)
Nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jelenka xi żviluppi seħħew minn Settembru 1998 sal-lum fit-twettiq tal-programm nazzjonali għal moniteraġġ (monitoring) tal-kwalita' ta' l-arja f'pajjiżna, minn kif ħalla l-affarijiet il-gvern Laburista?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Minn Settembru 1998, saru ħafna żviluppi fil-kamp tal-monitoraġġ ta' l-arja.
Inxtraw strumenti għall-analiżi ta' sulphur dioxide, nitrogen oxides, ozone, carbon monoxide u particulate matter. Dawn l-istrumenti ġew installati fuq mobile monitoring station. F'Settembru 1999 ingħata bidu għall-monitoraġġ ta' l-arja f'għadd ta' lokalitajiet f'Malta u f'Għawdex permezz ta' dan il-mobile station.
Fl-1999 ħarġet tender għax-xiri ta' diffusion tubes. Il-monitoraġġ ta' l-arja permezz tad-diffusion tubes jagħti informazzjoni li tikkumplimenta dik li jagħtu l-istrumenti. Dawn id-diffusion tubes waslu fi Frar 2000 u dalwaqt jibdew jiġu mmuntati fl-irħula u bliet f'Malta u Għawdex.
F'Diċembru 1999, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ikkummissjona studju biex tiġi studjata l-problema ta' trab iswed li jeffetwa l-parti ta'isfel ta' Malta u tiġi stabbilita l-oriġini ta' dan it-trab. Ittieħdu diversi kampjuni u ntbagħtu barra għall-analiżi. L-ewwel riżultati huma mistennija għal nofs din is-sena.
Jista' l-Ministru jispjega kif f'paġna 141 tan-NPAA taħt waste managament jingħad li Environment Protection Act ġdid li jissodisfa l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-Acquis qiegħed jiġi drafted u jsir liġi matul din is-sena, filwaqt li f'paġna 145 ta' l-istess document taħt "short term priorities (2000)" u subheading water regulation jingħad li parti IV ta' l-Environmental Protection Act li għandna issa (Kap 348) tiddaħħal in vigore matul din is-sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Hemm diversi liġijiet u regolamenti li jaqgħu taħt l-'Environmental Acquis' li jistgħu jinġiebu fis-seħħ taħt il-liġi eżistenti dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent, anki qabel ma ssir il-liġi l-ġdida.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju jinstab il-ħsieb li tiġi mnedija kampanja nformattiva indirizzata lill-pubbliku in ġenerali, u l-konsumatur in partikolari dwar organisimi u ikel li jkun modifikat, trasformat jew mibdul ġenetikament (Genetically modified organisims, jew Genetically modified food)?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-issue ta' organiżmi u ikel li jkun modifikat ġenetikament, inkluż kampanji informattivi lill-pubbliku, qed jiġi trattat fl-isfond tal-leġiżlazzjoni Ewropeja u fil-qafas ta' miżuri li jridu jittieħdu biex Malta tikkonforma ma' din il-leġiżlazzjoni.
F'paġna 148 tal-NPAA, taħt Genetically Modified Organisims f'(c) jingħad li "Training of government employees who are to impliment the directives will be also (sic!) organised". Billi hemm indikat li dan huwa "ongoing", jista' l-Ministru jgħid: fuq liema direttivi qed jitkellem ir-rapport; kemm ħaddiema tal-gvern qegħdin jiġu mogħtija t-tħarriġ li hemm riferenza għalih; fiex jikkonsisti dan it-tħarriġ; kif intgħażlu dawn in-nies; u kemm huwa kkalkolat li jdum dan it-tħarriġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Id-Direttivi li jagħmel referenza għalihom ir-rapport huma:
1. "Council Directive 90/219/EEC on the contained use of
genetically modified organisms".
2. "Council Directive 90/220/EEC on the deliberate release into
the environment of genetically modified organisms".
Il-parti tal-NPAA li qed jagħmel riferenza għaliha l-Onorevoli Interpellant ma tgħidx li l-ħaddiema tal-Gvern qed jingħataw taħriġ iżda li t-taħriġ meħtieġ għad irid jiġi organizzat.
Il-ħsieb huwa li diversi impjegati tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jingħataw taħriġ meħtieġ biex jiġu mħarsa l-obbligi li joħorġu mid-direttivi. Minħabba n-natura tas-suġġett li huwa għal kollox ġdid it-taħriġ irid ikun fuq bażi regolari u mhux ta' darba.
B'riferenza għal dak li hemm f'paġna 35 tal-NPAA, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-istudji ta' x'se jkunu l-implikazzjonijiet jekk pajjiżna jaderixxi għall-Acquis fil-qasam tal-free movement f'workers?
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi studji li saru s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Programm Nazzjonali għall-Adozzjoni tal-Acquis magħruf bħala in-'National Programme for the Adoption of the Acquis' (NPAA) identifika dawk l-aspetti kollha fejn għad hemm bżonn li jsiru studji speċifiċi. Hekk kif jitlestew dawn l-istudji l-NPAA jiġi kompletat u jittieħdu d-deċiżjonijiet relattivi. Mhux għaqli li tingħata nfromazzjoni dwar dawn l-istudji f'dan il-waqt jew li jitqegħdu kopji fuq il-Mejda tal-Kamra wara li jitlestew jew li tingħata nformazzjoni dwar ir-riżultati ta' dawn l-istudji, anke minħabba fin-natura sensittiva tan-negozjati għas-sħubija ma' l-Unjoni Ewropea ġaladarba dawn l-istudji jistgħu iservu bħala bażi għall-pożizzjoni tal-Gvern Malti f'dawn in-negozjati.
Minkejja dan kollu l-Gvern lest li jsib mod kif iżomm l-Opożizzjoni nfromata u jikkopera magħha jekk hija trid ġenwinament tipparteċipa fil-proċess tat-tħejjija tal-pożizzjoni tagħna għan-negozjati u tat-tibdil li jkun jinħtieġ li jsir sabiex aħna nadottaw l-acquis.
B'riferenza għal dak li hemm f'paġna 38 ta' l-NPAA, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-istudji ta' x'se jkunu l-implikazzjonijiet soċjali u f'oqsma oħra bħal ta' l-impjiegi li jġib miegħu it-tibdil meħtieġ fl-Immigration Act, liġijiet oħra biex ikun kompatibbli mad-diretturi ta' l-UE, dwar drittijiet ta' mpjiegi u residenza f'Malta ta' ċittadini ta' pajjiżi oħra ta' l-UE?
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi studji li saru s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 14,162.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed isir attwalment biex tintlaħaq waħda mix-short term priorities msemmija fid-draft NPAA taħt Free Movement of Persons li f'paġna 39 ta' dan ir-rapport taħt B(b) tgħid:
"Conclude bilateral agreement with some of the EU member states in the field of social security to facilitate the implimentation of relevant EU directives and regulations".
Dan il-proċess huwa deskritt f'dan ir-rapport bħala ongoing?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Membru li fill-fatt delegazzjoni mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali tal-Ministeru tal-Politika Soċjali, bejn it-2 u l-4 ta' Frar ta' din is-sena, kellha diskussjonijiet f''the Hague', l-Olanda, ma delegazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u ta' Mpjieg tal-Gvern ta' l-Olanda dwar Ftehim Bilaterali dwar is-Sigurta' Soċjali.
Jien infurmat li sar ħafna progress f'dan ir-rigward u li m'għandux ikun hemm diffikultajiet sostanzjali sabiex jintlaħaq ftehim aħħari.
B'riferenza għal dak li hemm f'paġna 37 tal-NPAA, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-istudji ta' x'se jkunu l-implikazzjonijiet tekniċi u finanzjarja ta' l-introduzzjoni tat-tibdil fir-requirements ta' training ta' tobba tal-familja (general medical practioners) u ta' spiżjara, li jridu jsiru biex naderixxu mal-EU General System Directives?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi studji li saru s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Programm Nazzjonali għall-Adozzjoni ta' l-Acquis magħruf bħala "In-National Programme for the Adoption of the Acquis" (NPAA) identifika dawk l-aspetti kollha fejn għad hemm bżonn li jsiru studji speċifiċi. Hekk kif jitlestew dawn l-istudji l-NPAA jiġi kompletat u jittieħdu deċiżjonijiet relattivi. Mhux għaqli li tingħata informazzjoni dwar dawn l-istudji f'dan il-waqt jew li jitqegħdu kopji fuq il-Mejda tal-Kamra wara li jitlestew jew li tingħata informazzjoni dwar ir-riżultati ta' dawn l-istudji, anke minħabba fin-natura sensittiva tan-negozjati għas-sħubija ma' l-Unjoni Ewropea ġaladarba dawn l-istudji jistgħu jservu bħala bażi għall-pożizzjoni tal-Gvern Malti f'dawn in-negozjati.
Minkejja dan kollu l-Gvern lest li jsib mod kif iżomm l-Oppożizzjoni nformata u jikkopera magħha jekk hija trid ġenwinament tipparteċipa fil-proċess tat-tħejjija tal-pożizzjoni tagħna għan-negozjati u tat-tibdil li jkun jinħtieġ li jsir sabiex aħna nadottaw l-acquis.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir attwalment biex tintlaħaq waħda mix-short term priorities msemmija fid-draft NPAA (National Programme for the Adoption of the Acquis) taħt Free Movement of Persons, li f'paġna 39 ta' dan ir-rapport taħt B(a) tgħid:
"Set up similar legal and administrative structures as in the EU with the overseeing of professional education and training and the recognition of pertinent qualifications"
Dan il-proċess huwa deskritt f'dan ir-rapport bħala ongoing?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Universita` qed tipprepara 'set-up' biex jinħoloq il-mekkaniżmu professjonali li jamministra dan il-qasam. Fondi qed jiġu mitluba mill-ACT biex ikopru l-ispejjeż involuti.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir attwalment biex tintlaħaq waħda mix-short terms priorities msemmija fid-draft NPAA taħt Free Movement of Persons li f'paġna 39 ta' dan ir-rapport taħt B(f) jgħid:
"Set up necessary structure for accretitation of specialist training needs and establish a register of specialists in the medical field according to the criteria set out in EU directive".
Dan il-proċess huwa deskritt f'dan ir-rapport bħala ongoing?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurumat li qiegħda ssir riċerka dwar l-aħjar mod kif għandha titwaqqaf l-istruttura ``for accreditation of specialist training''. Id-Diviżjoni tas-Saħħa diġa' kellha konsultazzjoni mal-Bordijiet Kostitwiti dwar dan u fil-futur qarib ser jibdew konsultazzjonijiet mal-assoċjazzjonijiet professjonali.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-vapuri navali li għamlu żjara jew żjarat f'Malta matul is-sena 1999? F'kull każ, jista' jgħid: (a) l-isem tal-vapur; (b) nazzjonalita'; (ċ) gross tonnage; (d) tip ta' vapur; (e) dati li matulhom kienu Malta; u (f) raġuni għal visita ta' kull wieħed?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-vapuri navali li għamlu żjara ta' kortesija f'Malta matul is-sena li għaddiet kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jikkonferma l-Ministru li persuna li isimha qed jintbagħat separatament ġiet impjegata mill-UNESCO ftit wara l-ħatra ta' Dr Joe Licari bħala ambaxxatur għal UNESCO?
Jista' jgħid x'parti ħa l-imsemmi ambaxxatur fl-impjieg tal-persuna msemmija u jgħid ukoll jekk din l-istess persuna ħaditx xi somma mingħand il-gvern Malti wara li ntemmilha l-impjieg tagħha fl-ambaxxata Maltija ta' Parigi fl-1997?
Response (BORG, JOE)
Jien infurmat illi l-persuna msemmija hi t-tielet persuna Maltija li ġiet impjegata fil-Professional Category tal-UNESCO. Hija ġiet impjegata fl-aħħar nofs tas-sena 1999.
Hu fl-interess ta' Malta li persuni bi kwalifiki universitarji għolja jiġu mpjegati minn organiżżazzjonijiet internazzjonali u hu wieħed mill-obbligi ta' l-ambaxxaturi akkreditati għal dawn l-organiżżazzjonijiet li jgħinu lil ċittadini Maltin li jitolbu l-għajnuna tagħhom biex jiġu mpjegati f'dawn l-organiżżazzjonijiet. Fil-każ partikolari msemmi fil-mistoqsija, l-Ambaxxatur Licari ma ta l-ebda għajnuna lill-persuna msemmija - la b'mod uffiċċjali u lanqas mhux uffiċċjali, la bil-kitba u lanqas bl-ilsien - għax il-persuna konċernata ma talbietx l-għajnuna tiegħu. Il-persuna konċernata ngħatat biss tlett xhur żmien (notice) bi ħlas skond it-termini tal-kuntratt li kellha ma' l-Ambaxxata ta' Malta f'Pariġi mat-temm tal-impjieg tagħha mal-Ambaxxata imsemmija fl-1997.